Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/501318
Il-Ħadd 26 ta' April 2015 | illum 7 immigranti li qed ifittxu ħajja aħjar dritt, daqsna, li jkollhom. U tibqa' l-istess ukoll ir- responsabbiltà tagħna li nuru solidarjetà. Maria Luisa Catrambone, 19-il sena, mill-MOAS Ħadd ma ħaqqu jmut hekk. L-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ għandhom jitilgħu fuq nett tal-prijoritajiet tad-dinja. Ninstab dispjaċuta ħafna. Fil-ħidma tiegħi fuq il-Phoenix, għalkemm nagħmel ħafna xogħlijiet, waħda minnhom hi li nieħu ħsieb it-tfal u n-nisa li jiġu salvati mill-operazzjoni tagħna – nara li jkunu kollha komdi kemm jista' jkun. Nista' ngħid li dejjem iqanqluli ħafna emozzjonijiet – imma waħda li dejjem tibqa' f 'moħħi b'mod partikolari, u li dejjem tqanqalli demgħa hija waħda mara li kienet tqila 6 xhur – bdiet tivvjaġġa waħidha u bdiet tibki għax bdiet tħoss in-nuqqas tar-raġel u tal-familja tagħha. Bdejt nipprova nferraħha ftit – kull ħaġa żgħira biex indaħħakha. Hi qaltli li trid lit-tifla tagħha ssir taf aktar dwar il-pajjiż oriġinarju tagħhom għax tixtieq li eventwalment imorru lura. Din ma nisimgħuhiex is-soltu fuq l-mezzi tax-xandir hekk kif nisimgħu biss dwar immigrant li jiġu fl-UE imma ma jgħidux li qed jipprovaw jagħtu ħajja aħjar lill-uliedhom u ulied uliedhom. Dawn huma nies b'ħafna kuraġġ, li jagħmlu vjaġġ hekk biex jagħtu futur aħjar lil uliedhom. Aditus "L-iktar element importanti bħalissa huwa li nagħmlu milli nistgħu biex insalvaw l-aktar numru ta' nies possibli, sabiex nipprevjenu aktar traġedji. Jekk l-Unjoni Ewropea ma tistax tissalvagwardja l-ħajja, tispiċċa fix-xejn. Imbagħad aħna nixtiequ li l-Unjoni Ewropea tifhem għalfejn refuġjat għandu bilfors jitla' fuq dgħajsa u jipprova jaqsam dak il-baħar qattiel, biex jaħrab minn gwerra jew persekuzzjoni. L-Unjoni Ewropea trid tifhem li l-liġijiet tagħha stess qed jimbuttaw lir-refuġjati fuq id- dgħajjes, u sakemm dawk il-liġijiet nibqgħu hemmhekk ħa nkomplu naraw irġiel u nisa u tfal imutu fl- ibħra tagħna." African Media Association Malta Sfortuntament din kienet traġedja qed tistenna li tiġri, li kienet neċessarja biex turi lid-dinja kemm hi kbira din il-problema. Din ma tistax tibqa' responsabilità tal-pajjiżi Mediterranji biss. Din il-problema trid titqassam bejn il-pajjiżi kollha u jridu jinstabu soluzzjonijiet ġodda fuq medda qasira ħalli naraw li ma jkunx hemm min jitlef ħajtu għalxejn; u fl-istess waqt irridu nsibu soluzzjonijiet għar-ragunijiet li qed iwasslu biex daqstant nies jaħarbu minn pajjiżhom għax ikunu mhedda b'ħajjithom. L-instabbilità fil-Libja hija ta' tħassib kbir, u l-fatt li t-traffikanti tal-immigranti jistgħu jibgħatu mijiet ta' nies daqshekk faċilment fuq dgħajsa li ma tiflaħhomx kollha, ħafna drabi mingħajr qas biss ma jkollhom ilma x'jixorbu, huwa att diżuman li jsir biss għall-profitt. SOS Malta Din hi sitwazzjoni wisq ta' niket. Ninstab f 'xokk għal kemm intilfu ħajjiet fl-agħar traġedja umanitarja, u ninsab aktar f 'xokk għan-nuqqas ta' rispons. Il-kliem mhux biżżejjed meta warajhom ma jkunx hemm azzjoni. Hemm bżonn li din it-traġedja ma tkunx kwistjoni politika. Ma naħsibx li hemm soluzzjoni sempliċi għaliha. Wasal iż-żmien li nagħrfu li din il-kwisjoni ħa tikber. Kemm għad iridu jmutu nies fl-ibħra tagħna biex nieħdu azzjoni bis-serjetà? L-azzjoni trid tkun kontra t-traffikanti, li tagħti għajnuna lill-pajjiżi ta' oriġini u li jkun hemm salvataġġ kontinwu. L-Ewropa trid tieħu azzjoni issa. Malta trid tifhem ukoll li ma nistgħux noqogħdu gallarija. Irridu nkunu parti mis-soluzzjoni." Il-fatti . . . • L-immigranti jitilqu mill-Afrika ta' Fuq – ħafna minnhom mil-Libja għall-Italja. Hemm ukoll min jieħu t-triq tal-Eġittu, u l-Marokk. Rotta oħra hija mit-Turkija għall-Greċja. • Skont l-UNHCR, l-immigranti jħallsu minn $200 sa $1,000 biex jaslu sal-Libja mill-Afrika tal-Punent, u minn $1,000 sa $6,000 mill-Arn tal-Afrika. • Il-vjaġġ mil-Libja għall-Italja suppost ma jdumx aktar minn ġurnata, imma minħabba li d-dgħajjes ma jkunux jifilħu jbaħħru daqshekk, mhux kollha jirnexxielhom jaslu. Meta joħorġu mill-Kosta Libjana, ssir 'distress call' bit-tama li l-immigranti jiġu salvati jew minn bastiment tal-merkanzija jew tas-sajd, jew inkella mill-gwardji tal- kosta Taljani jew Maltin. • Meta jkun hemm membri tal-ekwipaġġ fuq id-dgħajsa mal- immigranti, dawn jew jaħarbu jew jagħmluha ta' bir-ruħhom li huma immigranti wkoll. • Il-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti jinbidlu mas-snin. Bħalissa l-aktar li qed jaqsmu l-Mediterran huma mill-Afrika tal-Punent, mill-Arn tal-Afrika, u mill-2013 mis-Sirja. Skont il-UNHCR fl-2013, 31% kienu Sirjani, u 18% mill-Eritrea. Din is-sena l-aktar li qed jaslu immigrant fl-Italja u f 'Malta ġejjin mill-Gambia, is-Senegal u s-Somalja. • Skont l-UNHCR din is-sena waslu madwar 26,165 immigrant fl-Italja – numru simili għas-26,644 li waslu fl-ewwel erba' xhur tal-2014. • Fl-ewwel erba' xhur tal-2014 mietu 96 mill-immigranti li bdew jipprovaw jaslu fl-Ewropa mir-rotta li tgħaddi min-nofs tal- Mediterran. Din is-sena s'issa mietu 1,170 – b'madwar 800 minn nhar il-Ħadd sal-lum. • F'laqgħa għolja bejn il-mexxejja tal-istati tal-UE, li saret fi Brussell nhar il-Ħamis li għadda wegħdet fost l-oħrajn li ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Mediterran permezz tal-operazzjonijiet tagħha Triton u Poseidon, li tattakka l-ewwel u qabel kollox it-traffikanti tal- immigranti billi teħles mid-dgħajjes li jużaw biex idaħħlu l-immigranti fl-Ewropa, li tagħti l-għajnuna tagħha fl-għeruq tar-raġunijiet li jwasslu lill-immigranti jitilqu minn pajjiżhom, u li l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien sabiex jaqsmu din il-kwisjoni bejniethom. Ritratt: Ray Attard