Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/501318
Il-Ħadd 26 ta' April 2015 | illum 3 Tkompli minn paġna 1 MARK Cutajar ilu fil-KOM sa mill-2008 u sena wara, sar direttur tal-Isport, pożizzjoni li żamm sal-2012. Fl-2009 Malta kienet ġabet l-aqwa riżultat fil-Logħob tal- Mediterran u fl-2011 kisbet l-aqwa riżultat fil-Logħob tal- Pajjiżi ż-żgħar barra l-pajjiż, bi 8 midalji tad-deheb. Peress li Mark Cutajar kien għalliem, ma setax iżomm dan l-irwol minħabba l-ħin u l-ispejjeż li kien qed jiswielu, u għalhekk fl-2012 tefa n-nomina għal Viċi President, liema kariga tiskadi fl-2016. Mistoqsi dwar x-xogħol tiegħu fil-KMS, Cutajar qal li hu mhux impjegat tal-KMS, "Għandi xogħol ta' konsulent tal- Ministeru tal-Edukazzjoni fuq il-KMS u xogħli hu li nwassal lill-KMS lejn tliet objettivi importanti. Waħda li flimkien ma' chairman u bord ta' diretturi noħorġu lill-KMS mill-problemi finanzjarji li kellu, it-tieni li flimkien mas-segretarjat għall- Isport naslu biex issir il-famuża riforma fil-KMS u t-tielet biex terġa' tinkiteb il-liġi tal-isport li ilha snin twal ma tiġi aġġornata." Mitlub jikkummenta jekk kienx hemm xi politika partiġġjana fil-kwistjoni tal- istorja li ħarġet fuqu, Cutajar qal "Onestament ma stajtx nifhem ir-raġuni għaliex ħareġ l-artiklu għalkemm biex inkun onest kont naf li se joħroġ l-artiklu għax xi ħadd kien avżani iżda ma kontx naf meta se jiġi pubblikat. Għandi rispett kbir lejn il-midja kollha inkluża dik nazzjonalista għax fil-ħajja tiegħi dejjem irrispettajt lil kulħadd anke lil dawk li ma jaqblux miegħi. Li naf biss hu li ħareġ tlett ijiem qabel l-elezzjonijiet tal-Eżekuttiv tal- KOM." Mark Cutajar kompla jgħid li r-rispett li għandu lejn il-midja kollha jista jixhdu ix-shadow spokesman tal-PN David Agius. "Għandi rispett kbir ukoll lejh u dejjem ħadt gost niddiskuti miegħu temi li jirrigwardjaw l-isport." Saħaq li jiddispjaċih ħafna jara dawn l-istejjer. "L-istejjer mhux jien biss rajthom iżda anke membri tal-familja tiegħi inkluż uliedi li issa għandhom disa' snin u jafu jaqraw u jifhmu kollox." Intant, nhar il-Ħamis saret l-elezzjoni għal eżekuttiv tal-KOM fejn kien sigriet magħruf li għal din l-elezzjoni kien hemm żewġ 'block votes' wieħed li ried jibdel il-membri tal-eżekuttiv u l-ieħor jekk tista' ssejjaħlu 'block vote' kien li ried iżomm il-kumitat eżekuttiv li kien hemm. Fil-fatt ir-riżultat finali kien li baqgħu l-istess membri li kien hemm qabel bid-differenza ta' Envic Galea li spiċċa ma telax wara li ismu deher fil-block vote tan-naħa ta' dawk li riedu l-bidla barra ta' Galea. Mitlub jikkumenta fuq dan ir-riżultat, Mark Cutajar qal li ma xtaqx jikkumenta fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet ħlief li minn qalbu jawgura lil dawk kollha li ġew eletti biex iwettqu ħidma għal ġid tal-isport Malti. "Kulħadd għandu kontribut x'jagħti u dawn għandhom responsabilita akbar." Dwar l-eks president Lino Farrugia Sacco u l-president attwali, Julian Pace Bonello, Mark Cutajar qal li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco kien il- persuna li ħajru joħrog għall- Kumitat Olimpiku. "Fl-ewwel żmien kien hu li flimkien mal-President attwali Julian Pace Bonello għenuni ħafna. Naf kemm bata meta kien jiġi attakkat inġustament fil-midja u l-affarijiet kollha li kienu jintqalu fuqu u issa nista nifhem aktar il-passjoni li għaddha minnha hu meta issa kont jien li ġejt attakkat inġustament. L-attakki m'huma tajbin fuq ħadd, speċjalment fil-qasam sportiv fejn kważi kulħadd hu voluntier." Cutajar kompla jgħid li l-imħallef kien persuna li ta ħajtu għall-isport. "Ta ħafna ħin b'mod volontarju għal-KOM, kien strumentali fl-organizazzjoni tal-Logħob tal- Pajjiżi ż-Żgħar f 'Malta u ħadd ma jista' jiċħad li taħt it-tmexxija tiegħu l-KOM għamel passi ta' ġgant 'il quddiem." Tkellem ukoll dwar il- president attwali li ddeskrivih bħala persuna retta ħafna. "Kien ta' privileġġ li ħdimt miegħu sa mill-2008. Persuna diretta, persuna li taf tiddeċiedi, persuna ta' kuxjenza, b'difett wieħed, dak li jżomm mal-Inter" temm jgħid Mark bi tbissima. Ma stajtx nifhem ir-raġuni għaliex ħareġ l-artiklu – Mark Cutajar