Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/490759
16 illum | Il-Ħadd 05 ta' April 2015 Il-Punt FISSEKLU dsatax Malta bħala kolonja Brittanika kienet mehdija bil-festi. Skont Castagna bdejna s-seklu b'90 festa kmandata fis-sena. Fl-irħula r-raħħala kienu f 'pika min jarma l-akbar festa, min jindura l-aqwa statwa bid-deheb, jibni l-ogħla koppla jew kampnar, idendel l-itqal qanpiena u jżejjen it- toroq. Bdew deħlin baned organizzati, u fejn ma kienx hemm, l-Ingliżi kienu jibagħtulhom stakkament bandisti u jgħinuhom fl-isparar, anki minn fuq ix-xwieni. Il-mexxejja Brittaniċi indehsu kemm felħu biex iżommu lill-Maltin aljenati f 'dal-festi – ġieli ħadu sehem f 'purċissjonijiet, ukoll jekk dawn l-uffiċjali ma kinux Kattoliċi. Il-gvernatur, kważi dejjem Anglikan, kien ipoġġi fuq it-tron ġo San Ġwann f 'okkażjonijiet nazzjonali u l-Isqof kien jimxi immedjatament warajh. Ċerti każini tal-banda rmew l-ismijiet Taljani li seta' kellhom, xi drabi tal-qaddisin, u bdew jifirħu b'titli Brittaniċi bħal King's Own flok La Stella tal-Belt, Queen's Own flok La Vincitrice tal-Isla (li ftit ilu b'għaqal reġgħu biddluh għal dak li kien), Imperial tal- Mellieħa, Duke of Connaught Birkirkara, Queen Victoria ż-Żurrieq, King George V l-Imqabba u Prince of Wales il-Birgu. FESTI ĊIVILI F'pajjiżi oħra fl-Ewropa u fl-Istati Uniti l-popli, barra r-reliġjon Nisranija kienu qed isawru reliġjon oħra, imlaqqma ċivili li fiha b'mod daqstant importanti kienu qed iħarsu festi ġodda, ta' għamla lajka. Fost dawn jixegħlu fuq l-oħrajn kien hemm l-4 ta' Lulju tal- Indipendenza tal-Amerika u l-14 ta' Lulju, Jum il-Bastilja meta faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża f 'Pariġi. Festi nazzjonali oħra bdew jiġu ċċelebrati fl-Iskozja, l-Awstrija u l-Kanada fejn din tal-aħħar stabbilit Jum il-Ħaddiem fl-1894. L-Istati Uniti daħħlu wkoll Jum il-Ħajr fl-1863 u Jum il-Memorja għal dawk li mietu fil-Gwerra Ċivili tal- 1861-65. Fi żmien il-Kavallieri kellna festi kbar oħra ma' dawk liturġiċi fosthom ta' San Ġwann f 'Ġunju u l-Vitorja f 'Settembru li f 'Malta baqgħet ħajja għax hi wkoll il-festa tal-Bambina. L-ebda Malti ma kien jiċċelebra xi festa jekk mhux ta' xi qaddis għalkemm malli ġew l-Ingliżi, bħall-pajjiżi l-oħra li semmejt hawn fuq, iddaħħlu xi ftit festi lajċi li madanakollu ma kinux ifakkru xi avveniment nazzjonali jew aspirazzjoni li ssaħħaħ l-identità tal- komunità Maltija. Fis-seklu dsatax il-Maltin u l-Għawdxin bdew iżejnu bini u toroq, idoqqu instrumenti u qniepen, u jisparaw biex jiċċelebraw ukoll għeluq snin is-sultan Brittaniku, jikkommemoraw is-suċċessi ta' xi sultan meta jmut u jifirħu b'wieħed ġdid. Festi oħra kienu jsiru f 'xi ġublew, meta allura ma kinitx tonqos xi statwa kbira bħal dik tar- Reġina Vitorja l-Belt fl-1891 jew saħansitra jbiddlu isem belt sħiħa, bħal tar-Rabat, Għawdex. Sal-Indipendenza Jum l-Imperu fl-aħħar ta' Mejju kien jara karozzi tal-linja privati jġorru tfal minn kull skola Maltija lejn l-Istadju tal-Imperu fil-Gżira biex jingħaqdu ma' oħrajn bħalhom imxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja mill-Awstralja sal-Bahamas. L-ISTORJA NAZZJONALI L-istorja nazzjonali Maltija kienet biss reliġjuża jew Brittanika. Ħadd ma kien ifakkar xi eroj lokali, xi avveniment li jispikka jew xi festa lajka, tneħħi xi Jum il-Ħaddiem wara t-Tieni Gwerra Dinjija li malajr ukoll ingħata sura reliġjuża b'San Ġużepp Ħaddiem. Kull festa lajka li niċċelebraw illum – l-Indipendenza, ir-Repubblika u Jum il- Ħelsien flimkien mas-Sette Giugno – daħlu wara li telqu l-Ingliżi. Mhux biss ma konniex niċċelebraw l-istorja nazzjonali tagħna talli bosta kienu tal-fehma li lanqas għandna x'niċċelebraw għax m'għandniex storja tagħna. Meta wara l-Indipendenza bdejna norganizzaw mill-ġdid il-festi minħabba t-turisti, rajna wkoll li jagħmel sens niċċelebraw xi okkażżjonijiet b'kull mod possibli ieħor. Dan billi nfakkru avvenimenti b'reċtar mistħajjel bl- uniformijiet b'kollox f 'xi forti u nisparaw il-kanuni l-Barrakka ta' Fuq b'tifkira marittima. Min jirriċerka u jaf ġrajjietna jinsab f 'pożizzjoni aħjar biex ifassal il-ġrajja nazzjonali tagħna - ukoll jekk hi magħġuna ma' dik tal- barranin bħalma wara kollox huma ħafna stejjer nazzjonali ta' pajjiżi żgħar u periferiċi. B'xorti ħażina ħafna kotba tal- istorja tagħna matul l-aħħar mitejn sena nkitbu mill- barranin jew minn Maltin li mhux dejjem kellhom ħeġġa jgħollu dak li hu Malti. Riżultat ta' dan kellna kotba bħal Outlines of Maltese History maħruġ mill-Ingliżi fl-istess sena li r-Re Ġorġ VI stampalna l-George Cross fuq il-bandiera fl-1943 bl-għan ewlieni ta' lealtà Brittanika. Domna sas-snin sebgħin nibilgħu d-doża ta' Laspina, imma llum fejn aħna? Min qed jirrakkonta l-istorja nazzjonali liż-żgħażagħ tagħna? Kemm fil-fatt qed jiġu esposti għal ġrajjietna meta fl-iskejjel ftit li xejn hemm ħin għal dan is- suġġett? Studjuż tal-istorja Franċiż b'fama mondjali Marc Ferro jistqarr li l-idea li niffurmaw tagħna nfusna u dik ta' nies u popli oħra hija strettament assoċjata mal-istorja li rrakkuntawlna meta konna tfal. Sar progress, anki serju, f 'ċerti livelli f 'dan il-qasam imma jekk minn riċerka li għamilt jien fuq perjodu qasir tal-Franċiżi ġa kienet mimlija żbalji u manipulazzjoni ara kemm tlifna rakkonti interessanti qabel u wara l-Franċiżi li ma waslulniex b'mod awtentiku. ĠRAJJIETNA FUQ IL- LIŻAR Ħafna huma dawk li ġrajjet pajjiżhom jafuhom miċ- ċinema, mit-televiżjoni. Imma mhux aħna. Lanqas hawn m'għandna x-xorti li jkollna xi industrija tal-films għonja li tista' tgħid l-istorja tagħna. Kellna Malta Story maħdum mill-Ingliżi wara l-gwerra imma qatt ma naraw xi film, tip kavalleresk bħal dawk li jagħmlu bil-gżuż il-Franċiżi, fuq xi storja ta' żmien il-Kavallieri, jew żmien l-Ispanjoli jew in-Normanni biex inkunu għidna kollox. Ċkejkna wisq u dawn il- proġetti jiswew il-flus. Lil Malta fuq il-liżar taċ-ċinema narawha spiss iżda b'xorti ħażina jiġi ddikjarat li dak li qed jidher huwa Marsilja jew il-Palestina. Minjaf, forsi xi darba għad jikser siequ x-xitan u x-xandir pubbliku flimkien ma' xi ditta taċ-ċinema jiddubbaw xi somma flus bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea u naraw ġrajjietna b'mod awtentiku, riċerkat bis-serjetà u spettakolari. Sadanittant irridu nitqannew b'diversi preżentazzjonijiet teknoloġikament avvanzati iżda b'kitbiet u tbagħbis ripetut biex mingħalina ningħoġbu ma' xi settur partikolari ta' turisti. Anki servizzi viżwali ta' azjenda riċenti qaluli li qed tirrepeti l-istess żbalji fuq żmien il-Franċiżi bħal ta' dawk ġa stabbiliti. L-istess studjuż Ferro fl- 1998 fakkarna li l-memorja tal-poplu biss ukoll tista' ttik ġrajja awtentika - dejjem sintendi jekk dik il-memorja ma tkunx miktuba b'lenti distorta biex togħġob xi barrani jew agħar biex teħles ħafif bla riċerka serja. CHARLES XUEREB L-istorja nazzjonali tagħna Il-Historical Re-Enactment Group of Malta b'uniformijiet Napoljonici għall-okkażżjoni tat-tnedija tal-ktieb tal-awtur fil-Berġa ta' Provenza l-Belt ftit xhur ilu. L-ewwel mix-xellug il-president tal-grupp Martin Degiorgio. Ritratt Joe Demanuele.