Illum previous editions

illum 5 july 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/537303

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 05 ta' Lulju 2015 G ħadu kemm tħabbar proġett mill-Onorevoli Roderick Galdes biex insalvaw ħuta indiġena għall-ibħra Maltin: il- Bużaqq. Hija inizjattiva tajba u ta' min ifaħħarha. Tajjeb li nieħdu inizjattivi bħal dawn meta naraw xi speċi fil-periklu tal-estinzjoni. Mhux fil-kamp ambjentali biss irridu nieħdu inizjattivi bħal dawn. Dan għandu jsir anke fil-kamp soċjali u anke dak politiku. Hemm ċertu valuri li bl-aktar mod ċar qegħdin fil-periklu li jintilfu. Fost dawn hemm dak li nħarsu lejn dak li jiġri madwarna fil-kamp uman. Wieħed minn dawn il-valuri huwa dak li jirrispetta d-dinijtà tal- bniedem u sens ta' komprensjoni. Din il-ġimgħa kien hemm żewġ inċidenti li juru li dawn il-valuri qed ikunu mnaqqrin. It-tnejn kienu mmarkati, wieħed b'ċapċip u l-ieħor b'daħk u żufjett esaġerat li ma bagħatx messaġġ xejn sabiħ lill-poplu Malti minn min għandu jkun il-mudell ta' eżempju għall-poplu kollu Malti. L-ewwel inċident kien dak li nqala' barra l-Belt, meta persuna ta' kulur prova jgħallimna kif għandna nġibu rwieħna meta jkun hemm kju ta' nies. Dan ir-raġel, li b'sorpriża kbira għal ħafna li jaħsbu li kull min hu iswed mhux Ewropew, huwa Ungeriż iżda ta' kulur. Għax prova jgħidilna kif għandna nkunu ċivili, l-ewwel spiċċa qala' daqqa ta' ħarta u wara beżqa fuq wiċċu. Meta l-istorbju kiber, ġie mitfugħ wiċċu 'l isfel mal-art mill-Pulizija u immanettjat. Xena li normalment naraw bħalha f 'xi arrest ta' persuna ta' kulur mill-Pulizija Amerikani f 'xi stat fejn għad hemm il-mibgħeda razzjali. Il-mod kif ġie trattat dejjaqni ħafna, iżda l-aktar li laqatni kien parti mir- rakkont ta' dan ir-raġel ta' kif ġraw l-affarijiet. Dan ir-raġel jirrakkonta, li l-aktar li weġġgħu ma kienx l-uġigħ fiżiku, iżda l-umiljazzjoni li għadda minnha. L-aktar li weġġgħu ma kinux il-manetti, iżda dak li ġara meta tefgħuh mal-art. Ħassha wisq, li minn nies kollha preżenti mhux biss ma kien hemm ebda Ċirinew, talli l-folla nfaqgħet f 'ċapċip meta ratu mal-art! Li folla ċċapċap għal xena bħal dik li hija xi ħaġa li tinkwetani ħafna. Anke li kieku dan ir-raġel kellu tort, iċ-ċapċip żgur ma kienx imur maċ-ċirkostanza. Dan mhux il-poplu Malti li naf jiena. Dan mhux il-Malti li dejjem għen kull fejn seta' lil dawk li jinsabu fil-faqar u deprivazzjoni. Il-Maltin huma magħrufa għal kemm jagħtu flus biex fost oħrajn jgħinu li dawk li jinsabu fl-Afrika. Il-Maltin huma magħrufin li dejjem taw wens li dawk li ħarbu minn żoni ta' gwerer u faqar u biż-żmien anke integrawhom, bħal m'huma dawk li ġew mill-Bangladesh u anke Palestinjani. Ma naħsibx li kien ikun raġel abjad u kien jiġri l-istess. Dan l-inċident jindika biċ-ċar li hemm xi ħaġa fostna li qiegħda tinbidel u ċertament mhux għall-aħjar. Jiena konvint li ħafna nħasdu meta saru jafu li dan huwa Ungeriż u mhux Afrikan u li kien fostna għal btala mal-familja tiegħu. Iżda l-kulur... il-kulur huwa kollox. Għalija, il-Pulizija ġabu rwieħhom kif ridithom il-folla u l-folla meta titlef fir-raġuni hija arma perikoluża ħafna. Inċident ieħor li dejjaqni ta' veru, huwa dak li kien involut fih il-Ministru Joe Mizzi, li bħali m'għandux kwalitajiet sartorjali partikulari jew dress code Dolce e Gabbana. Jiena dejjem ngħid li "Cucculum non facit monacum" jew aħjar, iċ-ċoqqa waħedha ma tagħmilx patri. Is-sustanza kollox u mhux x'tilbes, għalkemm huwa wkoll veru li l-għajn l-ewwel ma tiekol. Iżda f 'dan l-inċident ħareġ ċar li anke fil-Parlament, mhux dejjem jingħata l-aħjar eżempju. Mhux qiegħed ngħid għal Joe Mizzi, iżda għar-reazzjoni esaġerata ta' daħk u għors li smajna fuq TV hekk kif Joe Mizzi, f 'vot li kien hemm bżonn il-preżenza tiegħu, daħal fil-Parlament bi flokk minflok b'ilbies aktar rispettabbli. Dawn ħwejjeġ li ġraw drabi oħra. Biżżejjed ngħid li kien hemm anke minn inġieb fuq stretcher biex ivvota meta jkun hemm division. Niftakar Deputat partikolari Nazzjonalista jidħol il-Parlament bi flokk u b'diżprezz libes żarbun tal-ġiri u biex jagħmilha evidenti saħansitra tella' saqajh fuq il-bank tal- Parlament. Dakinhar ħadd ma daħak, anzi qalu li fiċ-ċirkostanzi għamel sewwa. F'din l-okkażjoni, kulħadd kien jaf li s-seduta qiegħda televised. Id-daħk u għagħa li qam, kien fil-fehma mhux wisq frott l-affezzjoni li ħafna għandhom lejn Joe Mizzi. Ħafna minn dawk li għamlu dan il-kjass kienu qegħdin jilagħbu għall-gallerija u biex dak il-mument jinqabad mill-istampa ħajja bi skop ċar li jipprovaw iwaqqgħu għar-ridikolu lil dan il-Ministru. Minn meta s-seduti bdew jingħataw fuq it-TV, ir-rendiment tal-Membri Parlamentari tagħna, l-aktar fosthom dawk tal-Oppożizzjoni, iddeterjora b'mod viżibbli. Parti għaliex hemm min qiegħed jiġuh dawk il-ħmistax-il minuta ta' glorja, għax altrimenti ftit għandu ċans jitkessaħ u jidher sabiħ mal-kostitwenti tiegħu għaliex ftit jew xejn ikollu opportunitajiet biex jidher u parti magħmula minn tfixkil kontinwu ta' diskussjonijiet sereni biex dak li jkun jieħu l-ogħla vantaġġ għal skopijiet partiġġjani. Iżda din ta' Joe Mizzi kienet aktar minn hekk. Meta lmaħt lill-Perit Ċensu Galea, li kien qiegħed jippresjedi, flok prova jġib l-ordni fil-Kamra, deher viżibilment qed ikompli ma' dawk li bdew jidħku, ħassejtni qiegħed nitlef kull tama fil-Parlament. Ngħid il-verità ħasadni għaliex ma nafux hekk. Jiena konvintissimu li kieku dak il-ħin kien hemm Anġlu Farrugia, l-affari kienet tkun mod ieħor. Fil-fatt mal- ewwel okkażjoni li kellu ta' spjega ta' dak li kien ġara. Joe Mizzi kellu jitlaq mill-isptar fejn kien ħdejn membru tal-familja, mingħajr ma kellu ċ-ċans li jmur ibiddel. Ħaġa waħda hemm tajba, li kuntrarjament għal oħrajn li dejjem lebsin pupilla iżda li rari jattendu għas- seduti jew qegħdin hemm biex isaħħnu s-siġġu, Joe mar kif kien u biex jaqdi dmiru. Meta kien whip, kulħadd jaf b'liema serjetà kien jagħmel xogħlu. Minn meta s-seduti fil-Parlament bdew jintwerew fuq it-TV, sirna qisna qegħdin insegwu s-sensiela ta' "The Kardashians". Naqas ċar ir-rispett lejn il- valuri li din l-istituzzjoni tirrappreżenta. Kemm ili nsegwi l-Parlament, qatt ma rajt degrad fil-komportament ta' ċertu deputati, bil-mod kif jagħmlu l-interventi tagħhom u jirreferu għal xulxin. Il-mod kif l-Oppożizzjoni intenzjonalment tipprovoka dan id-degrad huwa mingħajr ebda preċedent. Is-sitwazzjoni qiegħda tikber b'mod spirali u wisq nibża' li n-nies fuq barra se jġibu rwieħhom bl-istess mod. Darba qrajt li dawn ir-"real TV shows" ta' familji, grupp ta' nies u ċelebritajiet li jippermettu li jkunu proġettati fil-media daqslikieku ma hemmx kameras tat-TV, qiegħed ikollhom effett negattiv fuq is- soċjetà. Dawn isiru idoli ta' kif għandek iġġib ruħek ħażin. Hemm valuri li jinsabu fit-triq tal- estinzjoni. Għad hemm ċans li nsalvaw, dejjem jekk nagħmlu bħal programm ta' Roderick Galdes biex isalva lill-Bużaqq. Ejjew insalvaw il-Bużaqq TONI ABELA "Għax prova jgħidilna kif għandna nkunu ċivili, l-ewwel spiċċa qala' daqqa ta' ħarta u wara beżqa fuq wiċċu"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 july 2015