Illum previous editions

illum 17 May 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/513063

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 17 ta' Mejju 2015 ILKUMMISSJONI Ewropea, għada mistennija tibda tħabbar il-pjan ta' kif se tattakka l-organizazzjonijiet kriminali li qegħdin jistgħanew minn fuq il-ħolm ta' eluf ta' Afrikani li jfittxu futur fl-Ewropa. F'dawn il-jiem minn Brussell, għalina ħarġu aħbarijiet sbieħ dwar kif fl-aħħar, l-Unjoni Ewropea bdiet tagħraf li aħna u t-Taljani ma nistgħux nagħmlu din il-ġlieda weħidna. Fiż-żmien relattivament qasir li ilhi nservi lill-pajjiż bħala Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, għamilna passi li sa ftit taż-żmien ilu lanqas konna nistennew li l-Unjoni Ewropea tiddiskutihom, aħseb u ara kemm kienet se taġixxi fuqhom. Illum pajjiżna għandu l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. Din l-amminstrazzjoni għamlet ħafna xogħol biex wasalna sa hawn u llum nista' ngħid li ninsab kuntent. Ma nistax ngħid li jien sodisfatt għax it-triq għadha fil-bidu, iżda kuntent għax l-Unjoni Ewropea llum għarfet li Malta u l-Italja ma jistgħux jerfgħu weħidhom il-piż tal- immigrazzjoni. Flimkien mal-Gvern Taljan għamilna pressjoni kbira fuq l-Unjoni Ewropea. Il- perseveranza li wrejna bdiet tħalli l-frott tagħha għax qatt daqs illum ma kien hemm daqshekk diskussjonijiet dwar is-suġġett fost l-Istati Membri mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea. Irnexxielna ntellgħu l-immigrazzjoni fuq l-aġenda Ewropea u ngħid ukoll dinjija. Illum kulħadd jirrikonoxxi li l-immigrazzjoni hija problema mondjali. Il-figuri huma bla preċedent u għalhekk jeħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun bla preċedent. Imbuttajna kemm flaħna biex aħna u l-ġirien tagħna ma nerfgħux il-piż weħidna. L-Unjoni Ewropea llum fehmet dak li konna qed ngħidu. Illum tatna raġun. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija u għall-Gvern Malti nisimgħu lir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall- Affarijiet Barranin, Federica Mogherini, tħabbar il-pjan tal-Unjoni Ewropea biex tkun indirizzata l-immigrazzjoni llegali fejn l-Istati Membri, għall-ewwel darba, se jkunu obbligati li jerfgħu il-piż skont kemm jifilħu. Sfortunatament kellhom imutu eluf ta' immigranti qabel ma l-Unjoni Ewropea ndunat li l-ħajja tan-niex tiswa' ħafna iktar mill-flus. Għalhekk jeħtieġ li l-operazzjonijiet ta' salvataġġ jibqgħu jingħataw il-fondi meħtieġa biex insalvaw il-ħajja tan-nies li jkunu xebgħu bis-sitwazzjoni kerha ta' pajjiżhom u joħolmu biex isibu l-kwiet, il-paċi u l-prosperità f 'ħajjithom f 'pajjiż Ewropew. Għalhekk Malta se tibqa' tisħaq biex l-operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-Mediterran jingħataw il-fondi meħtieġa għax il-ħajja tan-nies għandha tiġi qabel il-profitti tal-banek. L-Unjoni Ewropea qed tisħaq ukoll li meta l-immigranti jingħataw l-istatus ta' refuġjat, ikunu rilokati fil-pajjiżi kollha. Kulħadd skont kemm jiflaħ. Inħoss li b'hekk tkun qed issir ġustizzja ma' Malta u l-Italja li s'issa dejjem ġarrew weħidhom il-piż tal- immigrazzjoni. Jidher li hemm kunsens wiesa' fost l-Istati Membri għall-pjan imħejji mill- Kummissjoni Ewropea. Madankollu l-Gvern Ingliż jidher li għandu riservi dwar dan il-pjan xprunat mill- iskuntentizza ta' ħafna Ingliżi bl-Unjoni Ewropea tant li fis-snin li ġejjin il-Gvern Ingliż se jagħmel referendum li fih iċ-ċittadini Ingliżi se jagħżlu l-futur tagħhom. Waqt li nsalvaw u ngħinu lil dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna, il-popli Ewropej ma jistgħux jibqgħu ċassi quddiem il-fenominu tal-immigrazzjoni. Għalhekk kien pass għaqli wkoll li l-Kummissjoni Ewropea se tibda tħabbar il-passi li se tieħu biex tindirizza l-għeruq ta' din il-problema – it- traffikanti tan-nies. Persuni bla skrupli li qed jistgħanew mid-dwejjaq ta' ħaddieħor. Organizazzjonijiet kriminali sofistikati li s'issa tħallew joperaw fil-libertà. Dan iż-żmien spiċċa. L-Unjoni Ewropea trid tkun armata biex tiffaċċja lit-traffikanti. Jien inqis li parti integrali tal-pjan imħejji mill- Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni huwa l-fatt li se tittieħed azzjoni kontra t-traffikanti tal-persuni. F'dan ix-xogħol, l-Ewropa trid ukoll il-kooperazzjoni tal-pajjiżi fir-reġjun, partikolarment tal- pajjiżi Afrikani u tal-Libja. Il-fatt li fil-Libja m'hemm gvern stabbli jkompli jagħmel dan ix-xogħol aktar diffiċli. Iżda ma jfissirx li din il- problema għandha twaqqaf lill-Unjoni Ewropea milli tieħu l-passi kollha li jidhrilha li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi biex iżżarma lit-traffikanti tal-persuni. Dan ix-xogħol mistenni jsir aktar iebes għax hija ħaġa naturali li kif l-Unjoni Ewropea tattakka s-sors tad-dħul ewlieni ta' dawn l-organizazzjonijiet kriminali, se jirfinaw l-attività kriminali tagħhom ħalli jagħmluha aktar diffiċli għall-Awtoritajiet Ewropej u Afrikani biex isibu tarfhom. Nemmen li huwa importanti ħafna li mal-pjan Ewropew li tħabbar dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-immigrazzjoni llegali f 'dawn iż-żminijiet, issir diskussjoni dwar x'se jkun qed isir fiż-żmien li ġej. Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tħares 'il quddiem, lil hinn minn dan is-sajf biex tara kif se tibqa' tindirizza l-fenominu tal-immigrazzjoni flimkien ma' dawk il-pajjizi tal-Unjoni Afrikana u li ħafna minnhom huma s-sors tal-problema li l-Ewropa, l-aktar Malta u l-Italja, ilhom iġorru għal ħafna snin. Il-Libja għandha rwol importati ħafna f 'dan il-pjan Ewropew u nittama li fil- ġimgħat li ġejjin l-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi jikkoperaw għax għanhom jifhmu wkoll li qegħdin nittrattaw ma' nies. Nies, li għalkemm il-kulur tal-ġilda huwa differenti, ma jfissirx li m'għandhomx ikunu trattati bħan-nies, Il-ħajja ma tafx b'kuluri. Il-pajjiżi Ewropej għaddew minn sekli twal ta' ġlied u konfrontazzjoni bejniethom, iżda għaddew minn proċess biex illum nistgħu ngħidu li l-Ewropa hija art ta' paċi u prosperita'. Il-pajjiżi Afrikani jeħtieġ li jibdew ix-xogħol biex jgħaddu minn dan il-proċess biex darba għal dejjem jieqfu l-persekuzzjonijiet, l-inkwiet u l-gwerer ċivili li kissru familji u ġenerazzjonijiet sħaħ ta' Afrikani u li huwa għalhekk li jħarsu lejn art li tista' tagħtihom stabbilità u kwiet f 'ħajjithom. Jekk inħarsu 'l quddiem lejn kif għandna nindirizzaw il- problema tal-immigrazzjoni, għandna naħdmu id f 'id ma' dawn il-pajjiżi biex fihom toktor il-properità biex iċ- ċittadini ta' dawn il-pajjiżi jkollhom l-opportunitajiet li jistħoqilhom f 'pajjiżhom stess u ma jkollhomx għalfejn joħolmu bl-Ewropa. Carmelo Abela hu l-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Il-Punt CARMELO ABELA Azzjoni bla preċedent mill-Unjoni Ewropea fuq l-immigrazzjoni "Kellhom imutu eluf ta' immigranti qabel ma l-Unjoni Ewropea ndunat li l-ħajja tan-nies tiswa' ħafna iktar mill-flus"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 17 May 2015