Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/497866
Il-Ħadd 19 ta' April 2015 | illum 19 M eta nisma' u naqra diskors dwar kemm l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, nitħawwad sew. Ġurnali u kummentaturi spiss iħobbu jirrikonoxxu li wieħed mill-akbar kisbiet tal-gvern preżenti huwa l-fatt li kompla jibni fuq is-suċċess ekonomiku tal-gvern preċedenti. Skont ir-rapport ta' kull sena li ħareġ din il-ġimgħa l-Bank Ċentrali ta' Malta għal 2014 il-Prodott Gross Domestiku żdied 3.5% is-sena l-oħra kontra 2.7% fis- sena ta' qabel. Skont il-Bank Ċentrali, dan it-tkabbir hu l-aktar ir-riżultat ta' żieda fid-domanda domestika peress li l-investiment privat, il-konsum privat u l-ispiża pubblika kollha żdiedu sew mentri l-esportazzjoni kkontribwixxiet ftit anqas mis-sena ta' qabel. B'hekk joħroġ li l-ekonomija maltija marret aħjar miż-żona ewro in ġenerali li uriet żieda fil-PGD ta' 0.9% kontra t-tnaqqis ta' 0.5% fis-sena ta' qabel. Skont l-istess rapport, fl-ewwel disa' xhur tal-2014, ir-rata ta' impjieg f 'Malta żdiedet b'medja ta' 2.2% fuq is-sena ta' qabel mentri r-rata tal-qagħad kienet medja ta' 5.9% jew 0.5% anqas milli kienet fl-2013. Il-Bank Ċentrali qed jipprevedi li t-tkabbir ekonomiku din is-sena ser ikun 3.4% u 2.8% is-sena d-dieħla. Il-Bank Ċentrali qed jistenna ukoll li d-defiċit ġenerali tal-gvern fl-2014 niżel għal 2.2% tal-PGD mentri d-dejn tal-gvern niżel għal 68.4% tal-PGD. Dawn ir-rati jridu jinżammu fil-kuntest tat-trattat ta' Maastricht li jeżiġi li d-defiċit fil-finanzi pubbliċi ima jaqbiżx 3% tal-PGD mentri d-dejn pubbliku ma jaqbiżx 60% tal-PGD. Jekk wieħed jifli l-grafika fil-preżentazzjoni ta' 34 paġna tal-gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-professur Josef Bonnici, wieħed jara li dawn il-figuri jpoġġu lil pajjiżna fix-xifer taċ-ċirku tal-pajjiżi virtwużi taż-Żona Ewro. Kollox jindika li l-Kummissjoni Ewropea ser twaqqaf l-excessive deficit procedure li hemm miftuħa kontra Malta. Anke riċerkaturi indipendenti qegħdin jikkonfermaw dawn il-previżjonijiet sbieħ għall-ekonomija Maltija. Ditta privata ta' awdituri, Ernst & Young qabdet lid-ditta ta' konsulenza Oxford Economics sabiex tbassar ix-xejriet fl-ekonomija Maltija fis-snin li ġejjin. It- tbassir hu ta' żieda fil-PGD ta' 2.7% din is-sena u 2.3% is-sena d-dieħla b'rata tal-qagħad ta' 5.7% u defiċit ta' 2% din is-sena. Ftit ġimgħat ilu ukoll, agenzija tar- rating kanadiża, DBRS tat rating pożittiv ta'A fuq it-titli tal-gvern Malti fit-tul b'tendenza stabbli. Skont din l-aġenzija, dan ir-rating huwa riżultat tat-tkabbir ekonomiku f 'saħtu ta' Malta u tal- fatt li qiegħda fl-ewrożona. Stqarret li "Is-sħubija fiż-Żona Ewro tilgħab rwol integrali fl-ekonomija Maltija u tassigura aċċess bla xkiel għas-swieq (finanzjarji) Ewropej. Is-sħubija fiż- Żona Ewro sseddaq politika f 'saħħitha makroekonomika u tassigura għajnuna finanzjarja mill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-prattiċi prudenti ta' self u l-finanzi privati stabbli assiguraw li Malta ma tiġġenerax l-iżbilanċji finanzjarji li kiddew bosta pajjiżi fil-periferija taż- Żona Ewro." Il-Ministeru tal-Finanzi qed ripetutament juri s-sodisfazzjoni tiegħu għat-tnaqqis fid-defiċit tal-finanzi pubbliċi li issa seħħ f 'bosta xhur konsekuttivi. Dan minkejja li skont il-ministeru, l-ispiża pubblika żdiedet. Riċentament, ftaħar ukoll li mentri d-defiċit kien ta' € 363 m fl-aħħar sena tal-gvern preċedenti, dina l-figura niżlet għal € 263 m fl-ewwel sena ta' dina l-amministrazzjoni u għal € 136 m fit-tieni sena. Il-gvern iħobb ukoll jiftaħar li r-rata tal-inflazzjoni fil-pajjiż qiegħda dejjem tinżel. Fil-fatt, il-Bank Ċentrali fir-rapport tiegħu jgħid li r-rata tal-inflazzjoni niżlet għal 0.8% fl-2014 minn 1% fl-2013 u dan minħabba tnaqqis fir-rati tat-tariffi tad-dawl u ilma u fil-prezz tal-ikel. Jidher ċar li żewġ pilastri ewlenin fil-politika ekonomika tal-gvern huma t-tnaqqis tad-dejn pubbliku u t-trażżin tal-għoli tal-ħajja, politika li hija tradizzjonalment assoċjata ma' gvernijiet ta' bixra konservattiva bħalma kienu dawk ta' Reagan u Thatcher. Imma verament din m'hux l-ewwel darba li l-Partit Laburista jadotta politika ekonomika konservattiva għax anke fl-era ta' Mintoff, in-nefqa kapitali kienet tiġi sagrifikata sabiex il-kaxxa ta' Malta ma tmurx fi żbilanċ u r-riservi barranin ikomplu jikbru, żewġ totems ekonomiċi ta' dak il-perjodu li wieħed jittama li ġew issuperati għal dejjem. Spiss nhewden jekk jiena hux l-unika persuna f 'Malta li ma tantx jien impressjonat b'dan it-trijonfaliżmu ekonomiku. Forsi minħabba l-professjoni tiegħi, niltaqa' wisq ma' operaturi ekonomiċi, speċjalment fil- qasam tal-bini, li qegħdin f 'sitwazzjoni ekonomika mwiergħa. Forsi nisma' wisq tgergir biex wieħed jiġbor flusu. Forsi ukoll peress li jiena Għawdxi u nħoss fil-qrib il-polz ta' din il-gżira, ninsab ikkundizzjonat mill-fatt li huwa ċar li l-qagħda ekonomika f 'Għawdex fl-aħħar snin waqgħet lura fil-konfront ta' Malta , sitwazzjoni li l-gvern preżenti ma jidhirx li qiegħed jindirizza. X'qed jiġri fir-realtà fl-ekonomija Maltija? Ċertament hemm bosta setturi li sejrin tajjeb u qegħdin jikkontribwixxu għall-figuri posittivi li semmejna. Is-settur finanzjarju għadu għaddej tajjeb minkejja li jidher xi sħab fuq ix-xefaq, speċjalment fir-rigward ta' sforzi akbar għal aktar uniformità fiskali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. L-istess jista' jingħad fir-rigward tal-e-gaming. Jidher ukoll li s-settur tal-propjetà sejjer tajjeb fil-faxxa ta' valur għoli u fil-faxxa ta' min qed jixtri għal ewwel darba, anke minħabba t-tneħħija tal-boll ta' 5% għal min m'għandhux propjetà oħra. Imma jiżbalja min jagħlaq għajnejħ għal realtajiet anqas pożittivi li wieħed iħoss b'idejh kull ħin u kull mument. Jidher li l-oqsma tal-manifattura, speċjalment dak orjentat għall- esportazzjoni kif ukoll tal-ħwienet qed ibatu sew. Bosta ukoll jilmentaw dwar problemi perenni, dik tan-nuqqas ta' flus fl-idejn u tad-dewmien fil-ħlasijiet. Problemi li jidher li qegħdin jikbru fl-entità minkejja l-figuri pożittivi li tirreġistra l-ekonomija Maltija. L-aktar ħaġa li tħawwadni hija s-suċċess tal-gvern li jnaqqas id-defiċit u d-dejn pubbliku minkejja l-problemi li semmejt. Dan speċjalment fl-isfond tal-fatt li l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b'mod konsistenti f 'dawn l-aħħar sentejn. Skont l-aħħar statistika ta' l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, il-medja ta' mpjegati fis-settur pubbliku li kien ta' 40,893 fl-2012 żdied għal 44,361 f 'Settembru 2014, żieda ta' 3,500. Kif wieħed jispjega dan il-paradoss li s-settur pubbliku żdied b'8.5% f 'sentejn imma fl-istess ħin il-gvern qed jirnexxielu jrażżan l-ispiża pubblika? Verament l-ispegazzjoni mhix daqshekk diffiċli. Jekk wieħed jifli ċ-ċifri dwar il-finanzi pubbliċi li joħorġu regolarment mill-Uffiċju Nazzjonali tal- Istatistika, wieħed jieħu idea ta' x'inhu għaddej fil-qasam tal-finanzi pubbliċi. Fi Frar li għadda, il-gvern kellu dħul ta' € 315.4 m kontra nefqa ta' € 277.8 m, jiġifieri kellu bilanċ posittiv ta' €37.6 m. Fl-aħħar tal-2014, id-dejn tal-gvern kien ta' € 5,413.5 m kontra € 5,623.4 m tas-sena ta' qabel. Il-figuri ta' Jannar 2015 huma iktar dettaljati: id-dħul rikorrenti kien ta' € 276.4m, żieda ta' € 78.3m fuq is-sena ta' qabel. Mill-banda l-oħra, l-ispiża rikorrenti u dik kapitali naqset b'€ 22.7m għal € 264.3m biex kien hemm ċaqlieq posittiv fil-Fond Konsolidat ta' € 101m. Dan r-riżultat intlaħaq minkejja li l-ispiża tas-salarji fis-settur pubbliku żdiedet minn €46.7m f 'Jannar 2013 għal €50.7m f 'Jannar 2014 għal €53.67m f 'Jannar 2015, żieda ta' €7m f 'sentejn. Imma kontra kull tendenza, l-ispiża taħt il-Kap ta' Programmi u Inizjattivi naqset bi kważi €32 m f 'sena minn €156.5 m għal €124.58 m mentri l-ispiża kapitali naqset minn €37.68 m f 'Jannar 2014 għal €30 m f 'Jannar ta' din is-sena. Dan it-tnaqqis fl-ispiża kapitali wieħed jista' jarah ukoll fit-tnaqqis sostanzjali fis- sejħiet għal offerti li l-Gvern qed joħroġ. Flimkien ma' dan it-tnaqqis fl-ispiża kapitali tal-gvern li qed ikollha effett negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku, wieħed irid ifakkar fl-atteġjament tal- banek lokali. Minkejja li qed igħumu f 'likwidità kbira ta' flus, il-banek lokali qed jadottaw politika ta' self ferm ristrettiva u qed jimponu rati ta' l-imgħax ferm għoljin komparat ma' dawk ta' pajjiżi oħrajn. Il-gvernatur tal-Bank Ċentrali ilu jisħaq dwar dan u fil-konferenza ta' l-aħbarijiet li ta din il-ġimgħa esprima s-sodisfazzjon li l-moral suasion tiegħu jidher li bdiet tagħti ftit frott għax ir-rati tal-imgħax naqsu ftit. Imma dawn għadhom ċertament għoljin wisq b'medja ta' 4.6% għas-self sa €1m kontra medja tal-ewrożona ta' 3.5% u ta' 3.8% għal self aktar minn €1m kontra medja ta' 2.1% fl-ewrożona. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jirreferi għal "indication of the incomplete pass-through of accommodative monetary policy measures" imma fir-realtà, il-banek tagħna ma għandhomx bżonn tal- miżuri ta' stimulu monetarju tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jiftħu idejhom. Anke r-rapport ta' Oxford Economics jilmenta dwar it-tnaqqis f 'investiment fiss minħabba d-diffikultà sabiex wieħed jissellef. Fi żmien meta l-operaturi ekonomiċi għandhom bżonn ta' aktar kreditu, il-banek maltin qegħdin aktar jagħlqu idejhom. U minflok ma jselfu għall- investiment industrijali jew fit-turiżmu, aktar ħsiebhom sabiex isellfu għax-xiri ta' karozzi u dgħajjes bir-rata ta' 4.99%. Aktar huma ħsiebhom biex jiffinanzjaw l-industrija ta' pajjiżi barranin milli dik ta' pajjiżna. U l-anqas biss joħolmu li jipprovdu venture capital jew faċilitajiet ta' leasing. L-inizjattiva li ħabbar il-Professur Bonniċi li jitwaqqaf Malta Development Bank sabiex jiffinanzja dawk l-proġetti li altrimenti ma jiġux finanzjati hija ferm posittiva u ċertament m'hemmx lok għal aktar dewmien sabiex titwettaq. U jekk il-gvern qed jagħmel xi sforz sabiex jassigura suq ħieles fir-rati ta' l-imgħax fis-self tal-banek, dawn l-isforzi huma ferm mistura daqs kemm huma meħtieġa. Fl-isfond ta' sforzi kbar mill-gvern (u speċjalment l-Arms) biex jiġbor dak li hu dovut lilu, tat-tnaqqis fin-nefqa kapitali tal-gvern u tal-politika bankarja ferm ristrettiva fejn jidħol finanzjament lill-impriżi, bosta operaturi ekonomiċi qed igħumu f 'baħar ferm imqalleb. Tajjeb li l-gvern jipprova jqawwi l-moral ekonomiku tal-pajjiż imma ma jistax jinjora dawn ir-realtajiet. Jekk il-ħajta ser tiġġebbed wisq, ma niskantawx jekk f 'xi mument jew ieħor tinqata'. Attent, Dward, għax is-sitwazzjoni mhix daqshekk sabiħa daqs kemm tħobb tpinġiha. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Mhux kull ma jleqq huwa deheb JOE ELLIS