Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/513063
Il-Ħadd 17 ta' Mejju 2015 | illum 15 Meta wieħed jitkellem fuq l-ambjent ma jistax ma jsemmix il-kaċċa u staqsejtu jekk kienx sorpriż dwar ir-riżultat tar-referendum. Karmenu qalli li hu baqa' lura għal kollox f 'dan ir-rigward tant li qatt ma lissen kelma dwar il-kaċċa, "iżda r-referendum kien eżerċizzju demokratiku. Kien hemm kampanji u r-riżultat kien dak li riedet il-maġġoranza tal-poplu. L-importanti hu li r-riżultat demokratiku jiġi rispettat." Dwar il-kaċċaturi Vella qalli li t-tradizzjonijiet tal-kaċċa huma madwar l-Unjoni Ewropea kollha. "Il-kaċċaturi u l-organizazzjonijiet tal-kaċċa jiffurmaw parti mis-soċjetà ċivili. Li hu importanti u evidenti ħafna hu li bħal kull stakeholder ieħor, huma jilagħbu rwol pożittiv li jipproteġu l-ambjent." Sadanittant Malta qed tiffaċċja proceduri ta' ksur ta' liġi mill-Unjoni Ewropea dwar l-insib u hawn il- Kummissarju Vella ma ċaħadx dan il-fatt - fejn qalli li proċeduri ta' ksur tal- liġi huma proċess legali, "Ittra ta' avviż formali intbagħtet lil Malta f 'Ottubru li għaddha." Waqafna ftit u wara li xrobna kafè tkellimna ftit dwar żmien iż-Żurrieq u r-Rabat fit-tmeninijiet, dwar ħbieb tiegħu li ħallewna dan l-aħħar bħal l-eks kowċ Pawlu Farrugia li kien kanvasser kbir tiegħu u dwar oħrajn. Irrakuntajna dwar l-era politika ta' Mintoff fejn qalli kemm l-istess Mintoff kien jirispetta lil Gorg Borg Olivier. U erġajna dorna għall-intervista fejn staqsejtu liema settur mill-dekasteru tiegħu l-aktar li jkollu pressjoni fl- Ewropa, "il-Kummissjoni hi kulleġġ. Hemm konsensus fil-Kummissjoni li huma r-riżultati li jgħoddu. Għalhekk hemm aktar attitudni kif nistgħu nikkumplimentaw lil xulxin bħala dekasteri tal-kummissarji bejnietna b'xogħol integru bejnietna. Għax il- politika taħdem l-aħjar meta taħdem flimkien ma' oħrajn u mhux kulħadd għal rasu." Xtaqt inkun naf kif iħarsu lejn Malta l-Kummissarji l-oħra Ewropej, "B'mod mill-aktar pożittiv, iqisuna bħala kultura b'saħħitha Mediterranja, bħala pajjiż b'ekonomija b'saħħitha u bħala Stat Membru li qed jikkontribwixxi ħafna lejn il-proġett Ewropew." Il-mistoqsijiet tiegħi ntemmu hawn, iżda qabel sellimna lil xulxin u ħadna ritratt tal-okkażżjoni tlabtu jgħidli d-differenza bejn li jgħix Brussell u jgħix iż-Żurrieq jew Birżebbuġa, "Inħoss in-nuqqas taż-Żurrieq u liż- Żrieraq u anke Birżebbuġa. Il-fatt li tkun għaddej fit-triq u jgħajtulek, 'ejja ħu wieħed guy', għal xi flixkun birra jew grokk, inħoss in-nuqqas tiegħu wisq. F'Malta tista' tiltaqa' u titkellem fuq dak li trid trid fil-każin. Hawn ħlief fuq xogħol ma tiltaqa' ma' ħadd. Kultant meta niltaqa' ma xi ħadd bħalek ma nixbax nitkellem bil-Malti għax ġieli qas ngħid kelma bil-Malti f 'ġurnata waħda. "M'inhix imdejjaq bħala xogħol - anzi hu xogħol li jagħtini sodisfazzjon kbir. Iżda l-ħajja Maltija speċjalment iż-Żrieraq u l-kostitwenti tiegħi nħoss in-nuqqas tagħhom wisq." Anedottu ħelu li qalli wkoll kien meta flimkien ma' martu mar ifittex l-appartament biex jikrih fejn hu riedu li jkun qrib il-Kummissjoni u dak li kien qed idawwarhom l-appartamenti sabilhom post fejn knisja u l-mara tiegħu Maryann staqsietu jekk il-knisja hix Kattolika. Dan weġibha li ma kienx hemm problema għax għalkemm Kattolika ma kinux jdoqqu qniepen. Iżda Maryanne qaltlu li jistgħu jdoqqu kemm iridu għax li l-appartament jinsab bieb ma' bieb ma' knisja tieħdu żgur għax ma tfallix il-quddiesa. Daħak, filwaqt li beda jgħidli kemm dejjem sabha l-appoġġ tagħha anke jekk fil-politika ftit jew xejn tindaħal. Ma xtaqx jieqaf iżda kien sarlu l-ħin biex jilħaq ajruplan lejn Malta għax kellu xi xogħol f 'pajjiżna u kien għadu jrid jippakkja u għalhekk ftehmna li nerġgħu niltaqgħu. Sellimna lil xulxin u tlaqna għal rieħna. ġdid mal-ambjentalisti Karmenu Vella nħatar Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd