Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/519960
Il-Ħadd 31 ta' Mejju 2015 | illum 17 Prodotti bla bexx u fertilizzati kimiċi VERONICALYNN MIZZI SPISS nisimgħu bi prodotti agrikoli, hekk imsejħa organiċi li għalihom ikun hemm domanda minn bosta nies. Imma x'inhuma eżatt dawn il-prodotti, x'jagħmilhom organiċi? Għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna nies, prodotti organiċi mhumiex sempliċiment prodotti li ma jintużax pestiċidji fuqhom - huma ħafna iktar minn hekk. Dawn il-prattiċi tal- agrikoltura jinkludu livell għoli ta' bijodversità fl-għelieqi tagħhom, il-preżervazzjoni tar-riżorsi naturali u l-użu ta' metodi u proċessi li huma bbażati fuq sustanzi naturali. Id-differenza f 'dawn il-prodotti hi li minflok jintużaw kimiċi sabiex jinqered il-ħaxix ħażin jew l-insetti, jużaw sistema msejħa crop rotation fejn jinbidel il-prodott imħawwel, waqt li jitħawlu l-varjazzjonijiet b'saħħithom mill-ewwel sabiex jiġu evitati problemi u mard iktar 'il quddiem. Skont studji tal-Unjoni Ewropea, 500,000 ettaru ta' art agrikola jiġi kkonvertit fi produzzjoni ta' prodotti agrikoli, fis-sena. Dan minħabba li d-domanda għall-prodotti agrikoli organiċi dejjem qed tiżdied, fejn fl-2011, fl-UE kien hemm tkabbir ta' 9% fit-talba għal dawn il-prodotti. Fil-fatt, sas-sena 2012, 5.4% tal-art agrikola fl-UE kienet art agrikola li tipproduċi prodotti organiċi. Il-bdiewa Maltin ma jirrealizzawx il-potenzjal Dan il-fenomenu qed jidher ukoll f 'pajjiżna fejn id-domanda għal dawn it-tip ta' prodotti, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tikber. Tant huwa minnu, li l-maġġoranza tal-prodotti organiċi li nsibu fis-suq, huma prodotti impurtati li f 'ħafna każi, jiġu biss ippakkettjati fil-pajjiż. Fl-1999, f 'Malta, ġiet imwaqqfa organizazzjoni sabiex tippromwovi dan il-qasam agrikolu f 'Malta u tinforma lill-pubbliku dwar il-benefiċċji li l-prodott organiku jġib miegħu, il-MOAM – Malta Organic Agriculture Movement. Din l-organizazzjoni tgħid li f 'pajjiżna, id-domanda għal dawn il-prodotti qiegħda dejjem tiżdied, biss però, l-bdiewa lokali mhumiex japprofittaw biżżejjed u jilħqu l-potenzjali li toffri l-biedja organika. "Il-proċess organiku jgħin fil-konservazzjoni tal- ambjent għaliex tipproteġi l-bijodiversità u tgħin lill- ħamrija. Sfortunatament, Malta tinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi tal-UE fil-livell ta' użu organiku għall-art, b'0.25%." Il-prodotti organiċi f 'Malta Mary u David Mallia huma familja Mġarrija li għandhom iċ-ċertifikazzjoni ta' biedja organika. Kienu l-ewwel nies li applikaw sabiex jakkwistaw din iċ-ċertifikazzjoni. Mary tgħid li kienet is-saħħa li mbuttathom sabiex jibdew ikabbru dawn it-tip ta' prodotti. "Bdejna nipproduċu prodotti organiċi għaliex nafu li huma ħafna aħjar għal saħħitna kemm biex tikolhom, kif ukoll waqt ix- xogħol, biex tipproduċihom." Xogħol u proċessi speċifiċi Sabiex bidwi jikseb iċ- ċertifikazjoni li tiddikjara li prodott tiegħu huwa organiku, jridu jsiru diversi proċessi u kif spjegat il-familja Mallia, anke wara li tinkiseb iċ- ċertifikazzjoni, jibqgħu jsiru diversi verifiki fuq il-prodott sabiex jiġi żgurat li l-prodott jibqa' wieħed ta' kwalità għolja. Id-differenzi li hemm bejn biedja organika u dik li mhix, huma diversi, u fost l-aktar magħrufa hemm li ma jkunx hemm użu ta' bexx u fertilizzanti kimiċi. Mary kompliet tispjega kif, "fil-biedja organika ma jintużawx bexx u fertilizzanti kimiċi li jagħmlu l-ħsara, għaliex dawn iħallu traċċi ta' kimika fil-prodott li jrid jittiekel, kif ukoll fil-ħamrija u saħansitra anke anke fl-ilma tal-pjan." Sabiex tkun tista' tgħid li inti tipproduċi b'mod organiku, trid bilfors ikollok iċ- ċertifikazzjoni u allura jkollok spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti biex tiċċertifika li inti verament ma tkunx qed tuża kimiċi u li qed timxi skont ir-regolamenti fformulati mill- UE għal dan il-għan. Diffikultajiet biex tinkiseb ċertifikazzjoni Il-proċess li bidwi jkun irid jgħaddi minnu sabiex jikseb iċ-ċertifikazzjoni mhux xi wieħed faċli jew qasir. Kif spjegat Mary mill-esperjenza tagħhom bħala bdiewa sabiex jiġu rikonoxxuti li joperaw biedja organika; tgħid li fil-każ tagħhom dan kien proċess ftit twil u diffiċli. "Aħna konna l-ewwel familja li applikajna biex nieħdu ċ-ċertifikazzjoni tal-biedja organika u konna ħerqanin li nirnexxu però fil- korp taċ-ċertifikazzjoni, dejjem jinbidlu l-impjegati u kull darba li jinbidlu kienu jkunu jridu metodi differenti ta' kif jinżammu n-noti fuq ix-xogħol li nkunu għamilna u problemi tekniċi oħra u minħabba f 'hekk, domna iktar mit- tliet snin li suppost, sakemm irnexxielna naqilbu milli nkunu meqjusa 'Taħt konversjoni għal Biedja Organika' għal 'Biedja Organika'. Hemm diversi stadji u entitajiet li jkun hemm bżonn li jiġu infurmati sabiex issir il-qalba għal biedja organika. "L-ewwel nett, trid tapplika mal-awtorità MCCAA biex dawn jiggwidawk kif ukoll iżommu għajnejhom fuqek biex jaraw li inti qed timxi mar- regolamenti kif suppost." Sabiex issir il-bidla, jrid jgħaddi żmien ta' sentejn fejn jidħlu prodotti veġetali u tliet snin fejn jidħlu siġar fejn il-bidwi jkun għaddej minn stat ta' qlib minn biedja konvenzjonali, għal biedja organika. "F'dan il-perjodu, ma tkunx tista' tgħid li l-prodotti tiegħek huma organiċi." Dan isir biex l-art tissaffa minn kull traċċa ta' kimika li jista' jkun tkun għadha preżenti fil- prodotti jew fil-ħamrija. L-ebda prodott, li jkun prodott, proċessat jew mibjugħ f 'Malta ma jista' jġorr it- tikketta ta' prodott organiku jekk il-produttur ma jkunx ingħata ċ-ċertifikazzjoni u jsegwi r-regoli tal-MCCAA. Kull operatur ikun imbagħad iċċekjat kull sena fejn jittieħdu kampjuni sabiex jiċċertaw li ma jkun hemm l-ebda preżenza ta' kimika u b'hekk il-prodott ikun verament ġenwin. L-irwol u l-għajnuna tal- Gvern Dwar dan il-qasam agrikolu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal- Annimali Roderick Galdes qal li filwaqt li jirrikonoxxi li f 'Malta huwa diffiċli li wieħed jaħdem b'mod organiku minħabba diversi raġuni, id-domanda għall-prodotti organiċi dejjem qed tikber għax il-konsumatur qed isir aktar konxju ta' x'qed jiekol. "F'Malta hawn numru żgħir ħafna ta' nies ċertifikati li jaħdmu b'dan il-mod; minħabba l-limitazzjonijiet ta' spazju u l-mod fragmentat ta' kif titħaddem l-art, hu diffiċli li wieħed jippreveni kontaminazzjoni minn għelieqi oħra fil-viċin. Konsegwentament dan il-potenzjal qawwi ta' kontaminazzjoni tagħmila diffiċli li xi għelieqi jirċievu ċ-ċertifikazzjoni meħtieġa. Fl-agrikultura lokali hawn diversi stejjer ta' suċċess, u l-ingredjent tas-suċċess ta' wħud minn dawn il-bdiewa organiċi hu li jaħdmu man- natura u mhux kontriha. Iltqajt ma' bdiewa organiċi li ma jużawx pestiċidji u minflokom jużaw alternattivi naturali. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, dan il-fattur qed isir dejjem aktar importanti fl-għażliet li jagħmlu l-konsumaturi." Hemm l-intenzjoni li l-għajnuna tal-Gvern f 'dan il-qasam tkompli tikber ħalli ġġib ukoll tkabbir f 'dan il- qasam ukoll. "Fl-RDP li jmiss qed jiġi propost li l-għajnuna għal bdiewa organiċi tiżdied u għaldaqstant jien inħeġġeġ aktar bdiewa biex jaraw il- possibiltajiet li jibdew ikabbru l-prodotti tagħhom b'mod organiku, anke biex jindirizzaw id-domanda li hawn fis-suq." Id-domanda għall-prodott organiku Dwar id-domanda għall- prodotti organiċi u t-tip ta' prodotti l-aktar mitluba, Mary Mallia qalet li "hawn domanda għal kull tip ta' frott u ħaxix skont l-istaġun. Fix-xitwa ifittxu aktar il-ħaxix tal-borma, u fis- sajf ifittxu aktar ħxejjex għall- insalati. Il-frott dejjem skont l-istaġun tiegħu u għalkemm dan iż-żmien jiġu importati prodotti s-sena kollha, dawn ma tantx tista' tikkomparahom mat-tjubija ta' prodotti mkabbrin fil-ħamrija lokali u taħt ix-xemx Maltija." Id-domanda għall-prodotti organiċi tinbidel skont l-istaġun - ħaxix tal-borma fix-xitwa u ħxejjex għall-insalati fis-sajf Il-Biedja Organika