Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/534051
18 illum | Il-Ħadd 28 ta' Ġunju 2015 D iġà kelli okkażjoni nikteb, f 'dawn il- paġni stess, li fost l-ewwel nies li wrew preokkupazzjoni serja b'dak li qiegħed jiġri lil din l-art ħelwa, kienu l-kittieba. L-awturi huma dawk l-uħud li fis-sistema kulturali u politika tagħna jagħmlu mal-grupp ta' taħt nett għax teżisti din il-konvinzjoni li dawn ma jiswew għal xejn. Meta ngħidu li ma jiswew għal xejn inkunu qegħdin nifhmu li, meta niġu biex nagħlqu l-kotba niskopru li x-xogħol tagħhom, materjalment, ma rrenda xejn. U allura nagħlqu l-kotba (din id-darba mhux metaforikament) u npoġġuhom f 'ġenb. Mhuwiex l-għan tiegħi li nagħmel eloġju lill-kittieba. Wara kollox jafu huma stess bil-qagħda tagħhom u persważ li m'għandhom bżonn ebda konferma tagħha. Jafu li ma jfissru xejn, jew ftit li xejn. Lanqas ma jien nerġa' ntella' argument li ormaj ressaqtu diġà biex forsi noħroġ xi far mit- toqba, anki għaliex illum il-ġurnata l-firien m'għadhomx jgħammru fit-toqob. Imma nixtieq nirreferi għal poeżija ta' Marija Grech Ganado, "Gaea", li fiha l-art tagħmel appell imqanqal lill- bniedem biex ma jkomplix ikisser il-futur tiegħu u tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jabitawha. L-istess appell ikompli billi jsejjaħ lill-bniedem biex ifittex is- soluzzjoni għall-problemi li ħalaq fl-art stess: biex jibni relazzjoni mal-art li fih, minflok il-konfront li jissawwar permezz ta' prattika fatali fil-forma ta' poter u dominanza, tinbidel fi sħubija, fi fratellanza mal-istess art. Dak li ħafna – gzuz – ta' ambjentalisti qegħdin jgħidu jista' jinstab diġà f 'numru kbir ta' kitbiet li aktarx ftit kienu dawk li ħadu bis-serjetà. Dan l-istess diżappunt jinforma l-ispirtu tal- enċiklika riċenti tal-Papa Franġisku, Laudato Si'. Dan id-dokument, fl-appell imqanqal tiegħu biex il-bniedem jiġi f 'sensih, iressaq għadd kbir ta' referenzi għal dokumenti reliġjużi u politiċi li, mid- dehra, ma ngħataw ebda widen, jew ma ttiħdux bis-serjetà li jistħoqqilhom. Fl-introduzzjoni għad- dokument tiegħu Franġisku jagħmilha ċara li hemm numru ta' preċedenti għall-enċiklika tiegħu, b'referenzi għal enċikliċi tal- predeċċessuri tiegħu li kienu diġà ressqu punti dwar l-esperjenza qarsa li qiegħda ġġarrab din l-art ħelwa. Inevitabbilment Franġisku jmur lura lejn San Franġisk, il-qaddis tal-faqar u tal-art, bħala sors ta' ispirazzjoni mhux biss Nisranija iżda ambjentalista fis-sens kontemporanju tal-kelma. Franġisku jisħaq fuq punt ieħor: id-diskors dwar l-ambjent iġorr miegħu wkoll diskors dwar il-faqar u l-poter, dwar l-iżvantaġġ u l-affluwenza. Laudato Si' mhuwiex dokument romantiku li jitbekka l-orrur ambjentali li nxħetna fih, iżda kredu politiku li ma jiddejjaq xejn jipponta s-saba' fejn għandu jiġu ppuntat. Bażikament dak li din l-enċiklika qiegħda titlob huwa qalba ta' taħt fuq fil-mod kif il-bniedem tal- lum jgħix ħajtu. Franġisku qiegħed jidwi l-fehma ta' diversi ambjenalisti li jeħtieġ l-konsumeriżmu jiġi sostitwit b'sens ta' sagrifiċċju solidali mal-bqija tal- komunità, ideoloġija 'ġdida' li trażżan l-individwaliżmu u ssejjaħ, minflok, għal sforzi aktar komunitarji. Huwa f 'dan l-istess spirtu li ħafna qegħdin jopponu l-bini fuq art iddikjarata bħala żona fejn m'għandux isir żvilupp. L-argument li l-iżvilupp se jġib il- flus, anki jekk huwa veru (jekk), jixhed fehma li ġġib il-gwadann qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Anzi, biex nippreċiża, hija fehma li ġġib il- gwadann temporanju qabel l-investiment fil-futur; tħares biss lejn l-interessi immedjati mingħajr ma tikkonfondi fuq l-interessi ta' dawk li għad iridu jiġu. Imma f 'dan il-pajjiż, fejn kull qasam tal-ħajja jrid bilfors ikollu l-watermark tal-partiti politiċi, il- kwistjonijiet ambjentali joħolqu isteriżmu partiġġjan fost dawk li jkunu aktar għaqlin jekk jaħbsu ftit b'moħħhom u jikkunsidraw lil ulied uliedhom aktar milli lilhom infushom. U sakemm iż-żewġ fortizzi se jkomplu jgħollu s-swar tagħhom u jagħmluhom aktar sammi, m'aħna se naslu qatt nirraġunaw dwar il-punt sagrosant li l-art hija sagra aktar minn kull ħaġa oħra, speċjalment f 'pajjiż li n-natura ċaħħditu minn riżorsi importanti u li għandu storja twila ta' deċiżjonijiet żbaljati u banali fejn jidħol l-użu tal- art skarsa tiegħu. Imma mhux kollox kollox huwa daqstant mgħarraq. U mhux dejjem dejjem il-kittieba huma mwarrba. Din il-ġimgħa mort nisma' u nara dak li ssejjaħ il-Kunċert tal- Qaddisin, organizzat minn Kelma Kelma bis-sehem ta' mużiċisti, kittieba, kantanti u atturi, li jġegħlek tiftakar li f 'Malta m'hawnx biss id-diżastri ambjentali. L-esperjenza kienet waħda li tista' tinġabar f 'kelma waħda, qasira imma kbira: gost. Kienet lejla ta' gost bil-ħoss mużikali, bil-ħoss tal-kelma, bis-satira imma wkoll bl-emozzjoni; gost bil-passat u n-nostalġija, gost bl-artistrija u l-professjonaliżmu. U gost b'dak li huwa tiegħek, oriġinarjament tiegħek. Mit- tifel ta' disa' snin bilqiegħda maġenbi sas-sinjura ta' xi sebgħin tidħaq u ċċapċap fuq il-ġenb l-ieħor, stajt inħoss kemm il-Kunċert tal-Qaddisin – ippermettuli dan il-klixe' Malti – kien il-Kunċert Tagħna Lkoll, ta' kull min mar biex jieħu gost. Kien hemm diżappunt wieħed biss f 'dik il-lejla: li mitluf fil-gost b'dak li kien għaddej, meta dak li jkun ħaseb li wasal il-ħin għal intervall qasir, attwalment kien sar il-ħin biex imur id- dar. U proprju f 'dak il-waqt, huwa u ħiereġ mit-teatru, irrealizza li waqt il-kunċert sħiħ ma sab ebda skuża biex iħares lejn il-ċellulari. DIN L-ART ĦELWA IMMANUEL MIFSUD Laudato Si' mhux dokument romantiku iżda kredu politiku