Illum previous editions

illum 26 April 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/501318

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 26 ta' April 2015 | illum 19 I llum nixtieq naqsam ftit ħsibijiet dwar qasam li naf sew minħabba li nipprattika fih il-ħin kollu, qasam li mhux biss hu mezz ta' għixien, imma mħabba kontinwa, vokazzjoni sabiex wieħed jgħin lil min jitolbok l-assistenza biex jikseb dak li hu lilu mistħoqq. Dan l-aħħar kelli bżonn insolvi problema ferm delikata ta' klijent tiegħi u fil-bidu kont kważi qtajt qalbi li jirnexxieli. Tgħallimt kemm ilni nipprattika bħala avukat li f 'sitwazzjonijiet bħal dawn l-aħjar li wieħed jista' jagħmel hu li jħares lejn il-liġi sabiex jipprova jsib soluzzjoni. U wara li dort il-Kodiċi Ċivili għal kemm-il darba, irnexxieli nsib soluzzjoni. Biex inkun ċert milli qed nagħmel, fittixt parir mingħand avukat anzjan. Iltqajna, u qabel ma ddiskutejna s-suġġett tal-laqgħa, tkellimna ftit dwar il-ħajja ta' avukat li jaħdem il-Qorti (għaliex illum bosta huma l-avukati li jiggradwaw, imma ma jirfsux l-għatba tal-qorti għax jaqilgħu ferm aktar u jbatu ferm anqas bnadi oħra). Tkellimna dwar is-sodisfazzjon li wieħed jieħu meta jirbaħ kawża, anke l-aktar waħda insinjifikanti, sodisfazzjon li jiżboq il-flus li wieħed idaħħal u l-frustrazzjoni u s-sens ta' dwejjaq li wieħed iħoss meta wieħed jitlef każ li jkun jemmen fih. Jekk wieħed ikun jaf li l-kawża se tintilef, avukat għaqli jipprova jimminimizza t-telfa billi jilħaq ftehim mal-avversarju u mhux jilgħab il-logħob tal-azzard bit-tama li jġibha żewġ. Imma jekk wieħed jemmen li l-klijent tiegħu għandu raġun, jew tal-anqas parti minnu, is-sentenza ta' kundanna tipprovoka sens ta' dieqa fl-avukat li jkun assista lit-tellief kif ukoll riflessjoni inevitabbli fuq dak li wieħed seta' għamel ħażin fil-kors tal-kawża. F'din il-konversazzjoni skoprejt dak li diġà kont naf: aħna l-avukati, żgur m'aħniex il-kategorija fis- soċjetà l-aktar popolari. Bosta jieħdu gost jisħtuna minkejja li dlonk imorru għand avukat meta jkollhom xi għawġ. X'uħud minna l-avukati jpoġġu l-flus qabel kull konsiderazzjoni oħra. Imma minkejja kollox, ħafna minna l-aktar li jinteressana huwa l-ġid tal-klijenti tagħna, klijenti li mhux dejjem japprezzaw is-servizz li nagħtuhom. Il-qasam tal-ġustizzja għandu kultura partikolari li min mhux fiha, mhux faċli japprezzah. Minn meta nkunu studenti l-Università, tintgħaġen fina l-importanza, anzi l-ħtieġa assoluta li wieħed jisma liż-żewġ naħat qabel ma jaqtagħha, li kulħadd jingħata l-opportunità li jippreżenta x-xhieda kollha li jixtieq u kwalunkwe xhud ikun assoġġettat għall-kontroll tal-kontro-eżami. Dina l-ħtieġa proċedurali bla dubju ittawwal il-proċeduri imma hija ferm importanti sabiex wieħed jipprova jasal għall-verità u jistabilixxi l-ġust. L-akbar kritika tas-sistema tal- ġustizzja hija d-dewmien sabiex jinqatgħu l-kawżi. Dan ma jfissirx li dejjem issir ġustizzja. Ċertament li dan mhux dejjem il-każ. Imma ħaġa li tiskantani hi li anke meta jkun ċar li twettqet inġustizzja, it-tellief jaċċetta l-eżitu mingħajr wisq tgergir. Għal ħafna, l-aktar ħaġa mportanti hi li l-kontroversja tkun ingħalqet u l-ferita ma tibqax miftuħa imma l-aqwa li tibda tingħalaq. Nemmen li fil-maġġorparti tal- każijiet, għalkemm sfortunatament mhux dejjem, is-sistema ġudizzjarja tagħna jirnexxielha twettaq ġustizzja. Wieħed għandu jirrikonoxxi l-irwol importanti li tilgħab il-ġudikatura fis-sistema demokratika tagħna, fil-ħarsien tas-saltna tad-dritt. Ħadd m'hu perfett u spiss jitwettqu żbalji imma mhux l-ewwel darba li l-iżbalji li jitwettqu huma minħabba eċċess ta' żelu, minħabba l-ħtieġa assoluta li s-salvagwardji proċedurali jiġu mħarsa kollha. It-tentazzjoni li wieħed jaqta' għad-dritt, teżisti kemm fil-ġudikant kif ukoll fl- avukati imma l-esperjenza tgħallem li l-kawtela hija aktar għaqlija. Għaldaqstant minkejja n-nuqqasijiet li kulħadd, inkluż il-ġudikanti bla dubju għandhom, l-attakki li qed isiru lil xi membri tal-ġudikatura m' huma bl-ebda mod aċċettabli. M'humiex aċċettabli mhux għax il-membri tal-ġudikatura għandhom jaġixxu b'impunità jew għandhom xi immunità imma għaliex mhux aċċettabli li wieħed jimmina istituzzjoni daqshekk vitali b'attakki superfiċjali u xejn oġġettivi. Il-kritika tista' ssir u għandha ssir imma għandha tkun inkanalata fl- istrutturi mwaqqfa għal dan il-għan bħalma hi l-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fejn il-pubbliku għandu kull dritt jirrivolġi sabiex jilmenta. Min-naħa l-oħra, l-eżekuttiv irid ikun sensittiv għal ħtiġiet tas-settur ġudizzjarju mingħajr ma jinterferixxi fl- indipendenza tagħha. Jekk wieħed jifli ftit dawn il- każijiet, wieħed jifhem aħjar kemm tali attakki ma kinux f 'lokhom. Erba' ġimgħat ilu, is- Sunday Times ppubblikat artiklu fl-ewwel paġna fejn ikkritikat l-operat tal-Imħallef J.R. Micallef u dan minħabba n-numru kbir ta' sentenzi pendenti li għandu, numru li jiżboq bil-bosta dawk tal-kollegi tiegħu. Issa meta wieħed iħares lejn l-istatistika, wieħed jista' dritt jasal għall-konklużjoni li l-aġir ta' dan l-imħallef huwa inġustifikat u ċensurabbli. Imma wieħed għandu jħares lil hinn mill-istatistika, fakultà li wieħed jiddubita kemm Kurt Sansone huwa kapaċi jagħmel. L-Imħallef Micallef kien avukat bi prattika ferm f 'saħħitha qabel ma aċċetta li jilħaq imħallef. Huwa minnu li jdum ħafna biex jagħti sentenza u dan anke speċjalment wara inċident ferm sfortunat li trawmatizzatu (fattur li ma nafx kemm Sansone huwa konxju minnu). Imma wieħed irid jirrikonoxxi l-maestrija li l-imħallef Micallef kontinwament juri fis-sentenzi li jagħti (u dana qed ngħidu mhux biex nidher ħelu u minkejja li tlift kawżi quddiemu li deherli li kelli nirbaħ). Is-sentenzi tal-imħallef Micallef huma ferm awtorevoli u fost l-aħjar kontributi attwali għall- ġurisprudenza tagħna u spiss jiġu kkwotati anke mill-kollegi tiegħu. Wieħed irid jagħżel bejn ħeffa fil-proċess ġudizzjarju u l-kwalità tal-ġudizzju. Nixtieq insaqsi lill- qarrej x'jippreferi: jekk kawża tinqatax malajr jew jekk tinqatax sew. Idealment, wieħed ikollu t-tnejn imma jekk dan mhux il- każ, x'għandu wieħed jippreferi? Nimmaġina bosta jippreferu jistennew aktar basta l-kawża tinqata' sew u forsi ma jkunx hemm lok ta' appell, li hu wieħed mill-aktar fatturi li qed jaffetwa ħażin id-dewmien tal-kawżi. Hija tal-mistħija li l-imħallef Micallef spiċċa jiddefendi l-operat tiegħu ma' Kurt Sansone, ħaġa li membru tal-ġudikatura ma jmissu qatt jagħmel individwalment għax inevitabbilment, jidħol fil-kamp tal-kontroversja. Fost l-affarijiet li qal l-imħallef Micallef, semma n-nuqqas ta' għajnuna loġistika li jbatu minnha l-membri tal- ġudikatura. Sansone semma s-'support team li kull membru tal-ġudikatura għandu. Sansone ma jidhirx li ndaga wisq għax kieku kien ikun jaf li dan l-aktar jikkonsisti f 'deputat reġistratur, xi skrivan u xi messaġġier. L-imħallfin ukoll għandhom assistenti ġudizzjarji sabiex jisimgħu x-xhieda u jwettqu r-riċerka. Imma tajjeb li wieħed isaqsi kemm fil-fatt dawn qed jaħdmu sew. Meta x-xhieda tittieħed direttament, qajla hemm ħtieġa ta' assistent ġudizzjarju imma spiss dawn tal-aħħar jagħżlu li ma jiddettawx ix-xhieda għax it-teħid dirett tax-xhieda huwa aktar faċli. L-imħallef Micallef semma li fl-aħħar sena, żewġ assistenti ġudizzjarji rriżenjawlu. Meta wieħed iqis li dawn huma mħallsin is- somma grandjuża ta' € 390 fix-xahar, wieħed jiskanta kif wieħed isib min jidħol għal tali inkariku. U min jagħmel hekk, x'aktarx jagħmel hekk għall-esperjenza li jista' jakkwista u wara ftit żmien, jispiċċa jagħmel affarijiet oħra. Kurt Sansone ttratta l-materja b'mod superfiċjali u naqas li jagħti lill-qarrejja tiegħu stampa sħiħa imma għażel it-triq li jissensazzjonalizza materja ferm delikata. Ikolli nistqarr li lanqas togħġobni xejn il-kritika li Daphne Caruana Galizia, imma mhux biss, qiegħda tagħmel lill-maġistrat Vella Cuschieri wara s-sentenza li tat din il-ġimgħa f 'kawża li bint għamlet lil missierha. Nibda biex ngħid li jiena bl-ebda mod ma jiena nvolut f 'din il-kawża. Idejjaqni ferm il-fatt li ssir kritika pubblika abbażi ta' artiklu li deher f 'gazzetta u meta jkun ċar li wieħed mhux biss ma jkunx fela l-atti tal-kawżi, imma forsi lanqas ma qara l-istess sentenza. Mill-ftit li naf dwar dan il-każ, jidher li f 'perizja li saret fuq ordni tal-Qorti minn psikjatra u psikologu, ġie stabbilit li l-bint kienet qed tbati diżabbiltà psikjatrika li ġiet kkwantifikata fi 8%. Huwa insolitu, għalkemm possibli, li ġudikant ma jimxix fuq il-bażi ta' konklużjoni peritali. Il-missier seta' jitlob li ssir perizja oħra u ma nafx jekk talabx hekk. Ċertament jista' jappella u s-salvagwardji proċesswali kollha huma għalih disponibbli. Huwa għalhekk ferm inġust li wieħed jikkritika ġudikant li fil-ftit xhur li ilha fil-kariga ħadmet b'enerġija u dedikazzjoni minħabba dina s-sentenza u żżeffen fin-nofs l-appartenza politika u l-parentela tagħha. Jiena konvint li minkejja t-tħaddin politiku ta' ġudikanti, meta jiġu biex jagħtu sentenza, iżommu quddiem għajnejhom il-liġi u l-fatti tal-każ, u xejn aktar. Ċertament, attakki superfiċjali bħal dawn m'huma bl-ebda mod se jgħinu li jitjieb il-qasam tal- ġustizzja f 'pajjiżna. U ċertament li biex ikompli jsir titjib fil-qasam tal-ġustizzja, il-pajjiż irid jiddedika aktar riżorsi għaliex l-intenzjonijiet tajbin tal-ġudikanti, tal-membri tal-istaff tar-Reġistru tal-Qorti li fil-maġġorparti huma ferm dedikati f 'ħidmiethom u tal-avukati li wkoll fil-maġġorparti jaqdu dmirhom lejn il-klijenti tagħhom lealment, m'humiex biżżejjed sabiex jissuperaw il-bosta ostakli li wieħed inevitabbilment jiltaqa' magħhom sakemm jasal għal sentenza kif sejrin, naraw darb'oħra. Ikompli. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph. Ftit Ħsibijiet dwar il-Ġustizzja JOE ELLIS X'jippreferu, jekk kawża tinqatax malajr jew jekk tinqatax sew?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 April 2015