Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/509502
Il-Ħadd 10 ta' Mejju 2015 | illum 19 I ssa ilu Prim Ministru tal-Italja għal aktar minn sena u l-marka tiegħu xi ftit jew wisq beda jħalliha. Meta laħaq Prim Ministru, jiena kont fost dawk li pprevedejt ħajja qasira għall-gvern ta' Matteo Renzi. Dan anke minħabba l-aritmetika tal-partiti fil-Parlament, riżultat tas-sistema elettorali Taljana li tant kienet imħanżra li min ħolom biha, is-senatur leghista, Roberto Calderoli, laqqamha "Porcellum". It-Taljani jħobbu jlaqmu s-sistema elettorali tagħhom u l-"Porcellum" issotitwiet il-"Mattarellum", liġi li kien sawwar Sergio Mattarella li llum laħaq president tar-Repubblika minflok Giorgio Napolitano. Il-"Porcellum" tagħti premju ta' maġġoranza lil partit jew koalizzjoni li ġġib l-akbar numru ta' voti, anke jekk ma tkunx maġġoranza assoluta, fil- Kamra tad-Deputati. Imma l-elezzjoni għas-Senat issir b'sistema differenti u l-premju ta' maġġoranza jingħata fuq bażi reġjonali. L-Italja hija unika li għandha żewġ kmamar tal-Parlament li għandhom l-istess poteri. Imma għas-Senat jivvota biss min għalaq 25 sena, mentri għall- Kamra tad-Deputati jivvota min għalaq 18-il sena. L-intenzjoni ta' Calderoli u l-koalizzjoni mmexxija minn Berlusconi meta għaddiet il-"Porcellum" kienet li jagħmel l-ħajja kemm jista' jkun diffiċli għal Prodi u l-koalizzjoni tal-Ulivo li kien imexxi li kienet mistennija tirbaħ l-elezzjoni tal-2006. Il-"Porcellum" kien ovvjament jinċentiva l-aggregazzjoni tal-forzi l-aktar differenti sabiex jiġru t-tellieqa elettorali flimkien ħalli jgawdu l-premju ta' maġġoranza u l-Ulivo ta' Prodi spiċċa koalizzjoni li kienet tkopri l-ispektrum politiku minn Clemente Mastella fuq iċ-ċentru lemin, sa Rifondazione Comunista u r-Radikali fuq ix-xellug. Ir-riżultat ta' din is-sistema elettorali kien instabilità politika. Il-gvern ta' Prodi ma damx aktar minn sentejn għax għalkemm kellu maġġoranza soda fil-Kamra tad-Deputati fis-Senat kellu maġġoranza żgħira ħafna. Meta Mastella abbanduna l-koalizzjoni u xi senaturi oħra ta' DiPietro qasmu l-kamra (għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront ta' Berlusconi minħabba tixħim wara li wieħed minn dawn is- senaturi kixef kollox), il-koalizzjoni ta' Prodi kkrollat. Fl-elezzjoni suċċessiva, Berlusconi, li kien waqqaf il-Partito delle Libertà biex jgħaqqad Forza Italia ma' Alleanza Nazionale ta' Gianfranco Fini, reġa' rebaħ u kellu maġġoranzi ferm solidi fiż-żewġ kmamar tal-Parlament. Imma wara li Fini abbanduna lil Berlusconi, għal aktar minn sena il- gvern ta' Berlusconi baqa' ħaj bil-ħniena. Kien evidenti li gvern daqshekk dgħajjef ma' setax (u probabilment l-anqas ried) iwettaq ir-riformi tant meħtieġa sabiex l-Italja taffaċja l-kriżi dejjem tikber tal- Ewrożona li f 'mument minnhom bdiet anke thedded l-istabilità finanzjarja tal- Italja. Taħt pressjoni tas-sieħba Ewropej, u speċjalment tal-kanċelliera Ġermaniża, Angela Merkel, il-President Napolitano uża l-prestiġju kbir li jgawdi u pperswada lil Berlusconi sabiex jirriżenja f 'Novembru 2011. Bdiet l-esperjenza tal-gvern tekniku ta' Monti li dam sa Diċembru 2012. Fl-elezzjoni ta' Frar 2013, il- "Porcellum" reġgħet għamlet tagħha u l-koalizzjoni taċ-ċentru xellug immexxija mis-segretarju tal-Partit Demokratiku, Pier Luigi Bersani marret agħar milli mistenni. B'maġġoranza relattiva żgħira fil-Kamra tad-Deputati, ħadet il-premju ta' maġġoranza imma ma rnexxilhiex tirbaħ maġġoranza fis-Senat. Bersani ma rnexxielhux jifforma gvern għax il-vera rebbieħ tal-elezzjoni, il-Moviment 5 Stelle tal-kummidjant Beppe Grillo ma appoġġjahx. Fil-kaos politiku li segwa, il-Parlament ma rnexxielux jaħtar President ġdid u Napolitano aċċetta l-appell tal-forzi politiċi prinċipali kollha, inkluż Berlusconi, sabiex jerġa jinħatar President. Napolitano pperswada lil Berlusconi jidħol fi koalizzjoni mal- Partit Demokratiku u ġie ffurmat il-gvern immexxi minn wieħed mill- imħuħ l-aktar intelliġenti tal-politika Taljana, Enrico Letta. Imma Berlusconi ma damx ma reġa' bdielu u abbanduna l-koalizzjoni. Madanakollu, Angelino Alfano, is-segretarju tal-PDL u l-ministri kollha tal-PDL kif ukoll bosta deputati u senaturi oħrajn komplew jappoġġjaw lil gvern ta' Letta. Alfano waqqaf in-Nuovo Centro Destra, formazzjoni politika li s'issa ma tantx ħalliet impatt fost l-elettorat. Letta kellu n-numri meħtieġa sabiex ikompli jiggverna imma ma damx ma jiġi nsedjat minn sħabu stess. Bersani kien irriżenja minn segretarju tal-PD meta mill-inqas 101 parlamentari tal-PD ma ivvutawx biex Romano Prodi jilħaq President tar-Repubblika. Minfloku laħaq Matteo Renzi, is-sindku ta' Firenze, bniedem ta' ambizjoni bla qies u li kien ilu s-snin jgħid li jrid jixkupa lid-diriġenti l-qodma tal-PD. Tant li kienu laqmuh ir-"rottamatore". Minkejja li kien iddikjara li mhux ser ifittex il-kariga ta' Prim Ministru mingħajr mandat populari, ma damx ma reġa' bdielu. Ftit wara li kien beda fuq Twitter (strument li juża ta' spiss) il-hashtag #enricostaisereno, ħraxet fi ħdan il-PD il-kritika dwar il-pass imqanżah tar- riformi iwettqa mill-gvern ta' Letta li rriżenja fi Frar 2014. Matteo Renzi laħaq l-iżgħar Prim Ministru tal-Italja mill- Unifikazzjoni fl-1861 (kiser ir-rekord li kellu għal żmien twil Benito Mussolini bi ftit xhur) u l-ewwel Prim Ministru li laħaq minn sindku. Wieħed jista' jgħid li Renzi ħabbietu l-fortuna matul is-sena u ftit xhur li ilu Prim Ministru minkejja id-dgħjufija tal-gvern tiegħu, speċjalment fis-Senat. Bosta kienu ċ-ċirkostanzi li saħħew f 'id Renzi: id-dgħjufija ta' Forza Italia li Berlusconi reġa' waqqaf wara li xolja l-PDL, il-problemi interni li għandu l-Movimento 5 Stelle bl-abbandun ta' bosta deputati u senaturi li lesti li jivvutaw mal-gvern, il-kroll tal- moviment imwaqqaf minn Mario Monti, Scelta Civica li għalkemm parti mill-koalizzjoni tal-gvern li qed tfisser li bosta esponenti tagħha spiċċaw jidħlu fil-PD kif ukoll id-dgħjufija elettorali tan-Nuovo Centro Destra ta' Angelino Alfano. Kulħadd, inkluż l-oppożizzjoni interna għal Renzi, jaf li jekk jaqa' l-gvern ta' Renzi u ssir elezzjoni, Renzi jittrijonfa bħalma għamel sena ilu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta l-PD kiseb 41% tal-voti, l-aqwa riżultat ta' partit politiku Taljan mill-1958. L-ebda dundjan mhu ser jivvota biex il-Milied jiġi qabel. Fattur ieħor li qed jgħin lil Renzi hi l-ewwel sinjali li l-Italja ħierġa mir- riċessjoni profonda li ilha s-snin fiha. Madanakollu, wieħed ma għandhux jissottovaluta l-ħila politika ta' Renzi. Jaf jaqsam l-opposizzjoni, anke billi jippremja lil min għandu bżonn iġibu miegħu, jaf ikun flessibli fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, imma jaf ukoll ikun sod u deċisiv. Dawn il- kwalitajiet rajnihom fis-seħħ f 'diversi okkażjonijiet. Meta l-Italja riedet tinnomina l-Kummissarju Ewropew tagħha, insista li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Federica Mogherini tinħatar Rappreżentant Ewropew għall-Politika Barranija minkejja n-nuqqas ta' esperjenza tagħha u l-oppożizzjoni mill- pajjiżi tal-lvant. Imma tiegħu għaddiet. Kemm ilu Prim Ministru, irnexxielu jirrendi kważi rrilevanti l-oppożizzjoni interna fi ħdan il-Partit Demokratiku minkejja li din tikkomprendi kważi l-esponenti storiċi kollha tal-partit bħal Massimo D'Alema, Rosy Bindi u l-istess Pier Luigi Bersani. Irnexxielu jgħaddi mill-Parlament l-hekk imsejjaħ Jobs Act minkejja l-oppożizzjoni tal- minoranza interna tal-PD u tat-trade unions li tradizzjonalment jappoġġjaw lix-xellug. Il-Jobs Act jipprova jnaqqas ir-riġiditajiet fis-suq tax-xogħol li jżommu lill-imprendituri milli jħaddmu in-nies minħabba li huwa wisq diffiċli li ħaddiema jitkeċċew meta jonqos ix-xogħol. Minħabba dan, bosta miż- żgħażagħ Taljani ma jsibux kuntratt indefinit ta' xogħol imma jkollhom jikkuntentaw ruħhom b'kuntratti definiti. Renzi wera wkoll abilità politika u tattika fil-ħatra ta' President tar- Repubblika. Irnexxielu jgħaqqad il-partit tiegħu biex jinnomina lil Sergio Mattarella, ġurista kattoliku ferm rispettat, imħallef tal-Qorti Kostituzzjonali u ħu l-president tar- Reġjun Sqalli, Piersanti Mattarella li kien inqatel mill-Mafja. Bl-għajnuna ta' Napolitano, li jidher li minn wara l-kwinti, kellu sehem kbir fin-nomina ta' Mattarella, ġab anke l-appoġġ għal din in-nomina min-NCD u x-xellugin ta' SEL. L-oppożizzjoni isterika ta' Berlusconi għal din in-nomina sfumat fix-xejn. Waħda mill-prijoritajiet tal-Parlament Taljan kienet liġi elettorali ġdida flok il-"Porcellum" wara li l-Qorti Kostituzzjonali Taljana laqgħet rikors tal-avukat Bozzi u ddikjaratha mhix kostituzzjonali. Dan minħabba l-fatt li l-premju ta' maġġoranza jiġi applikat taħt kwalunkwè ċirkostanza, anke jekk il-partit jew koalizzjoni rebbieħ jirbaħ biss 30% tal-voti jew possibilment anke anqas. Problema oħra bil-"Porcellum" hi li l-listi huma imblukkati u l-votanti ma għandhomx id-dritt li jagħżlu lil min jibgħatu l-Parlament imma jridu jagħżlu biss il-partit jew il-koalizzjoni. Berlusconi u Renzi kienu laħqu ftehim,li jissejjaħ il-Patto del Nazzareno (fejn il-PD għandu s-sede tiegħu) li fost l-oħrajn kien ikopri l-liġi elettorali l-ġdida għall-Kamra tad-Deputati li issa tlaqmet l-"Italicum". Wara bosta dibattiti fi ħdan il-PD, din il-liġi ġiet modifikata sew mill-ewwel abbozz tagħha u saret aktar diġeribili. Il-premju ta' maġġoranza ser jingħata biss jekk il-koalizzjoni rebbieħa taqbeż 40% tal-vot u jekk l-ebda koalizzjoni ma jirnexxielha iġġib daqshekk voti, issir elezzjoni ġdida bejn l-ewwel żewġ koalizzjonijiet jew partiti. Il-votanti ser jerġa' jkollhom id-dritt li jagħżlu lil min itellgħu fil-Parlament ħlief għall-capolista u kull partit irid iġib ta' l-anqas 3% tal-voti biex jaħtar deputat. Din il-liġi għaddiet mill-Kamra tad-Deputati nhar it-Tnejn li għadda minkejja li Berlusconi rtira l-appoġġ li kien taha fis-Senat u l-oppożizzjoni interna fi ħdan il-PD (50 deputat ma vvutawx favuriha). Il-liġi l-ġdida dritt ġiet iffirmata mingħajr riserva mill- President Mattarella fost l-eżultanza ta' Renzi. L-isfida li jmiss għal Renzi, wara l-elezzjonijiet reġjonali fl-aħħar ta' dan ix-xahar, hi li jiffinalizza r-riforma tas-Senat li ma jridux jibqa' jiġi elett u bl-istess poteri tal-Kamra tad-Deputati. Din hi riforma kostituzzjonali intiża sabiex tiffaċilita l-passaġġ tal-liġijiet mill- Parlament u l-governabilità tal-Italja. Is-Senat il-ġdid l-anqas mhu ser jivvota l-fiduċja lill-gvern. L-oppożizzjoni għal Renzi, kemm interna u kemm esterna, ser tagħmel l-almu tagħha biex twaqqaf din ir-riforma tas-Senat li fi kwalunkwè każ trid tiġi kkonfermata b'referendum. Bosta huma dawk, fosthom id-dekan tal- ġurnalisti Taljani, Eugenio Scalfari, li qed isostnu li s-Senat kif propost mhux ser iservi biex jikkontrolla l-eżekuttiv u jkun aħjar li jiġi abolit. Ġurnalist prominenti ieħor, l-eks direttur tal-Corriere della Sera, Ferruccio de Bortoli ddeskriva dan l-aħħar lil Renzi bħala "maledukat b'talent." Renzi qiegħed f 'pożizzjoni li verament jirnexxielu jbiddel il-mod kif titmexxa l-Italja. Madanakollu, m'għandu qatt jinsa li l-kostituzzjoni Taljana hija l-frott tal-esperjenza qarsa tal-faxxiżmu u għaldaqstant, it-tibdil kostituzzjonali m'għandhux jiffjakka l-poter tal- Parlament li jikkontrolla l-operat tal-eżekuttiv. Sfortunatament, Renzi ma jidhirx li qiegħed jagħti wisq widen għal din il-kritika u l-metodu tal-bulldozer tiegħu għad jista' jkun kontroproduttiv. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Is-Sindku tal-Italja JOE ELLIS Il-PM Taljan Matteo Renzi