Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/513063
12 illum | Il-Ħadd 17 ta' Mejju 2015 WARA ġurnata ma' Therese Comodini Cachia, iddeċidejt li nsegwi ġurnata lill-eks Prim Ministru Malti, illum Membru Parlamentari Ewropew Soċjalista, Alfred Sant. Ħassieb, politiku ta' kalibru għoli u fl-istess ħin fl-Ewropa ma jiddejjaq xejn jitkellem dwar dak li oħrajn ġieli jħalluh għaddej. Minħabba f 'hekk ħafna drabi jiġi ttimbrat bħala ewroxettiku, li għalih din il-kelma ma tfisser xejn għajr timbru ta' dawk li ma jieħdux gost meta jiġu kkritikati jew kkontrastati. Fil-fatt meta staqsejtu din il-mistoqsija Sant qalli, "Xi tfisser ewroxettiku? Jien ewro- realista." Iżda dwar dan, u dwar kif jaħsibha fuq suġġetti oħra, nitkbuhom aktar tard f 'din l-intervista - li ma kinitx waħda faċli. Dan minħabba li bħal membri parlamentari oħra, l-ġurnata tiegħu kienet waħda mill-aktar impenjattivi, speċjalment għaliex hu l-kap tad-delegazzjoni tas-Soċjalisti Maltin u fil-ġurnata jkollhom laqgħat tal-bureau tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet. Kont milqugħ mill-assistent tiegħu Daniel Buhagiar, żagħżugħ simpatiku li kien id-dell tiegħi matul id-9 sigħat li qattajt nsegwi lil Alfred Sant. Iltqajt miegħu fid- 9.30am fejn wara li ċċekjawlna d-dokumenti, badges u permessi biex nkun nista' nidħol fil-parlament. Għaddejt mill-magna tas-sigurtà u tlajna fl-14-il sular fejn hemm ġejt milqugħ minn Alfred Sant li mill-ewwel għaddieli l-iskeda tal-ġurnata li kienet twasslu għal diversi laqgħat sat-8pm. Qalli li jiddispjaċih li f 'din il-ġurnata partikolari kien hemm ħafna laqgħat tal-gruppi tas-soċjalisti u anke tal-bureau li kienu magħluqin għal barannin u ġurnalisti u ma stajtx nattendi għalihom. Iżda għaddieli l-aġenda tagħhom. Ftakar li l-aħħar li kellimni kien fuq l-aħbarijiet ta' filgħodu ta' One Tv waqt il-kampanja elettorali tal-MPE. Meta staqsejtu kif sejjer fil-Parlament Ewropew qalli, "tajjeb għax jien persuna li nadatta ruħi kulfejn inkun u għal dak kollu li nsib quddiemi u nieħu gost naħdem hawn." Fraħtlu għall-ittra elettronika li joħroġ kultant żmien dwar dak li jkun qed jiġi diskuss fl-Unjoni Ewropea. Ħa gost li għoġbitni, iżda qalli li għadu mhux kuntent għal kollox b'din l-ittra u jrid jipperfezzjonaha iżjed. Suġġett fuq din l-ittra elettronika kien dwar kif jaħsibha dwar l-immigranti fejn qalli li din hi problema li tista' tiġi biss solvuta billi ma jitħallewx joħorġu mil-Libja. "Inutli ngħidu li pajjiżi oħra għandhom jaċċettawhom għax anke dawn ma jistgħux jassorbuhom kollha." Xi ħaġa li forsi tista' titqies bħala sigriet magħruf fl-inħawi tal-Parlament Ewropew hija li l-immigranti li jiddaħħlu mit-Taljani mhux qed jittiħdilhom l-impronta ta' subajhom. Jingħad li dan qed isir biex dawn jitilqu n-naħa ta' fuq tal-Ewropa u ma jkunux jistgħu jintbagħtu lura l-Italja – minħabba li l-Italja ma tiflaħx tassorbi aktar immigranti. Jgħidu li qed juru ċertu umanità li jiġbruhom u jitilquhom biex imorru fl- Ewropa ta' Fuq. "Hemm miljun jistennew biex jaqsmu mil- Libja" kompla jgħidli Sant, "Ma tagħmilx sens li nistennewhom jirkbu d-dgħajjes, nistennew li jkunu qed jegħrqu biex immorru nsalvawhom. Allura jekk se niġbruhom ma nħalluhomx jirriskjaw, ħajjithom nibgħatu l-vapuri mill-ewwel u nġibuhom fl- Ewropa bil-vapuri. "Hu għalhekk li hemm bżonn ma jitħallewx joħorġu mill-kosta Libjana. M'hemmx skużi li ma tarax fejn huma dawn it-traffikanti u d-dgħajjes tagħhom għax meta riedu jaqbdu lil Gaddafi bis-satellita, kienu jkunu jafu fejn qiegħed u fejn mar u kienu jattakkawh bid-drones. L-istess jistgħu jagħmlu lid-dgħajjes li jkunu se jrikkbu l-immigranti. Dawn mhux imutu biss fl-ibħra qegħdin, iżda anke fid-deżert. Inutli li wieħed jgħid għax jekk ma nħalluhomx jaqsmu dawn joqtluhom jekk imorru lura, għax dan ħadd ma jafu biċ-ċert" kompla jgħid Sant. Qal ukoll li mhux minnu li l-immigranti Afrikani jkunu jifilħu jħallsu għall-vjaġġi għax ikunu sinjuri - "dawn ikun ilhom madwar 3 snin jaħdmu f 'xogħol ta' skjavitù fil-Libja u jfaddlu biżżejjed dinari biex jaqsmu. Is-Sirjani min-naħa l-oħra huma tal-klassi tan-nofs u jridu jaħarbu mill-gwerra ċivili." Mistoqsi jekk ikunx attakk ta' gwerra jekk wieħed jattakka dgħajjes jew kosti ta' pajjiż ieħor, Sant qalli li l-Liġi Internazzjonali tgħid li dan ma tistax tagħmlu jekk l-Istat ikun qed jiffunzjona - "il-Libja mhux Stat li qed jiffunzjona, u għalhekk l-Ewropa ma kellhiex għalfejn tirrikorri għall-Kunsill tan-Ġnus Magħquda li waqqfu kollox minħabba VETO mir- Russja. Hija l-Ewropa li trid tiddeċiedi biex tibgħat vapuri militari li ma jħallux dgħajjes jaqsmu. B'hekk niffrankaw li nħallu lil dawn l-immigranti jkomplu jissograw ħajjithom." Dak il-ħin qam u qalli li se jkollu jmur għall-ewwel laqgħa tal-ġurnata li kienet tal-Grupp tas-Soċjalisti dwar l-politika ekonomika Ewropea - laqgħa li jien ma stajtx nattendi. Sa ma attendejt għal konferenza tas-CPMR (Kumitat tar-Reġjuni u Gżejjer), qattajt siegħa nitkellem mal-assistent Daniel Buhagiar li qagħad ifehmni eżatt dwar dak li jsir fil-kamp soċjalista - fejn jiddiskutu bejniethom is-suġġetti li se jkunu jiddiskutu u l-pożizzjoni li għandhom jieħu bħala grupp. Dan minħabba l-ġimgħa d-dieħla hemm il-plenarja ta' Strasburgu, fejn il-parlament jivvota favur jew kontra diversi liġijiet. Fil-11am bdiet il-konferenza mmexxija mill-Kummissarju Malti, Karmenu Vella, li kienet waħda interesantissi ħafna, dwar kif l-enerġija tal-futur trid tiġi mill-baħar – hekk kif il-baħar ikopri 70% tad- dinja. Karmenu Vella għamel diskors brillanti li ntlaqa' ferm tajjeb mill-ambjentalisti li qalu li f 'Karmenu Vella qed jaraw raġġ ta' dawl fl-Unjoni Ewropea. Alfred Sant kien preżenti għal dan id-diskors flimkien mal-MPE Marlene Mizzi. Din il-konferenza damet sas-1pm, fejn wara li sellimt lil Karmenu Vella ingħaqadt mat-tim ta' Alfred Sant biex immorru nieklu fil-canteen tal-Parlament. Ikolli nammetti li f 'ġimgħatejn sħaħ hawn l-irħas darba li ħallast biex kilt fi Brussell. Alfred Sant ma ngħaqadx magħna hekk kif stqarr li f 'nofsinhar hu ma jiekolx. Jiekol filgħodu u filgħaxija. Wieħed irid jgħid li tant ikun hemm laqgħat u tant ikollhom x'jagħmlu li diffiċli taħseb fl-ikel. Waqt li kont qed niekol, Alfred Sant attenda għal laqgħa oħra din id-darba tal- MUESAC, u eżatt wara laqgħa oħra bil-magħluq dwar il- Politika Finanzjarja tal-Iżvilupp Reġjonali Rurali u s-Sajd. Għal xit-3pm erġajt iltqajt miegħu, fejn tani fuljett interessanti dwar ix-xogħol prekarju kif qed ikun organizzat minn diversi kumpaniji - fejn f 'diversi pajjiżi hemm min jaqbillu jħaddem nies mill-Portugall li jħallsu bolla baxxa f 'pajjiżhom biex il- proprjetarji joħorġu inqas flus u jħallu lin-nies tal-pajjiż bla xogħol. Dan hu l-każ fl-Olanda, għax illum hemm sistema li tista' tħaddem barranin li jħallsu l-bolla tal-pajjiż minfejn ikunu ġejjin. Dan qed iħalli lin-nies tal-post bla xogħol. Malta forsi mhux magħruf jekk hux qed issir, iżda tista' tiġri. Sistema oħra prekarja hi dik tar-Ryanair li l-piloti tagħhom huma meqjusa self- employed billi japplikaw ma' aġenzija Brookfield Aviation li tissuplixxi l-piloti lil Ryanair u l-kumpanija tal-ajruplani tħallas lill-aġenzija, li min- naħa tagħha, tħallas lill-piloti. B'hekk il-kumpanija Ryanair m'għandha l-ebda obbligazzjoni lejn il-piloti tagħha. Dan juri kemm Alfred Sant hu intiż fejn bħalissa qed jiġġieled bis-sħiħ minħabba li l-Kummissjoni Ewropea baqgħet ma tatx data definittiva ta' meta se tagħlaq il-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu fejn 1,700 impjegat, 50 minnhom Maltin, qed jaħdmu f 'periklu kontinwu għal saħħithom minħabba l-preżenza tal- asbestos. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li sal-lum kien hemm erba' każijiet ta' espożizzjoni għall-asbestos, u ġew rikonoxxuti bħala mard professjonali fost impjegati tal-Kummissjoni stazzjonati fil-binja Jean Monnet. Interessanti li waqt li kont hemm ingħatatlu r-risposta tal-Viċi President Georgieva, f 'isem il-Kummissjoni, li qalet li bħal kull bini tas-sebgħinijiet, il-bini fih għadd ta' applikazzjonijiet tal-asbestos. F'Lulju 2014 kien ġie deċiż li l-bini kellu jkun abbandunat u l-Kummissjoni Ewropea talbet biex jiġi identifikat bini alternattiv, li s'issa kważi sena wara, għadu ma nstabx. Skont Georgieva qed isiru l-isforzi kollha possibbli biex jitħaffef dan il-proċess. Iddeċidejt li kif kelli ftit Ġurnata ma' Alfred Sant fi Brussell Ikellimni bejn laqgħa u oħra John Busuttil MINN BRUSSELL Alfred Sant sar MPE wara l-elezzjoni tas-sena l-oħra