Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/506100
Il-Ħadd 03 ta' Mejju 2015 | illum 19 l-impenn ta' Mare Nostrum waħedha u waqfietha. Probabilment kkalkulat ukoll li wara it-traġedja inevitabbli li jmiss, ikollha aktar saħħa politika biex iġġib 'il quddiem l-aġenda tagħha. Dan peress li l-Operazzjoni Triton imnedija minn Frontex sabiex tieħu post Mare Nostrum għandha terz tal-budget tal- operazzjoni Taljana u l-operazzjonijiet ta' salvataġġ huma limitati għaż-żona ta' tletin mil nawtiku mill-kosta Taljana. L-aħħar traġedja wriet drammatikament l-inadekwatezza tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni rregolari. Bosta huma dawk, anke fostna, li jikkritikaw lil Ewropa. Imma din l-kritika mhix ġustifikata. Il-Kummissjoni Ewropea hija impotenti f 'din l-materja għaliex l-immigrazzjoni hija kompetenza nazzjonali u l-gvernijiet jaraw li ma jċedux il-poteri nazzjonali. Dan anke minħabba l-mewġa ta' partiti anti- immigranti li tfaċċaw fuq l-orizzont politiku tista' tgħid fil-pajjiżi Ewropej kollha. U għalhekk għandna din l-kawlata li ma tfuħ xejn. Min jikkritika lill-Ewropa jinsa li l-Ewropa mhix xi ħaġa astratta imma hija ġabra ta' bliet u rħula fi 28 pajjiż li fihom jgħixu 500 miljun ruħ, inkluż 400,000 f 'Malta. Ilkoll li aħna rridu nġorru dan il-piż, piż li huwa l-frott tas-suċċess tal-mudell Ewropew. Minkejja kriżi ekonomika bla preċedent li tappnet l-entużjażmu għall-UE f 'bosta pajjiżi, l-Ewropa xorta għadha l-art imwiegħda għal bosta ddisprati mill-Afrika u mil- Lvant Nofsani u anke lil hinn minn hemm. Dan huwa r-riżultat tal-paċi li l-Ewropa issa ilha dduq għal 70 sena, l-itwal perjodu ta' paċi fl-Ewropa. Dan hu anke l-frott tal-ħolma ta' Schumann, DeGasperi u Adenauer li l-pajjiżi Ewropej jaqsmu s-sovranità tagħhom u jiftħu s-swieq tagħhom għall-prodotti u servizzi tal-pajjiżi ġirien li magħhom sa ftit qabel kienu mħaddnin f 'konflitt mortali. Kif poġġiha ferm tajjeb l-Economist f 'artiklu twil fil-ħarġa tiegħu tal-25 t'April li għadda (liema minnu slitt ftit mill-informazzjoni li qed naqsam magħkom), sakemm hemm it-tbatija u l-faqar lil hinn minn xtutha, in- nies ser jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Skont l-Economist, u miegħu naqbel, m'għandhomx għalfejn imutu sabiex jagħmlu hekk. L-Ewropa, inkluż Malta, teħtieġ taffaċja dan il-fenomenu migratorju b'determinazzjoni politika. Hemm żewġ tipi ta' immigrazzjoni rregolari : dik politika u dik ekonomika. Madankollu, jidher biċ-ċar li l-maġġiorparti tal-immigrazzjoni rregolari hija l-frott ta' konflitti ċivili jew ripressjoni politika. Il-figuri għal 2014 mogħtija mill-aġenzija tal-U.E. għall-kontroll tal-fruntieri, Frontex jitkellmu ċar : 79,169 jew 28% tal- immigranti rregolari kienu mis-Sirja, 34,500 mill-Eritrea (11,300 fl-2013) u 22,000 mill-Afghanistan (9,500 fl-2013). 170,000 għaddew mir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran li tgħaddi mill-ibħra tagħna: dan jirrappreżenta 60% tal-immigranti rregolari kollha, żieda ta' 277% fuq is-sena ta' qabel. Meta wieħed iqis in-natura tal- konflitt fis-Sirja, in-natura ripressiva tar-reġim fl-Eritrea u l-gwerra ċivili bla heda fl-Afghanistan, wieħed m'għandhux għalfejn jiskanta wisq. Skont l-International Organisation for Migration, il-gwerra ċivili Sirjana pprovokat "l-akbar moviment ta' nies mit-tieni gwerra dinjija 'l hawn" bi 8 m ruħ jiċċaqalqu fis-Sirja stess u 4 m jaħarbu minnha. Huwa inevitabbli li dan il-konflitt jalimenta l-flussi migratorji. Mill-banda l-oħra, in- numru ta' immigranti Somali naqas ferm wara li l-qagħda fis-Somalja stabilizzat ftit ruħha. Jidher ċar ukoll li bosta Eritrej u Afrikani mis-Sub Saħara qed ikollhom jaħarbu lejn l-Ewropa minħabba l-kaos fil-Libja. Huwa magħruf li l-immigranti huma ttrattati ferm ħażin fil-Libja. L-immigranti Afrikani fil-Libja spiss jispiċċaw maħqurin u misruqin u fil-każ tan-nisa, abbużati u stuprati. Dan kien il-każ anke meta kien hemm Gaddafi fil-poter imma issa l-qagħda ħżienet ferm. Il-pajjiż huwa f 'kaos sħiħ b'żewġ gvernijiet rivali u bl-Istat Iżlamiku jsaħħaħ il-presenza tiegħu. Bosta huma dawk l-immigranti ekonomiċi li marru l-Libja sabiex jaqilgħu l-għixien tagħhom u jkollhom jaħarbu lejn l-Ewropa għax ma jistgħux jitilqu lura lejn pajjiżhom. Is-sena l-oħra, 26,430 Afrikan mis-sub Saħara qasmu lejn l-Ewropa. Verament, x'ħin wieħed jara dina l-istampa, wieħed faċli jirrassenja ruħu u jgħid li ma tantx hemm x'jista' jsir. Wara l-aħħar traġedja, il-Gvern Malti dlonk beda jipotizza l-possibilità ta' azzjoni militari sabiex jinqerdu ċ-ċrieki ta' kuntrabandu. Meta wieħed jiftakar li l-Gvern Malti ftit xhur ilu eskluda kwalunkwe parteċipazzjoni Maltija f 'operazzjoni internazzjonali ta' żamma tal-paċi fil-Libja, id-diskors tal-Gvern Malti kien pjuttost ażżardat u Renzi dlonk qata' fil-qasir meta ospita lil Muscat f 'Palazzo Chigi. Kien hemm min anke awspika xi ħaġa simili għall-operazzjoni kontra l-piraterija li l-UE qiegħda twettaq fil-kosta Somala. Imma anke dan mhux possibli għaliex in-natura tal-problema hija ferm differenti u kwalunkwè operazzjoni militari trid tiżgura li l-ħajja tal- innoċenti ma' tiġix ipperikolata. L-impenn tal-UE irid ikun fuq bosta fronti: fl-ewwel lok, irridu nirrikonoxxu li l-kunċett ta' Fortizza Ewropa falla; min hu determinat li jidħol l-Ewropa ser jidħol, anke jekk jirriskja ħajtu. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-Ewropa tibda taċċetta aktar immigranti ekonomiċi speċjalment fejn dawn huma meħtieġa minkejja r-rata għolja ta' qagħad f 'bosta pajjiżi. Narawha anke f 'pajjiżna li bosta kategoriji ta' xogħol qed jimtlew minn immigranti għaliex il- Maltin ma jridux jagħmluhom, spiss għax huma kuntenti bil-flus li jdaħħlu mir-relief jew għax qed jaspiraw għal xogħol mal-gvern, preferibilment bit-teleworking. Nisfida lil kulħadd jipprova jmur xi ristorant Taljan u ma jsibx tal-anqas extra-kommunitarju wieħed jaħdem. U din t-tendenza qiegħda tiżdied anke Malta. Jeħtieġ ukoll li ssir aktar pressjoni sabiex il-fazzjonijiet libiċi jirranġaw id-differenzi ta' bejniethom u l-konflitt Sirjan jintemm. Huma għanijiet diplomatiċi ferm ambizzjużi għall-UE imma huwa ferm meħtieġ li jintlaħqu. B'hekk, jispiċċaw il-fatturi primarji għall-flussi migratorji li għandna . L-UE trid ukoll tagħmel sforzi akbar sabiex tgħin l-iżvilupp ekonomiku fl-Afrika sub-Saħarjana. Bosta pajjiżi afrikani qed ikollhom rata ta' tkabbir ekonomiku tassew impressjonanti ta' aktar minn 7%. L-Afrika m'għadux kontinent iddisprat u qed jiżdiedu l-istejjer ta' suċċess. Dan il-momentum ekonomiku jrid jisseddaq b'reġim tariffarju preferenzjali u għajnuna teknika fejn meħtieġ. Idea oħra li qiegħda tiġi kkunsidrata hi li bħalma tagħmel l-Amerika u l-Awstralja, talbiet għal ażil jiġu kkunsidrati barra mill-Ewropa. Jagħmel aktar sens li tali talbiet jiġu kkunsidrati fil-kampi tar-rifuġjati tal-Ġordan, Libanu jew Turkija milli wara li l-individwu jkun sborża eluf ta' ewro lil traffikant, irriskja ħajtu u dana dejjem jekk jirnexxielu jasal qawwi u sħiħ. Dan żgur inaqqas in-negozju għat-traffikanti. Il-gvernijiet Ewropej iridu ukoll jaċċettaw li jaqsmu l-piż tal- immigranti rregolari b'mod ġust minkejja li huwa fatt li lkoll kemm huma qegħdin iġorruh xi ftit jew wisq. Meta jagħmlu hekk, ikun aktar faċli li pajjiżi oħra jġorru huma ukoll dan il-piż bħalma ġara meta aktar minn miljun vjentnamit li ħarbu fuq il-baħar ġew aċċettatati f 'bosta pajjiżi differenti. Ħadd ma għandu jilludi ruħu li anke jekk dawn il-proposti jiġu adottati, il-problema ser tisparixxi. Imma kif ktibt drabi oħra, l-immigrazzjoni hija fin-natura tal-bniedem u oriġinat mill-bidu tal-istorja. Il-politika attwali tal-Ewropa qiegħda biss isservi biex ixxaħħam il-bwiet tat-traffikanti u tkattar l-imwiet tal-iddisprati. Ilu li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn il-problema b'lenti radikalment differenti. B'hekk forsi niskunġraw ftit mill-ħtija kollettiva tagħna lkoll. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph għal stejjer u analiżi tax-xena internazzjonali. "Donnu sabiex l-opinjoni pubblika u min imexxina jagħtu kas dak li qed jiġri fil-baħar Mediterran, hemm bżonn ta' traġedja ta' dimensjonijiet bibbliċi"