Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/537303
Il-Ħadd 05 ta' Lulju 2015 | illum 17 F id-29 ta' Mejju 1453, l-Ottomani wettqu l-assalt finali fuq Kostantipoli, il-belt kapitali tal-imperu Biżantin. Kif il-Ġannizzari u t-truppi Ottomani rnexxielhom jidħlu mill-ħitan tal-belt, skont il-leġġenda, l-aħħar imperatur Biżantin, Kostantinu XI Palaiologos tela' fuq iż-żiemel u mar jattakka lit-Torok. Ħadd ma jaf eżatt x'ġara minnu. Skont il-leġġenda, Kostantinu għandu jerġa' jitfaċċa sabiex jirbaħ l-artijiet mitlufa mill-infidili. Għaddew kważi sitt sekli u d-dittatur Grieg Ioannis Metaxas kien qed jipprova jżomm lill-Greċja newtrali waqt it-tieni kunflitt dinji. Fit-28 t'Ottubru 1940, il-mibgħut ta' Mussolini talab illi l-Italja tokkupa postijiet strateġiċi fil-Greċja. Ir-risposta ta' Metaxas kienet ċara: Oxi ("Oħi" - Le). L-Italja dlonk invadiet il-Greċja imma laqtet taptipa nobis bir- riżultat illi l-Griegi invadew l-Albanija illi kienet għadha kemm saret kolonja Taljana. Il-Ġermanja, illi ma kinitx avżata minn qabel bl-intenzjonijiet Taljani, kellha tipposponi l-invażjoni Russa u tmur tgħin lit-Taljani kontra l-Griegi. Il-Ġermaniżi tilfu tnax-il ġimgħa sabiex jibdew Operazzjoni Barbarossa, żmien li swielha ferm qares meta bdiet ix-xitwa Russa bir-Russja għarkupptejha. L-Oxi grieg kellu anke effett importanti fuq pajjiżna: meta l-parakadutisti Tedeski invadew Kreta illi kienet ġiet okkupata mill-Ingliżi, ħafna Ġermanizi mietu jew weġġgħu minħabba l-ħitan tas-sejjiegħ. Minħabba f 'hekk, Hitler ma riedx li jiġri l-istess f 'Malta meta Mussolini u Kesselring rieduh jinvadi lil Malta. U qatt ma ordna l-invażjoni ta' Malta. Illum il-Ġreċja wkoll sejra tintalab tagħżel bejn in-Nai (Iva) u l-Oxi. U l-għażla illi ser jagħmel il-poplu Grieg ser tħalli impatt fuq il-futur tal-poplu Grieg xejn anqas minn l-Oxi ta' Metaxas 75 sena ilu. Verament għalkemm hemm min jgħid illi kull poplu jkollu l-gvern illi jixraqlu, il-poplu Grieg jixraqlu aħjar. Ma kien hemm ħtieġa tal-ebda referendum u wieħed jaqbel mal-Economist meta ddeskrivieh bħala assurd. Mhux talli huwa assurd talli huwa totalment bla sens u tefa' l-Ġreċja f 'xifer il-preċipizju, jekk mhux lil hinn minn hekk ukoll. F'mument meta n-negozjati bejn il- kredituri u l-Greċja kienu prattikament waslu f 'punt ta' konverġenza tant illi skont il-president tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker kienu qed jargumentaw fuq l-aħħar €60 miljun, il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras ordna lin-negozjaturi tiegħu jitilqu l-mejda tan-negozjati. Ftit sigħat wara, ħabbar illi kien ser isejjaħ referendum jekk il-Greċja għandhiex taċċetta l-aħħar proposti tal-kredituri jew le. Aktar assurd minn hekk, Tsipras ħabbar illi l-gvern Grieg kien ser jikkampanja għal Oxi, għal le. U għalhekk forsi għandu raġun Juncker meta jgħid illi Tsipras ma riedx ftehim għal raġunijiet ideoloġiċi. Il-pożizzjoni ta' Tsipras m'għandha l-ebda loġika. Fl-ewwel lok, kif qal il-Ministru tal-Finanzi tagħna Edward Scicluna, jekk il-gvern Grieg ħass illi ma kellux mandat sabiex jaċċetta l-kundizzjonijiet il-ġodda tal-kredituri għall-estensjoni tat-tieni bail-out sabiex jiġu żburżjati l-aħħar €7.2 biljun illi kellha tieħu l-Greċja, dan kellu jsir ferm qabel l-iskadenza tal-aħħar ta' Ġunju. Bħall-Ministri tal-Finanzi l-oħra tal- ewrożona, Scicluna jidher illi għejja sew bl-atteġjament arroganti tal-Ministru tal- Finanzi Grieg Yanis Varoufakis illi jħobb jagħtihom lectures fil-makroekonomija. Varoufakis probabilment sejjer jinżel fl-istorja bħala wieħed mill-akkademiċi illi l-aktar kellhom karriera politika diżastruża. Fit-tieni lok, jekk verament il-gvern Grieg kien sinċier dwar il-ħtieġa illi jikkonsulta l-poplu, messu ħa atteġġjament totalment differenti. Messu nnegozja l-aħjar kundizzjonijiet possibbli, imbagħad iddikjara illi ma jħossx li kellu mandat elettorali biex jaċċettahom u għalhekk, kien kostrett jikkonsulta l-poplu u jħallilu f 'idejh l-aħħar kelma. Hekk, kien jadotta pożizzjoni perfettament rispettabbli f 'soċjetà demokratika. Imma ili tipproponi vot popolari u tant kemm tinsisti li dan il-vot m'għandux jgħaddi, illi Varoufakis stess ħabbar illi jekk jittrijonfa l-Iva, in-Nai, jirriżenja, verament ma jagħmilx sens. Kif stqarr kummentatur fil-Guardian din il- ġimgħa, dan il-vot huwa l-werqa tat-tina sabiex jaħbi l-falliment ta' Tsipras u l-partit tiegħu, Syriza. Il-gvern Grieg qed jgħid illi jekk ma jgħaddix il-vot popolari, ser tissaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati illi ser ikollu mal-kredituri. Dan hu ħolm bħalma kien ħolm il-ħafna daqq ta' trombi tal-gvern Grieg illi l-ftehim kien fil-but u d-dikjarazzjoni ta' Varoufakis tal-bieraħ illi għada ser jintlaħaq ftehim. Il-pajjiżi tal-ewrożona mill- ewwel iddikjaraw illi l-aħħar proposta tagħhom m'għadhiex fuq il-mejda. Imma l-agħar kien għadu ġej. Il-Ħadd stess, il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar illi ma kienx ser jgħolli l-limitu tal- Għajnuna ta' Emerġenza ta' Likwidità illi preżentament qiegħed fil-livell ta' €89 biljun, limitu illi l-B.Ċ.E. kellu jgħolli gradwalment minħabba l-emoraġija gradwali ta' depożiti mill-banek Griegi. Bħala riżultat ta' din in-nofs mossa ta' Draghi (għax seta' rtira l-GĦ.E.L. għal kollox), il-Griegi mill-ewwel ħadu dehxa kerha. Il-Bank Ċentrali Grieg kellu bilfors jimponi kontrolli fuq il-kapital minkejja illi l-gvern ma riedx (kien hemm xnigħat illi l-gvernatur hedded ir- riżenja tiegħu jekk ma tgħaddix tiegħu) u tħabbar illi l-banek kienu ser jibqgħu magħluqin sa wara r-referendum. Il-Griegi tħallew jirtiraw €60 kuljum u min bħal pensjonanti ma kellux card biex jirtira l-flus mill-ATM, bata sew. Rajna xeni tal-mistħija b'pensjonanti jħossuhom ħass ħażin u jibku waqt illi kienu qed jistennew f 'xemx qliel illi jirtiraw € 120 għax daqshekk jistgħu jirtiraw f 'ġimgħa. Intant, Tsipras, Varoufakis u kumpanija baqgħu jikkummidjaw u juru kemm kienu daħlu fi sqaq. Ma nafx jekk Tsipras ħassux bħal Kostantinu XI meta mar jattakka s-suldati Torok illi kienu ppenetraw il-ħitan ta' Kostantinopoli, imma s-sejħa għal referendum kienet tassew mossa ddisprata u kontro- produċenti. Deher ċar illi Tsipras kien qed juża l-karta tar-referendum biex ixejjirha f 'wiċċ il-pajjiżi l-oħra tal- ewrożona u l-istituzzjonijiet. F'mument minnhom, Varoufakis anke ssuġġerixxa illi l-gvern Grieg jirtira r-referendum jekk jingħata kundizzjonijiet aħjar imma jidher daqshekk ieħor ċar illi ħadd m'għadu jafdah lill-gvern Grieg. L-offerta ta' Varoufakis ma ntlaqgħetx. Nhar l-Erbgħa ftit sigħat qabel ma skada t-tieni bail-out u ironikament, it-terminu għall-ħlas ta' €1.55 biljun illi l-Greċja kellha tħallas lill-Fond Monetarju Internazzjonali, Tsipras bagħat ittra ta' rikonċiljazzjoni lil Juncker fejn prattikament laqa' l-proposti kollha illi kienu fuq il-mejda l-Ġimgħa ta' qabel. Ftit sigħat wara, mar fuq it-televiżjoni Griega biex jiddenunzja dawn l-istess kundizzjonijiet u jħeġġeġ lill-poplu jivvota Oxi. Dan l-atteġġjament skizofreniku, qisu Dr Jekyll u Mr Hyde, immina irremedjabilment il-fiduċja tant meħtieġa da parti tal-kredituri fil-gvern Grieg. Tsipras ipprova jerġa' jiftaħ in-negozjati u talab estensjoni tat-tieni bail-out bi ftit jiem imma Merkel u l-Ministru tal-Finanzi tagħha ma damux ma kesħuh u ddikjaraw illi ma jistax ikun hemm negozjati sakemm ma jgħaddix ir-referendum. U probabilment dawn in-negozjati ma jinfetħux jekk tgħaddi l-Oxi. Mill-banda l-oħra, jekk jgħaddi n-Nai, l-Iva, il-pożizzjoni ta' Tsipras tkun fatalment kompromessa. Tsipras lagħab karta illi mingħalih sejra tpoġġi lill-Ewropej mal-ħajt imma minflok kien hu illi daħal ġo sqaq. Meta t-tmintax-il Ministru l-ieħor tal-finanzi tal-ewrożona għal darba darbtejn ċaħdu t-talba tal-Greċja għall-estensjoni tat-tieni programm ta' bail-out, ħareġ ċar kemm it-tattiċi Griegi eżasperaw lill-kumplament tal-Ewropa, anke liċ- Ċiprijotti illi magħhom il-Griegi jaqsmu l-lingwa, ir-reliġjon u tant mill-istorja. Verament wieħed ma jarax kif Tsipras ser joħroġ minn dan l-isqaq għax jekk ma jgħaddix ir-referendum, il-qagħda finanzjarja tal-Greċja ser tiddeterjora ulterjorment u jekk jgħaddi, il-prospetti ta' għajnuna Ewropea u tal-F.M.I. ser jonqsu. Diġà bdew jiskarsaw il-mediċini u l-ikel, speċjalment fil-gżejjer u l-banek għad għandhom likwidità ta' €1 biljun biss illi huma appena biżżejjed sa nhar it-Tnejn. Hekk kif il-morsa bdiet tagħfas m'għonq il-Griegi, jidher illi l-appoġġ tal-Oxi beda jmajna favur il-Nai. U jekk jispiċċaw il-flus mill-ATMs tal-banek, l-Oxi Grieg jiffjakka aktar. Għax dan mhux xi Oxi lil xi dittatur jew lil xi armata infidila imma għall- programm ta' għajnuna finanzjarja illi verament huwa ferm u ferm iebes imma illi huwa marbut ma' programm ta' ristrutturar ekonomiku illi l-Greċja teħtieġu fi kwalunkwe każ. Fl-ittra li bagħat nhar l-Erbgħa lil Juncker, fost il-miżuri illi Tsipras aċċetta kien il-liberalizzazzjoni tas-settur tal- gyms! Ekonomija midjuna f 'livelli stratosferiċi ma għandha bżonn l-ebda xprunar sabiex tirriforma ruħha u tilliberalizza imma dawn is-snin kollha, il-Griegi, u speċjalment issa bil-gvern ta' Syriza il-ħin kollu jkaxkru saqajhom u jużaw il-miżuri ta' liberalizzazzjoni biex jippruvaw jinnegozjaw kundizzjonijiet aħjar mal-kredituri tagħhom. L-isfortuna hi illi kif qal Evangelos Venizelos, illi sa ftit ilu kien il-kap tal- partit soċjalista PASOK, il-Griegi kienu wettqu 90% tal-Kalvarju tagħhom u kienu bdew jaraw il-frott tas-sagrifiċċji tagħhom. L-ekonomija kienet bdiet tikber fil-ħarifa illi għadda u l-impjiegi bdw jiżdiedu. Inċident kostituzzjonali (in-nuqqas ta' ħatra ta' president) ipprovoka elezzjoni illi Syriza rebħu bil-kbir għax ikkonvinċew lill-elettorat illi kienu kapaċi jżommu lil Greċja fl-ewrożona mingħajr l-awsterità illi l-bail-outs ġabu magħhom. Din kienet ħrafa kbira illi l-Greċja ser tpatti qares għaliha. Għalkemm m'hemmx dubju illi l-bail-outs kienu ħorox iżżejjed fuq il-Greċja, l-atteġjament erratiku u ftit korrett ta' Syriza elimina s-simpatija illi ħafna kellhom lejn il-Greċja meta Syriza ħadu l-poter. M'hemmx dubju illi f 'xi ħin jew ieħor, id-dejn pubbliku Grieg irid jinħafer b'mod drastiku imma dan mhux ser isir b'Tsipras fil-kmand. Meta sejjaħ ir-referendum, Tsipras għamel għażla drammatika illi bħal dik ta' Kostantinu XI Paleologos fl-1453 ser tkun inutli. Ser jibqa' mfakkar bħala leġġenda fl-istorja imma mhux ser ikun is-salvatur tal-patrija. Il-Greċja teħtieġ urġentement mexxejja serji illi joħorġuha miċ-ċpar illi l-kummiedji ta' Syriza daħluha fiha. Segwi l-aħħar żviluppi mill-Greċja u pajjiżi oħra fuq il-profil Facebook tiegħi jew Twitter @ellisjoseph. Is-suċċessur ta' Kostantinu XI Palailogos JOE ELLIS