Illum previous editions

illum 3 May 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/506100

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 03 ta' Mejju 2015 | illum 21 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt N har il-ġimgħa ċċelebrajna Jum il-Ħaddiem. Kienet ġurnata ta' vaganza li għal ħafna ssret tmiem il-ġimgħa itwal mis-soltu u għalhekk iċ-ċans li wieħed jieħu tlett ijiem ta' mistrieħ mal-familja. Iżda apparti Jum il-Ħaddiem fl- istess jum konna qed niċċelebraw għeluq il-ħdax-il sena minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Sħubija li domna wisq niddibattu jekk għandniex nidħlu u nsiru membri fiha jew inkella jekk kellniex naddottaw mudell ta' Żvizzera fil- Mediterran. Għal żmien twil il-poplu kien maqsum min-nofs u finalment kellu jkun il-poplu stess li jiddeċiedi permezz ta' referendum. Kien fit-8 ta' Marzu 2003 meta fl-aħħar il-poplu ħareġ jivvota u b'hekk iddeċieda l-futur għal pajjiżna. Dakinhar 53.6% qalu IVA għal sħubija sħiha ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u b'hekk twittiet it-triq sabiex fl-1 ta' Mejju 2004 aħna l-Maltin bqajna Maltin, iżda sirna wkoll Ewropej bit-timbru ċar fuq il-passaporti tagħna, li kulħadd beda jieħu pjaċir iperper speċjalment meta jsiefer. L-Ewropa kienet tfisser it-tama għal dawk il-ħafna li kienu jemmnu li biex pajjiżna jimxi 'l quddiem u jagħmel qabża 'l fuq fil-kwalità tal-ħajja kellna bilfors inkunu msieħba. Oħrajn kienu jemmnu li pajjiżna parti mill-Unjoni Ewropea se jasal biex jitlef l-identità tiegħu u l-Maltin se jispiċċaw bla xogħol għax il-politiċi kienu jbeżżugħhom li l-Isqallin ġejjin jieħdulhom xogħolhom. Illum iżda nafu li pajjiżna ma tilifx l-identità tiegħu. Dak kollu li kien jagħmilna Maltin qabel is-sħubija fl-Ewropa għadu hemm u se jibqa' hemm. Illum nafu li għalkemm żdied l-ammont ta' barranin li ġew jaħdmu f 'pajjiżna, il-Maltin xorta għad għandhom opportunitajiet ta' impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad dejjem baqgħet prijorità fuq l-aġenda taż-żewġ partiti politiċi li dejjem saħqu li jipprovdu x-xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-karattru u l-identità tagħna bi spirtu u temperament Mediterranju fejn ma' kull opportunità u kwistjoni rridu nitbaqbqu, niddibattu u niġġieldu għall-punt li dejjem għandna raġun, baqgħu b'saħħithom daqs qatt qabel. Prova ta' dan kien ir-referendum riċenti fuq il-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa fejn għal darb'oħra komplejna nitlewmu u nitmasħnu dwar jekk għandniex inżommu jew le il-kaċċa fiż-żmien li l-għasafar ikunu għaddejjin minn fuq pajjiżna biex ipassu. Iddeċidejna li nżommu din il-prattika u għalkemm kien hemm min rebaħ u min tilef l-argument dejjem kien miġġieled b'mod ċivili. Is-sħubija ta' pajjiżna bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea wasslet ukoll sabiex Malta jkollha postha madwar il-mejda tad- diskussjoni fejn illum hemm total ta' 28 pajjiż li flimkien jiddiskutu u jfasslu l-politika komuni li aħna lkoll irridu nadottaw u nappoġġjaw. Politika li tfisser li aħna llkoll ugwali daqs il-popli tat-28 pajjiż li flimkien jammontaw għal madwar 800 miljun ruħ. Wara ħdax-il sena ta' sħubija fl- Unjoni Ewropea llum għadna qed ingawdu mid-deċiżjoni li ħadna fit-8 ta' Marzu 2003. Illum però qed ingergru wkoll li l-Ewropa mhux qed tkun ta' għajnuna biżżejjed fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni llegali. U forsi li qed ninsew ukoll hu li kieku m'aħniex membri fl-istess Unjoni Ewropea ma' kienx ikollna bibien x'inħabbtu jew ma' min immorru niġġieldu, nargumentaw u nitolbu għal iżjed għajnuna kif fil-fatt għamilna bħala Maltin u Ewropej. Din il-blata żgħira li ngħixu fuqha aħna llkoll bid-difetti kollha tagħna għarfet tibqa' Maltija u Ewropea. Bqajna l-għira ta' dawk kollha li jiġu jżuruna. 11-il sena ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 May 2015