Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/523872
16 illum | Il-Ħadd 07 ta' Ġunju 2015 FILĦAJJA spiss insibu ruħna nistaqsu dwar x'inhu s-sewwa jew x'għandi nagħmel biex nagħmel għażliet tajbin. Qatt ma nafu biżżejjed. Għalhekk ngħixu f 'tensjoni bir-riskju li niżbaljaw. Wieħed jawgura li l-iżbalji tagħna jkunu in bona fide għax ma nkunux nafu aħjar. Imma nhar Għid il- Ħamsin, li fi kliem San Ġwann Kriżostmu hija r-Regina festivitatum, Ġesù jgħid kelma rassiguranti lill-Appostli, li bħalna kienu mikulin bl-inċertezzi dwar x'inhi l-verità. Huwa jwegħedhom li jibgħatilhom l-Ispirtu tal-Verità. Dan iqawwina fit-tama speċjalment f 'dawk iċ-ċirkustanzi meta nħossuna fid-dlam għax ma nafux x'ser naqbdu ngħidu jew x'soluzzjoni pastorali għandna noffru, partikularment quddiem realtajiet ġodda li qed inħabbtu wiċċna magħhom, partikularment fil-kuntest familjari u soċjali. Ma naqtgħux qalbna għax Ġesù tana garanzija li ser jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu biex iwassalna għall-verità – dik il-verità li forsi sal-lum ma konniex nifilħu nisimgħuha. Fil- fatt, Ġesù jgħid: "Baqagħli ħafna ħwejjeġ x'ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom… Meta jiġi l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha." Dan ifisser li fil- proċess tal-għarfien tas- sewwa, hemm dak li jissejjaħ "il-prinċipju tal-gradwalità", fis-sens li l-verità niskopruha biċċa biċċa. Donnu fil- Knisja hawn min jitħawwad quddiem dan il-prinċipju – donnu hemm min jinstaram meta nirrikonoxxu li l-verità nagħrfuha bil-mod il-mod u skont kemm nifilħu nagħmluha tagħna! Fi kliem Ġesù, l-Ispirtu li jibgħat fuqna l-Missier għandu żewġ ħidmiet: "Jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom" (Ġw 14:26). Dawn l-għajnuniet neħtiġuhom it-tnejn. Għandna bżonn li l-Ispirtu s-Santu "ifakkarna" x'qalilna Kristu. Dan ifisser li rridu nibqgħu nixtarru l-Kelma Rivelata fis-safa tagħha u għalhekk imnaddfa minn dak kollu li jtappan it-tifsira awtentika tagħha. Barra mill-kontemplazzjoni tal- Iskrittura, għandna nħallu lill-Ispirtu s-Santu jfakkarna x'emmnet u għallmet il- Knisja matul iż-żminijiet. Neħtieġu ftit aktar sabar u ħila biex infanndu fit- "tradizzjoni", partikolarment fit-tagħlim tal-Missirijiet tal- Knisja, li hija "it-trasmissjoni ħajja mwettqa mill-Ispirtu s-Santu" (KKK 78). Huwa tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li l-Knisja ma tiksibx iċ- ċertezza tagħha dwar kulma ġie rivelat mill-Iskrittura biss imma wkoll mit-Tradizzjoni; għalhekk għandna nilqgħu bl-istess sentimenti ta' qima kemm l-Iskrittura u kemm it-Tradizzjoni. Mal-medda tas-snin, il- Knisja kisbet għarfien dejjem imġedded tal-verità. Forsi llum, peress li tajna wisq importanza lir-raġuni kif ukoll lill-aspett istituzzjonali u ġuridiku, jista' jkun li dik il-verità tgħattiet jekk mhux ukoll intilfet. Matul is-Sinodu li sar f 'Ottubru li għadda dwar iż-żwieġ u l-familja, jien kont għidt li għandna bżonn niskandaljaw dak li għallmu l-Missirijiet tal-Knisja għax l-Ispirtu s-Santu jrid ukoll ifakkarna kif it-tradizzjoni (il-komunità ekkleżjali) fehmet u għexet lil Ġesù. Imma l-Ispirtu s-Santu jkompli "jgħallem" il-verità. Prova ta' dan għandna s-sehem li taw il-Konċilji matul l-istorja tal-Knisja. Il-Konċilju huwa mument partikolari fejn l-Isqfijiet flimkien mal-Papa bl- għajnuna tal-Ispirtu s-Santu komplew japprofondixxu l-għarfien tal-verità u jiddefenixxu din l-istess verità. Kienu ħafna l-Konċilji li bit-tagħlim tagħhom għall-bidu bħal ġabu ċerta inċertezza fil-Knisja. Huwa komuni li effett tal-Konċilju kien hemm min ħass xi "theżżiż" – imma dawn ma kinux skussaturi biex iwaqqgħu daqskemm biex jgħinu ħalli l-affarijiet jiġu f 'posthom. Huwa fatt li hemm min jitfixkel minħabba l-approfondiment tal- Vanġelu! Jalla l-Ispirtu ta' Alla jibqa' jaħdem fina llum u minħabba l-biża' ma jfettlilniex li nagħżlu t-triq il-ħafifa li niggranfaw maċ-ċertezzi li għandna u noqtlu kull imbuttatura biex ikun hemm dan l-approfondiment. Jekk nagħmlu hekk, inkunu nxekklu l-Ispirtu ta' Alla. Illum inħolqu sitwazzjonijiet ġodda…il-bniedem għandu ħtiġijiet ġodda u ma jistax ikun li Alla huwa "rieqed" u assenti minn din ir-realtà. Ma jistax ikun li Alla m'għandux kelma x'jafda lill-Knisja biex tkun tista' tfarraġ u ssaħħaħ lill-bniedem tal-lum. Irid ikollna aktar fiduċja fl- Ispirtu s-Santu. Din it-tfittxija ma jagħmluhiex biss l-isqfijiet u s-saċerdoti, imma l-poplu kollu ta' Alla. It-teoloġija ma ssirx biss fuq l-iskrivanija tat-teologu jew fl-awla tal- università; imma t-teoloġija tissawwar u tnibbet ukoll fi ħdan il-poplu ta' Alla. Il- poplu ta' Alla huwa partner ta' Alla fid-dinja. Komunità ekkleżjali sinċiera, miftuħa għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u f 'għaqda mar- ragħajja spiritwali tagħha, hija locus theologicus fejn Alla jikkomunika lilu nnifsu fl-istorja. Fil-komunità ekkleżjali hija dak l-ispazju fejn in-Nisrani jġarrab l-esperjenza tal-enerġija divina preżenti fl-istorja. Alla jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuq kulħadd u jkellem lill-Knisja permezz ta' kulħadd, anki permezz ta' qagħdiet ġodda. Il-Papa San Girgor il-Kbir kien jgħid li "l-aħħar wieħed fost l-Insara jista' jinterpreta l-Iskrittura daqsi" u li "l-Iskrittura tikber ma' min jaqraha." Imma Alla jagħtina l-għodda biex inkunu nistgħu nwettqu dan id-dixxerniment – biex naqbdu x'qed jgħid l-Ispirtu lill-Knisja. Fil-fatt permezz tal-profeta Eżekjel, Alla jgħidilna: "Nagħtikom qalb ġdida…inneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam u nqiegħed ruħi fikom" (36:26). Interessanti li Alla ma jagħtiniex "moħħ ġdid", imma qalb tal-laħam…qalb li tħobb, tħoss u miżerikordjuża. Forsi fl-aħħar sekli aħna aktar tlabna lill-Ispirtu s-Santu jdawwal lil moħħna! Huwa minnu li għandna bżonn id-don tal-intelliġenza biex nifhmu l-verità u nagħtuha formula biex tiftiehem; imma aktar minn moħħ imdawwal, neħtieġu qalb sħuna għax ħafna drabi, kif jgħid Pascal, il-qalb għandha r-raġuni li r-raġuni mhux dejjem kapaċi tagħraf (Pensieri 277). Dak li f 'Eżekjel Alla jgħid għall-bniedem, nixtiequ jsir mal-Knisja. Forsi m'aħniex neqsin minn imħuħ imdawlin, imma qatt ma nistgħu ngħidu li għandna biżżejjed qlub jaqbdu bl-imħabba li jqabbad fihom l-Ispirtu s-Santu. Neħtieġu qlub li jħabbtu b'taħbita qawwija għal Alla u daqstant ieħor għall- bnedmin, speċjalment għal dawk li jinsabu mgħaddsa sa rashom f 'xi saram. Qegħdin ngħixu fi żminijiet sbieħ. Ma għandniex għax naqtgħu qalbna. Għandna l-wegħda li għamlilna Ġesù li l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna biex ikompli "iħabbrilna l-ġejjieni" fis-sens li jgħinna nifhmu xi jrid Alla fis-sitwazzjonijiet li ma kinux jeżistu qabel! Imma biex jirnexxielna nagħmlu dan, neħtieġu qalb ġdida – qalb li tħabbat għall- bniedem bit-taħbita tal-qalb ta' Kristu. L-E.T. Mons Mario Grech huwa l-Isqof ta' Għawdex ILPUNT MARIO GRECH QALB ĠDIDA GĦALL-KNISJA L-Isqfijiet flimkien mal-Papa bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu japprofondixxu l-għarfien tal-verità