Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/501318
Il-Ħadd 26 ta' April 2015 | illum 23 Bijografiji Nerik Mizzi: Figura Kontroversjali CHRISTA BOFFA cboffa@mediatoday.com.mt E NRICO Mizzi, magħruf aktar bħala Nerik jew Neric kien wieħed mill- Prim Ministri Maltin li jibqgħu jiftakkru kemm f 'Malta kif ukoll barra minn xtutna. Dwaru kien hawn opinjonijiet imħallta – hekk kif xi wħud kienu jsostnu li kien figura kontroversjali – forsi xi ftit jew wisq ossessjonat b'li jqarreb kemm jista' lil Malta lejn l-Italja, u għal xi wħud kien bniedem li ħajtu ddedikaha għal pajjiżu u għall-ħidma tiegħu lejn pajjiżu. Il-ħajja ta' Mizzi kienet xi ftit jew wisq imfassla sa minn qabel twelidu, nhar l-20 ta' Settembru 1885. Missieru kien il-magħruf Fortunato Mizzi, dak li baqa' magħruf bħala l-Pater Patriae – il-Missier tal-Patrija li beda l-moviment Nazzjonalista f 'Malta. Fortunato kien waqqaf il-Partito Nazionale – magħruf bħala l-Partito Anti- Riformista, li eventwalment sar il-Partit Nazzjonalista. Min- naħa l-oħra, omm Nerik kienet Taljana residenti f 'Malta – Maria Sofia Fogliero de Luna. Minkejja dan il-fatt, Mizzi kien dejjem isostni li l-ħsieb tiegħu kien wieħed indipendenti u awtonomu - l-ħsibijiet li għalkemm influwenzati minn dawn il-fatturi, kienu ħsibijiet tiegħu. Mizzi kien jemmen li Malta kellha d-dritt għall-awtonomija, li tista' fl-istess waqt tagħraf il-wirt kulturali Taljan tagħha. Minkejja li kien studja l-liġi fl- Università ta' Ruma u ta' Urbino, Nerik bilkemm qatt ipprattika l-professjoni legali tiegħu. Huwa kien iħossu aktar miġbud lejn il-politika u l-ġurnaliżmu – li għalihom baqa' magħruf sal-lum il-ġurnata. Il-karriera politika tiegħu tista' tgħid li bdiet f 'Novembru tal-1915 meta ħareġ bħala kandidat għal Għawdex – fejn ingħata appoġġ liema bħalu. F'ħidmitu ħadem bis-sħih biex jikseb Kostituzzjoni liberali mill-Ingliżi. F'Mejju tal-1917 ġie arrestat f 'daru stess u intbagħat għal sena l-ħabs – liema sentenza inbidlet mill-Gvernatur Methuen f 'tbeżbiża serja, minflok ħabs. Waqt l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali, Nerik Mizzi ġie nominat u maħtur Segretarju tal-Assemblea b'vot unanimu. Fl-1921 Nerik ifforma l-Partito Democratico Nazionale, li fl- istess sena tella' erba' kandidati fuq Għawdex. Wara l-elezzjonijiet tal-1924 il-partit ta' Nerik ifforma gvern ta' koalizzjoni mal-Unione Politica Maltese. Fl-1926 dawn iż-żewġ partiti ingħaqdu u saru il- Partito Nazionalista – liema partit eventwalment spiċċa jmexxi fl-1942. Mizzi kien magħruf bħala "cavaliere senza macchia e senza paura" – kavallier bla tebgħa u bla biża'. Hu baqa' magħruf għall- patrijottiżmu u nazzjonaliżmu tiegħu, fi żmien fejn Malta kienet taħt il-ħakma Ingliża li kienu jikkuntrastaw mal-kultura nazzjonali Maltija, l-identità xi ftit jew wisq Taljana, il-lingwa Taljana f 'Malta u reliġjon Kattolika Rumana. L-imperu kien wieħed fil-maġġoranza tiegħu Protestant, u bosta Nazzjonalisti kienu jemmnu li b'xi mod dawn jinfiltraw din ir-reliġjon f 'Malta wkoll, li dak iż-żmien kienet meqjusa bħala "cattolicissima". Mizzi u sħabu kienu jaħsbu li l-Ingliżi riedu jaqtgħu lill-Maltin mill-Ewropa f 'kull settur sabiex ikunu jistgħu jikkontrollawh aħjar. Dan kien jinkludi l-proċess biex ikisser il-lingwa Taljana f 'Malta, li kienet ilha f 'Malta għal bosta sekli f 'kull qasam tal-ħajja Maltija. L-Awtoritajiet Imperjali, skont il-Keenan Report li kien ikkummissjonat mill-istess Awtoritajiet Imperjali, bdew jaraw kif il-lingwa Maltija terġa' ssir djalett tal-Għarbi klassiku fi stat pur – u b'hekk jitneħħa kull element rumanz li kien fiha. Din kienet biss waħda fost il-proposti kulturali li riedet lill-Maltin eqreb tal-Ingliżi u aktar 'il bogħod mit-Taljani – kulturalment, lingwistikament u anke politikament. Huwa permezz ta' din il-perspettiva li wieħed jista' jifhem għaliex Mizzi kien magħruf bħala "kavallier bla biża'", hekk kif kull affinità mat-Taljani kienet meqjusa bħala theddida għall- Imperu Ingliż. Fit-30 ta' Mejju tal-1940 filwaqt li Mizzi kien il-Malta Printing Press, ġie arrestat u miżmum fil-Fortizza tas-Salvatur. Fi Frar tal-1942, il- Gvernatur Dobbie ħarreġ warrant illegali għad-diportazzjoni ta' 47 Maltin għall-Uganda – fosthom kien hemm Nerik Mizzi wkoll. Waqt l-eżilju tiegħu, Mizzi kien jagħmel dak li jista' biex iżomm aġġornat mas-sitwazzjoni politika f 'Malta. Huwa żamm f 'kuntatt mal-Membri Nazzjonalisti Eletti l-oħra tal-Kunsill tal-Gvern – Gorg Borg Olivier u Giuseppe Schembri. Il-grupp reġa' ddaħħal f 'Malta fit-8 ta' Marzu tal-1945, fejn Nerik ma tilef l-ebda minuta u reġa' qabad bil- ħidma politika tiegħu billi jattendi s-Seduta tal-Kunsill fil-15 ta' Marzu. Malli wasal lura, Nerik fittex li jorganizza lill-Partit Nazzjonalista mill-qiegħ. L-ideoloġija tal-Partit Nazzjonalista, l-appoġġ li dan kellu għal-lingwa u għall-kultura Taljana ta' spiss kienet tintuża kontrih minn dawk li kienu jopponuh. Il-gazzetti ta' Strickland, magħruf bħala l-għadu ta' Mizzi kienu jpenġu lil Mizzi bħala traditur, bħala individwu b'simpatija lejn l-Italja Faxxista. Ħames snin wara, f 'Settembru tal-1950 Nerik Mizzi sar il-Prim Ministru ta' Malta – liema kariga damet biss tliet xhur, hekk kif fl-20 ta' Diċembru tal-1950, Mizzi miet fir-residenza tiegħu fil-Belt Valletta. Huwa ingħata funeral statali. Jingħad li l-aħħar kliem tiegħu kienu lill-ibnu, il-Monsinjur Fortunato Paolo Mizzi, il-fundatur tal- Moviment Azzjoni Soċjali, "ħu ħsieb lil ommok, u ġġieled għar-reliġjon u għall-patrija." Dawn il-kliem, Nerik, qalhom bit-Taljan. Iben il-magħruf Fortunato Mizzi • Eżiljat fl-Uganda bejn l-1942 u l-1945 • Missier il-Mons. Fortunato Paolo Mizzi • PROFIL: XXXX