Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/506100
20 illum | Il-Ħadd 03 ta' Mejju 2015 G ħad hawn nies li għadhom isibuha diffiċli jifhmu li llum il-ġurnata Malta m'għadhiex daqsxejn ta' blata tfittex xi daqsxejn ta' rokna għaliha fil-Mediterran. Forsi kien hemm min kien jaħseb hekk, u forsi xi ftit raġun seta' kellu, imma llum, fl-2015, dawk il-Maltin li għadhom jaħsbu li pajjiżhom huwa nitfa mitlufa, tifflowtja fl-ilma, għadhom ma stenbħux mir- raqda, jew, biex nuża metafora li saret moda, għad iridu jqumu jxommu l-kafè. Malta hija nazzjon. U ilha nazzjon. Propju ftit tax-xhur ilu ċċelebrat avvenimenti importanti fl-istorja tagħha li minn farka għamluha nazzjon. Saru ħafna ċerimonji, ħafna kunċerti (sal-Beatles ġew jikkongratulawna) u avvenimenti oħrajn kif xieraq għal dan in-nazzjon. Il-problema hija li mhux kulħadd għadu rrealizza li dan il-pajjiż taċ-ċerimonji sar, u s'issa għadu, nazzjon. In-nazzjonalità tissawwar bis- saħħa ta' numru ta' jeddijiet u bir-responsabbilitajiet li dak in-nazzjon igawdi u jġorr. Issa waħda mid-dati li ġew iċċelebrati sena ilu kienet timmarka l-għaxar anniversarju minn mindu dan in-nazzjon iddeċieda li jerfa' lilu nnifsu u jġorr sħubija ma' nazzjonijiet oħrajn. Daħal fi sħab magħhom bi sħubija li suppost, minbarra l-vantaġġi ekonomiċi u politiċi tagħha, iġġorr ukoll responsabbilitajiet kulturali, għax din is-sħubija għandha wkoll dimensjoni kulturali. Fi kliem ieħor, iva, kienet deċiżjoni li kellha tibdel mhux biss il-munita u l-pjanċi mal-bumpers tal-karozzi, imma l-mod kif in-nies ta' dan-nazzjon jaħsbu u jġibu rwieħhom. L-idea li nazzjon ifisser li ħadd m'għandu jindaħalli u li nġib ruħi kif jidhirli, hija totalment żbaljata għar-raġuni sempliċi li fid- dinja hawn nazzjonijiet oħrajn minbarra tiegħi. Issa waħda mir- responsabbilitajiet li nazzjon li mexa 'l quddiem għandu huwa r-rispett lejn popli oħrajn, speċjalment, għalkemm mhux biss, lejn popli li minħabba l-istorja tagħhom (storja li ma ffurmawhiex huma bħalma ħafna mill-istorja tagħna ma ffurmajnihiex aħna) għadhom qegħdin ibatu s'issa. Il-poplu kbir iswed, pereżempju, partikolarment dak ta' taħt is-Saħara, li għadu jilgħaq il-ġrieħi tal- kolonjaliżmu Ewropew, huwa poplu miskin. Huwa poplu li għadu ma jistax isib postu f 'postu stess. U agħar minn hekk, għad hawn nies li, bl- iskuża tan-nazzjon, tal-hekk imsejħa identità nazzjonali – kunċett abjad tas-seklu dsatax li l-pedamenti tiegħu huma d-diskriminazzjoni u d-delużjoni tal-kobor – ma jridux ikollhom x'jaqsmu mal-oħrajn (suwed u anki bojod 'tal-Lvant'). Imma r-responsabbiltà ta' nazzjon matur titlob li jiġi missielet kull tip ta' diskriminazzjoni kontra kull tip ta' grupp soċjali. Għalhekk insibha diffiċli ħafna naċċetta li jkollok uffiċjali li jirrappreżentaw lil xi nazzjon li jeħduha qatta' bla ħabel kontra l-kap uffiċjali tal-istess nazzjon wara li din tagħmel argument favur ir-responsabbiltà lejn popli oħrajn. Insibha diffiċli naċċetta li xi ħadd li xi darba ssottoskriva għal ideoloġija li kienet issejjaħ biex il- proletarji tad-dinja kollha jingħaqdu ħalli jieħdu dak li huwa tagħhom, issa qiegħed jiddiskrimina bejn proletarji u proletarji, bejn tagħna u l-oħrajn. Meta jkollok uffiċjal tal-gvern jirrappreżentak tippretendi li dan ikun responsabbli fi kliemu u mġibtu. U jien wieħed minn dawk li nippretendi li jekk hemm individwu li b'xi mod qiegħed jirrappreżentani għandu joqgħod tassew attent xi jgħid u jibda – fl-aħħar – jifhem li Malta hija pajjiż u nazzjon u mhux xi kamp ta' iżolament. F'pajjiżi oħrajn, li magħhom suppost li aħna pari passu, kummenti bħal tal-Ispecial Envoy tal-Gvern Malti fuq il-profil tiegħu ta' Facebook tiegħu, kienu jiswewh riżenja immedjata. Imma...imma... Din l-istorja tixbah lil dik ta' ftit jiem ilu ta' kummentatur sportiv fuq stazzjon televiżiv tal-Istat, li waqt kummentarju nojjuż fuq it-televixin jgħaddi kumment razzist wara inċident li fih kien involut player iswed. Anki hawn, li kieku dan il-kummentatur kien qiegħed fuq stazzjon televiżiv statali f 'pajjiż ieħor aktarx li lanqas iħabbar it- tisfira finali ma kien jingħata ċans. Imma hawnhekk qalulu żewġ kelmiet u barra bid- daqq. Inħoss li wasal iż-żmien li nibdew nifhmu x'jiġifieri jkollok nazzjon matur. Hija ħasra li waqt li l-President qiegħda tgħaddi messaġġi favur il-ħniena u l-fraternità, l-għaqda tal-popli u l-ħtieġa li jiġi indirizzat bis-serjetà s-serp tal-faqar dinji u mhux lokali biss, il-gvern Malti jlaħħaq mibgħuta speċjali jirrappreżentawh li jiktbu u jrewħu ideoloġiji perikolużi ħafna. Hija ħasra wkoll li dawk li xi darba kienu jippuppaw sidirhom għax kienu jħossu għall-ħaddiema, għall-batuti, illum juru kemm ma fehmux il-kunċett sħiħ ta' min huma l-ħaddiema u l-batuti. Nittama li l-mexxejja tal- gvern, minflok ma jagħlqu għajnejhom u jgħidu li ma jindaħlux fl-opinjonijiet 'privati' tal-individwi li għandhom kariga għolja fil-makkinarju statali, jaħsbu naqra kif se jħarrġu lil dawn l-individwi kif għandhom jirrispettaw lil ħaddieħor. U dan jgħodd għall- entitajiet kollha governattivi, imqar għal dik ir-rokna fejn jitkellmu dwar il-ballun hux tond jew għandux xi forma oħra. IMMANUEL MIFSUD L-ISPECIAL ENVOY AĦBARIJIET ONLINE .cOm.mT "Il-poplu kbir iswed, per eżempju, partikolarment dak ta' taħt is-Saħara, li għadu jilgħaq il-ġrieħi tal-kolonjaliżmu Ewropew, huwa poplu miskin"