Illum previous editions

illum 3 May 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/506100

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

12 illum | Il-Ħadd 03 ta' Mejju 2015 NHAR il-Ġimgħa l-1 ta' Mejju fix-Xlendi Għawdex, eżatt biswit il-knisja ltqajt mas-sindku l-ġdid tal-Munxar, li taħtu jaqa' x-Xlendi, Karmena Said magħrufa aktar bħala Karmena tad-Dias (Said bil-maqlub). Karmena wegħditni li turini mitħna li ngħid il- verità qatt ma kont smajt biha. Mitħna taħt l-art li fiha jisntab proċess sħiħ ta' tidris tal-qamħ, li kienet installata nofs seklu ilu, eżatt bejn l-1954 – 1955 mis-Servizzi Ingliżi. Din il-mitħna kienet inbniet flimkien ma' sitta oħra li hemm Malta f 'post li ma kien jaf ħadd bihom ħlief is-servizz Ingliż. Kienet taqa' taħt l-Official Secrecy Ordinance, li kienet tagħmel il-lokalità inaċċessibli u li kien ikun hemm fiha l-popolazzjoni lokali ma kinux ikunu jafu. Dawn kienu saru biex f 'każ ta' attakk nukleari, minħabba l-Gwerra Bierda li kien hemm bejn il-Punent u r-Russja, il-poplu Għawdxi seta' jibqa' jiekol peress li fil-mitħna kien hemm ħażna kbira ta' qamħ. Jekk wieħed jistenna xi raddiena se jmur żbaljat għax f 'din il-mitħna wieħed jista' jara proċess mekkaniku u ferm kumpless. Din il- mitħna tqattgħet kollha bl-idejn, bil-baqqun, mill- Għawdxin u fil-fond tal-blat jinstabu fosos tal-qamħ kif ukoll il-makkinarju biex jintagħżel, jinħasel, jitqassam, jinsaħaq u jintgħarbel id-dqiq. Biex isir dan il-proċess il-makkinarju jinstab imqassam fuq żewġ sulari; fl-ewwel sular insibu l-magni tat-tħin u l-impjant elettriku u fit-tieni sular il-preparazzjoni tad-dris u l-għarbiel. Ftit tas-snin wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-Gvern Kolonjali waqqaf is-Civil Defence Corps. Fost il- ħafna inizjattivi li wetqet is-Civil Defence Corps matul l-għoxrin sena li damet teżisti nsibu l-bini ta' sebat imtieħen taħt l-art mgħammra b'fosos kbar għall-ħażna tal-qamħ. Dan il-proġett kien xi ftit jew wisq imnebbaħ mill- esperjenza kiefra tat-Tieni Gwerra Dinjija fejn il-poplu ta' Malta u Għawdex kien f 'xifer li jċedi minħabba l-guħ kbir li ħakem fuqu fl-eqqel tal-attakki tal-Assi matul l-1942. F'dan il- kuntest, il-Gvern Kolonjali alloka waħda minn dawn l-faċilitajiet industrijali għall-ħażna u t-tħin tal-qamħ għall-gżira ta' Għawdex. L-ewwel sit li ġie magħżul Għawdex kien fil-Forti Chambray, li kien jintuża bħala sptar mentali. Kif tlesta x-xogħol tal-qtugħ tal-blat tad-daħla u tas-sala tal-makkinarju tat-tħin ġie innutat li l-kwalità tal- blat ta' Ras it-Tafal kienet inferjuri u għaldaqstant il- proġett kellu jiġi abbundunat ħesrem. Minħabba f 'hekk ġie magħżul dan is-sit fil- parti t'isfel tal-wied tax- Xlendi fejn minbarra blat żonqri tal-iprem kwalità, l-għamla tal-irdum u tal-blat tal-madwar iffaċilitat ferm il-bini ta' dan il-kumpless, b'mod partikolari l-aċċess għas-saqaf tal-fosos tal- qamħ li jinsabu fuq ir-riħ tal-mitħna fil-livell tagħna. Fl-istess waqt, dan l-post huwa milħuq faċilment mill-baħar u għaldaqstant seta' jiġi fornut mingħajr diffikultajiet kbar. Il-makkinarju tat-tħin kien ġie impurtat mill-Ingilterra mingħand waħda mill-akbar kumpaniji f 'dan is-settur. Minkejja l-medda ta' kważi sittin sena mill-istallazzjoni tiegħu, dan il-makkinarju wasal Għawdex fi stat ta' preservazzjoni tajjeb ħafna. Dan hu grazzi għaż-żamma kontinwa u skrupluża mill- impjegati tas-Civil Defence Corps li kienu jħadmuh b'mod regulari. Ovvjament, il-Kunsill Lokali tal-Munxar għandu mertu kbir ukoll fil-ħarsien tiegħu. Il-proċess ta' restawr u rijabilitazzjoni li beda madwar tnax-il sena ilu, u li ġab miegħu ħafna sfidi, kellu l-għan ewlieni li jwaqqaf il-proċess ta' deterjorazzjoni li kien beda jimmanifesta ruħu minħabba l-abbandun li kien tħalla fih u l-vandaliżmu li kull ma jmur kien qed jsir dejjem aktar preżenti. Kien l-2001 meta l-kunsill lokali beda bir-restawr tagħha fejn anke sabu għajnuna mill-MEPA u wara mill-Fondi Ewropej tal-Iżvilupp Rurali biex ir-restawr irnexxielu jsir u li sewa €300,000. Flus li żgur ma ntefqux għalxejn fejn xahar wara li nfetħet uffiċjalment, fid-29 ta' Marzu li għadda, din il- mitħna tħaddmu l-magni tagħha bil-pubbliku jattendi bi ħġaru biex jara dan il-kapolavur mekkaniku b'xogħol għaqli u iebes ta' missirijietna jaħdem. Il-mitħna 'sigrieta' ta' taħt l-art illum@mediatoday.com.mt John Busuttil Mitħna li kienet hemm • f 'każ ta' attakk nukleari issa miftuħa għall-pubbliku Mibnija mill-Ingliżi fl-1955 • u restawrata għas-somma ta' €300,000 Kapolavur mekkaniku • Id-dħul tal-mitħna Il-magna li tgħarbel id-dqiq

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 May 2015