Illum previous editions

illum 7 june 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/523872

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 07 ta' Ġunju 2015 | illum 17 LI ma kinitx tal-biki, tidħak taqraha din il-mistoqsija fit-titlu. Ftit ġranet ilu biss korrispondent f 'ġurnal lokali bl-Ingliż staqsini ċinikament jekk kontx nifraħ kieku flok il-George Cross fuq il-bandiera kellna npoġġu l-Fleur de Lys - mank il- kukkarda rivoluzzjonarja! Sitwazzjoni ftit miskina ninsabu fiha f 'dil-gżira fejn il-mentalità kolonjali tant daħlet f 'għadamna li mqar ħwejjeġ bħall- patrijottiżmu, nazzjonaliżmu, kburija, memorja, identità m'għandniex il-ħila naqilgħuhom mil-livell tal-pika tal-futbol jew tal- festi fir-raħal. Suġġeriment bla loġika bħal dan mhux biss juri nuqqas ta' għarfien totali ta' kunċetti sublimi u essenzjali għal kull ċittadin, talli jħallik b'ħalqek miftuħ thewden minn fejn tista' tibda l-edukazzjoni ta' poplu li xi drabi jidher jixtieq jibqa' ikkundannat għal għomru ferħan b'dak li qatt ma kellu. Nammetti li fost dawn il-ħmerijiet li naqra u nisma' jeżistu wkoll għadd sabiħ ta' kummenti pożittivi li jagħrfu l-għan tiegħi u ta' nies bħali li nfittxu s-sens ta' kburija tan- nazzjon tagħna qabel kull ħaġa oħra. Imma tibqa' battalja għat- telgħa. Sfortunatament għad hawn individwi li donnhom ma jafux jitqanqlu minn dibattitu nazzjonali meħtieġ u b'saħħtu li qed iseħħ f 'diversi eks kolonji, li għalkemm m'għandhomx storja antika ta' ċivilità bħalna, xorta fetħu għajnejhom bla pretensjoni u qed iħossu li l-imgħoddi, ma tistax tħassru u trid tagħrfu - iżda m'għandekx tibqa' ilsir tiegħu għal għomrok. Post-imperjali Dan l-aħħar segwejt dibattitu sabiħ fil-Barbados fejn l-awtoritajiet ċivili qed jaħsbu biex il-Monarkija Brittanika ma tibqax kap tal-istat - dan wara 400 sena. F'New Zealand se jsir eferendum is-sena d-dieħla biex ineħħu l-Union Jack minn fuq il-bandiera meta r-Reġina għadha kap tal-istat tagħhom. F'Ottubru Fiji diġà ddeċidew li jkollhom bandiera bla ħsus kolonjali. Dawn issibhom jattiraw opinjonijiet esperti ta' storiċi, anki Ingliżi stess b'mod matur u bilanċjat. Imma ninsew ftit il-bandiera per se, li wara kollox għandha tirrapreżentana lkoll, u nitkellmu fuq kolonjaliżmu ta' nazzjonijiet post-imperjali bħalna. Nerġa' lura għad-domanda fit-titlu. Qabel xejn din qed tirrifletti t-tliet kulturi li ħallewlna timbru qawwi fostna – Taljana, Franċiża, Ingliża – xi ħaġa pożittiva toħroġ dejjem. Xi drabi nipprova nifhem: meta niltaqa' ma' xi ħadd u per eżempju nsemmi li sejjer Pariġi – ħaġa li nagħmel b'regolarità għar-riċerka u għall-ossiġnu kulturali– l-ewwel ma jgħiduli hu biex inġib lura x-xabla ċerimonjali ta' La Valette. Jien nitbissem. Mhux għax mhux ħaġa sabiħa kieku dan kien possibli. Iżda wieħed tajjeb jiftakar li pajjiżna m'għandu ebda dritt legali fuqha għax din eżattament ma nsterqitx minn Bonaparti. Kien hemm ftehim legali iffirmat fit-12 ta' Ġunju ta' 217-il sena ilu mill-Ordni u minn erba' Maltin imlaħħqin bix-xhieda tal-ambaxxatur Spanjol. San sar biex dak li kien tal-Ordni għadda għand ir- Repubblika Franċiża ġaladarba Malta kienet qed issir bħal 'territorju kollettiv', parti minn Franza. Forsi bħala tqabbil ta' min jiftakar li ħaddieħor ħa minn hawn ħwejjeġ daqstant importanti bla ebda ftehim u qatt ma rritornahom. Ħaġa tal- għaġeb, iżda qatt ma naqraw xi talba biex l-Ingliżi per eżempju jtuna lura il-kanun dekorattiv ta' Ximenes; anzi ftit snin ilu lanqas riedu jisilfuhulna biss biex narawh u nerġgħu ntuhulhom lura, meta ma ddejqux jisilfuh lil mużew f 'Ruma. Ix-xabla awtentika ta' La Valette Imma ejjew ninsew ftit dan l-argument u nħarsu lejn ix-xabla awtentika li biha ġġieled La Valette. Din qegħda fil-mużew simpatiku li jinsab fil-parroċċa tal-Birgu u kull meta nżurha l-għadd ta' turisti li jiffirmaw il-ktieb tal-viżitaturi hu ferm akbar minn tal-Maltin li jridu x-xabla tal-Louvre. Fi żmien kolonjali forzi konservattivi u priviliġġati f 'Malta flimkien mal-mexxejja tal-gvern kolonjali kienu jippreferu jiddemonizzaw lill-Franċiżi ħalli l-Maltin jibqgħu jħarsu lejn il-forzi Brittaniċi bħala dawk li salvawna mill-irjieħ tal-libertà u d-demokrazija, kif kienu jifhmuhom dak iż-żmien, u mill-'flaġell' tas-sekularizazzjoni li fl-Ewropa tant tħabatna biex niksbuh. Influwenzi bħal dawn idumu biex imutu. Imma ma naqtax qalbi – dan l-aħħar innutajt li ċerti forzi tradizzjonali ta' poter fuq imħuħ il-poplu fostna qed imajnaw. Fir-referendum tad-divorzju r-riżulat jindika li l-maġġoranza għażlu ċivilment u dis-sena f 'tal-kaċċa, għalkemm bi sbrixx, għażlu jinjoraw forzi qawwija ta' media konkordata bl-Ingliż li sabet il-ġlieda kienet għat-telgħa wisq. Mhux ngħid li hekk sar l-aħjar - qed ninterpreta żewġ mossi li juru li s-soċjetà Maltija qed tagħmel fattiha b'anqas biża' jew kontroll tal-imħuħ, ukoll jekk dan il-ħasil ikun ġej minn forzi li fl-imgħoddi kienu influwenti ħafna. Għalhekk dibattitu. Sfida lill-istorja Dan l-aħħar kelli x-xorti nattendi fl-Università ċerimonja funebri tal-istoriku eminenti Godfrey Wettinger. Jibqa' magħruf għall-mod kif bih sfida narrattivi tradizzjonali b'mod xjentifiku u qajjem dibattiti sani. Ħadt gost ninnota akkademiċi u ħbieb ifaħħru dan l-element tiegħu. Qatt mhu faċli tinterpreta ġrajja jew episodju ta' pajjiż b'fatti ġodda, jekk ukoll mhux kuntrarji, għal dak li kien jemmen kulħadd. Niftakar l-aħħar li kellimtu l-Università lil Wettinger, modestament ngħid kien feraħ bija li ħriġt ir-riċerka fuq żmien il-Franċiżi u l-identità. Ili nafu mis-snin Sittin meta għal sentejn kien jgħallimna l-istorja l-liċeo – fit-tielet sena konna nagħmlu ġrajjet il-monarkija Ingliża u s-sena ta' wara, mal- Indipendenza bdilna l-ktieb għall-istorja Ewropea. L-aħħar li ltqajna qalli "għallimt u qanqalt ħafna studenti għall-istorja ta' pajjiżna. Xi wħud isegwu b'mod tradizzjonali u jaċċettaw jaħdmu f 'qafas stabbilit, oħrajn, forsi ftit joħorġu ribelli." Kellu bżonn li dawk kollha li faħħru din il-linja mqarba tal-interpretazzjoni tal-istorja jibqgħu jagħrfu jseddqu bil-fatti dak li ammiraw f 'Wettinger waqt l-aħħar tislima. Is-Sette Giugno mistur Ma nistax nikkontribwixxi f 'dal-ġurnal bil-Malti fil-jum tal-lum mingħajr ma nitkellem, għal darb'oħra d-dispjaċir tiegħi, kif fl-2009 il-Monument tal- Vittmi tal-1919 kellu jinsatar b'mod daqshekk miskin fil- ġonna ta' Hastings. Dan meta monumenti oħra barranin igawdu l-ammirazzjoni kollha fiċ-ċentru tal-Belt. Tal-mistħija tibqa' tara r-Reġina Vittorja f 'Misraħ Repubblika meta ħutna Maltin li sfaw vittmi ta' kolonjaliżmu beżgħan u panikuż jibqgħu moħbija wara li l-mewt tagħhom żgur swiet biex seħħ għarfien rappreżentattiv f 'Malta fl-1921. Ġieli nisma' min jgħidli li kieku kellna noqogħdu nbiddlu l-monumenti minn posthom nispiċċaw bil-musical chairs. Allura nistaqsi kif ċaqlaqnih tas- Sette Giugno? Kif se nċaqilqu sensiela ta' Prim Ministri għal fuq Kastilja? L-Ingliżi kif ċaqilqu lil Vilhena biex daħħlu 'l Vittorja? U kif Vilhena ċeda postu bix-xieraq quddiem il- Mall? Kif waqqajna bieb ta' belt Barokka u dfinna lill-fundatur tagħha wara l-fdalijiet ta' taħlita ta' stili differenti fit-Teatru Rjal? Kif għażilna flok statwa tal-ġustizzja bħal bosta qrati fid- dinja npoġġu – bir-rispett kollu – statwa ta' politiku u avukat? L-avukat Danton għandu monument Pariġi b'tifkira tar-Rivoluzzjoni, imma mhux quddiem il-qorti. Għandna diversi monumenti xierqa fil- Belt u madwarha – Dun Karm u Dante fil-Furjana jidhru sew ; għaliex martri Maltin li mietu fl- 1919 qed nistħu nuruhom meta mbagħad għandna l-Barrakka ta' Fuq qisha ċimiterju tal- militar kolonjali b'xi wħud anqas kienu jafu bina? Patrijottiżmu Ċert li l-awtoritajiet kulturali il-ħin kollu jaħsbu biex jaraw kif l-aħjar isebbħu l-Belt Kapitali Maltija imma importanti wkoll li l-ispazju pubbliku jirrappreżentana lkoll. Il- patrijottiżmu romantiku forsi m'għadux daqstant moda iżda milli jidher għadu jirrifletti xewqet iċ-ċittadini. Wara kollox l-akbar żewġ slogans ta' suċċess fl-istorja politika riċenti ta' Malta li baqgħu jidwu f 'widnejna t-tnejn kienu patrijottiċi : "Malta tagħna lkoll" ġabet maġġoranza rekord filwaqt li "Malta l-ewwel u qabel kollox" kisbet bixra storika marbuta mal-Indipendenza. Żewġ sejħiet li sabu widnejn fertili. Bl-istess mod għandna nħarsu lejn l-ispazju pubbliku Malti li għandu jgħinna nsibu l-identità tagħna bla sens ta' inferjorità jew lagħqiżmu. Charles Xuereb huwa ġurnalist u storiċista KIF NAĦSIBHA CHARLES XUEREB Ma che c'entra l-George Cross mal-Fleur de Lys?! Ix-xabla awtentika u l-kappell ta' La Valette fil- mużew il-Birgu li ftit Maltin iżuru

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 june 2015