Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/501318
18 illum | Il-Ħadd 26 ta' April 2015 J ekk poplu teħodlu l-memorja kollettiva tiegħu, ma jibqax dak li jkun. L-istorja hi miktuba jew imnissla bil- kelma. Magħmula mit- tradizzjonijiet soċjali u valuri reliġjuzi. Tiżżejjen bil-leġġendi, folklor u l-ilsien. Dawn u fatturi oħra flimkien jagħmlu l-poplu dak li hu. Iżda hemm vejikolu ieħor ta' kif tivjaġġa l-memorja kollettiva ta' popli...bil-bini u l-arkittetura ta' matul iż-żminijiet. L-ordni ta' San Ġwann hija parti magħġuna minnha għaliex kull fejn inħarsu nilmħuh. Is-swar, il-knejjes, l-arti tal-barokk u l-emblemi li ħallew warajhom imnaqqxa fil- ġebel. L-arzella u s-salib bi tmien ponot jibqgħu jitnisslu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-ġebla u t-tempji huma l-aktar artefatti li jibqgħu ma jmutu qatt. F'Għawdex sal-lum għadhom jibnu djarhom bil-gosti tal-barokk. Għaliex il-bini jfakkrek f 'xi epoka jew f 'xi ħadd. Fil-fatt, meta l-Franċiżi kienu Malta, ikkummissjonaw il-kanċellament tal-emblemi li ħallew warajhom il-Gran Mastri. Iżda bejn għaliex ma kellhomx żmien biżżejed u bejn li tant kien hawn minnhom, li laħqu qerdu numru zgħir minnhom. Kien speċi ta' reviżjoniżmu storiku primittiv. Ir-rivoluzzjonarji Franċiżi kienu jinnamraw mat-tibdil, tant li saħansitra x-xhur tas-sena kienu biddlu fl-isem. Hija sfortuna li kellna ħafna bini ta' epoki differenti li maż-żmien inqerdu. Xi whud kawża ta' diżastri seismiċi. Oħrajn waqt l-aħħar gwerra. Oħrajn inqerdu minn dawk li ġew jokkupaw din il-gżira u għalhekk kellna sedimentazzjoni ta' bini u strutturi li ntilfu maż-żmien. Sakemm bini jieħu post ieħor, għax hekk iridu n-natura u l-istorja, m'hemm xejn li jweġġa' r-ras. Iżda meta l-qirda ta' dan il-bini jkun maħsub u motivat mill-iżvilupp u spekulazzjoni tal-bniedem modern, dik hi xi ħaġa oħra. Dik hija verżjoni ġdida ta' barbariżmu. Dan kollu għaddieli minn moħħi, meta dan l-aħħar għamilt diskors fi Triq il-Ganċ il-Belt, fl-okkazjoni tal-anniversarju mill-mewt ta' Manwel Dimech. Konna quddiem id-dar tiegħu. Meta niftakar kif inhi mitluqa jaqbadni swied ta' qalb. Biex tassew ikollna għalfejn ninkeddu, quddiemha eżatt hemm dar oħra li qiegħda mitluqa. Fiha twieled u għex dak li Dom Mintoff kien iddiskriva bħala l-iprem wild Malti, l-eks Prim Ministru Enrico Mizzi. Dawn huma żewġt idjar li l-valur tagħhom mhux wisq qiegħed fl- arkittetura tagħhom, għalkemm dejjem hemm xi tgħid. Il-valur tagħhom huwa li fihom twieldu u għexu tnejn min-nies li kellhom influwenza kbira fuq l-istorja ta' Malta. B'danakollu, dawn iż-żewġt idjar jinsabu faċċata ta' xulxin bħal donnu jibku x-xorti ħażina ta' xulxin. It-tnejn mitluqa u tal-inqas minn barra jidhru li jinsabu fi stat ta' delipidazzjoni. Din mhix l-ewwel darba li tlifna djar prezzjuzi li jagħmlu parti mill-memorja kollettiva ta' pajiżna. Niftakar qisu l-bieraħ nikteb u nitnikket meta smajt li waqqgħu u ddemolew id-dar fejn kien joqgħod Ninu Cremona fir-Raħal Ġdid. Mingħalija kienet misjuba bħala dar l-Iljuni. Fejn darba kien joqgħod missier ir-rumanz Malti u l-ilsien Malti, illum hemm bini modern. Ħallejna tkun kanċellata parti mill- memorja tagħna. Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Dar oħra fejn illum hemm sala tal- logħob tal-azzard kienet dik fejn għex Dun Ġorg Preca u minn fejn iltaqa' għall-ewwel darba mal-ewwel grupp ta' żgħażagħ meta waqqaf l-għaqda tal-Mużew. Illum hemm biss daqsxejn ta' lapida li tfakkar li darba kien hemm id-dar ta' Dun Ġorg. Kieku illum għadha hemm, kienet tkun id-dar ta' qaddis. Iżda l-importanti li hemm irħama biex ittaffilna ftit mit-tinġiż ta' kuxjenza. Dar oħra li tlifna kienet dik tal-eks Prim Ministru Ġorg Borg Olivier f 'San il-Pawl il-Baħar. Għad hemm bosta djar ta' bosta personalitajiet marbutin mal- istorja ta' pajjiżna li għadna nistgħu insalvaw. Hemm dik ta' Dun Karm Psaila fi Triq l-Ifran il-Belt, li wkoll tinsab fi stat ħażin. Oħra li tinsab ftit tal-kantunieri 'il bogħod minnha fl-istess sitwazzjoni hija dik tal-kittieb Ġuzè Muscat Azzopardi. L-importanti li dejjem ikun hemm lapida. Hemm id-dar fejn twieled Duminku Mintoff f 'Irish Street il-Birgu. Kollha djar li ma nistgħux inħallu li jintilfu jew li jispiċċaw biż-żmien għaliex ma neħdux ħsiebhom. Meta dan l-aħħar Heritage Malta daħlet biex tixtri opri tal-arti ta' artisti Maltin, għamlet sewwa. Iżda issa jeħtieġ li xi ħadd jidhol biex insalvaw dawn id-djar u minnhom nagħmlu mużew tal-persuna li tkun għexet jew twieldet fih. Ma nistgħux inħallu li l-memorja kollettiva tagħna tkompli titnaqqar, ġieli minħabba ir-regħba tal-ftit. Jekk ikun hemm bżonn, nidħlu biex nakkwistaw dawn id-djar bi prezz kummerċjali mingħand is-sidien. Għandna triq oħra x'nagħżlu, dik li nagħmlu ta' bir-ruħna, kif dejjem għamilna s'issa, li ma nafux b'dawn id-djar. Inkunu kompliċi fis-silenzju tad-delitt tal-istorja. Nagħlqu għajnejna biex dak li m'għamlux il-bombi fil-Gwerra Dinjija nagħmluh aħna bil-krejnijiet, gaffef u l-indifferenza. Dak li m'għamlux il-barbari Ċerimonja ta' tifkira f'ġieħ Manwel Dimech quddiem id-dar fejn twieled Dak li m'għamlux il- bombi fil-Gwerra, Dinjija, nagħmluh aħna bil-krejnijiet, gafef u l-indifferenza TONI ABELA