Illum previous editions

illum 12 July 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/540319

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Lulju 2015 | illum 15 F il-ġimgħat li għaddew rajna moviment kontinwu fit- taħdidiet bejn il-Gvern Grieg, Tsipras u t-Trojka (l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Fond Monetarju Ewropej). Dawn it-taħdidiet ripetutament fallew. Il- Gvern Grieg ma setax jaċċetta l-kundizzjonijiet li t-Trojka riedet timponi fuq il-poplu Grieg u Tsipras ħa l-iktar għażla għaqlija u demokratika - dik li jħalli f 'idejn il-poplu jiddeċiedi l-futur tiegħu. Il-poplu Grieg kien imsejjaħ biex jagħżel IVA jew LE; iva jekk riedu jaċċettaw il-pakkett ta' awsterità ħarxa ppjanat mit- Trojka jew inkella jivvutaw le, kemm-il darba riedu jagħtu appoġġ lill-Gvern tagħhom sabiex ikompli jaħdem għal kundizzjonijiet iktar umani, soċjali u ġusti. Matul il-ġimgħa ta' kampanja għar-referendum rajna bumbardament ta' biżà mill-UE u mill-midja internazzjonali fuq il- Griegi; bumbardament kontinwu biex jivvutaw favur l-Iva. Qalulhom li jekk jirbaħ il-Le, il-Greċja se jkollha toħroġ mill-UE u mill-ewro. Il-gvern Grieg saħaq fuq il-fatt li l-gvern tiegħu bl-ebda mod ma ried joħroġ mill-UE, imma ried sempliċiment ikun is-sors ta' bidla; bidla fil-prinċipji neo-liberali li qed tipprova timponi l-UE illum. Il-Ħadd 5 ta' Lulju se jibqa' mfakkar bħala mument storiku għall-poplu Grieg, għall-Ewropa u għal dawk kollha li jħaddnu prinċipji xellugin. Mument storiku għax, minkejjja l-biżà u t-theddid, 61% tal-poplu Grieg ivvota LE. Hemm bosta raġunijiet għaliex il-poplu Grieg għamel din l-għażla. Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-poplu Grieg ilu jsofri għal bosta snin minħabba l-miżuri ta' awsterità imposti fuqu. Il-flus li t-troika ssellfet mill-2010 'l hawn ingħataw b'kundizzjonijiet li ċekknu l-ekonomija Griega, tefgħu għexieren ta' eluf ta' persuni fil-faqar u drastikament żiedu l-qgħad. It-troika ġiegħlet ukoll lill-gvern Grieg jiprivatizza servizzi bażiċi bħall-ilma u d-dawl, kif ukoll is-servizz tal-posta, servizzi tal-ajruport, banek nazzjonali, servizzi tat- telekomunikazzjoni, servizzi tal-portijiet u bosta oħrajn. Iżda kien ċar mill-bidu li l-Greċja qatt ma kienet se tkun f 'pożizzjoni li tagħti lura l-flus imsellfa. Is-self ta' flus kienet sempliċiment mossa politika sabiex jiġu imposti fuq il-Greċja miżuri ekonomiċi bbażati fuq ideoloġija neo-liberali. Raġuni oħra għaliex il-poplu Grieg ivvota LE kien il-fatt li l-maġġoranza assoluta tal-flus li ġew mislufa lilhom marru biex jiġu salvati l-banek Franċiżi u dawk Ġermaniżi, u 2% biss tal-flus waslu għand il-poplu. Il-gvern xellugi ta' Tsipras kien fi djalogu kontinwu sabiex isib ftehim mal-kredituri li jwassal għat-tielet self, però l-kredituri ma ridux jaċċettaw il-miżuri li Tsipras ried jagħmel. Pereżempju, it-Trojka ma riditx taċċetta li Tsipras iżid it-taxxi fuq is- sinjuri, iżda minflok riedet li Tsipras idaħħal taxxa fuq l-ikel, servizzi tat-turiżmu (li minnu l-Greċja tagħmel ħafna qliegħ) iktar taxxi fuq il-gżejjer tagħha u tneħħija tad-drittijiet tal-ħaddiema. Forsi l-iktar miżura li turi biċ-ċar il-ħruxija tal-miżuri imposti mit-Troika hija dik li jinqatgħu l-pensjonijiet b'terz. Dan meta ħafna anzjani Griegi diġà huma fqar jew f 'xifer il-faqar, u ħafna qegħdin ukoll jużaw il-pensjonijiet tagħhom sabiex jgħinu lill-familji tat-tfal tagħhom li spiċċaw bla xogħol. Il-61% LE, kien ifisser li l-poplu qal LE għal dawn il-miżuri slavaġ min-naħa tat-Trojka u ta' appoġġ dirett lejn il-gvern xellugi ta' Tsipras. Fil-jiem li għaddew ikkonfermajna l-fatt li l-kredituri riedu jkissru kemm lill-poplu Grieg, u speċjalment lil Gvern xellugi, meta għamluha ċara li ma ridux ikomplu t-taħdidiet mal- ministru tal-ekonomija Yanis Vaurufakis minħabba t-twemmin politiku tiegħu. Vaurufakis irriżenja biex ma jfixkilx it-taħdidiet. Qabel ir-referendum rajna eluf ta' nies madwar l-Ewropa joħorġu fit-toroq sabiex juru solidarjetà mal-poplu Grieg, biex iħeġġuhom jivvutaw LE u ma jaqgħux għat-theddid kontinwu minn dawk li qegħdin fil-poter. Il- mod kif ħafna gvernijiet Ewropej, fosthom Malta, u l-istituzzjonijiet finanzjarji mxew mal-Greċja huwa tal-mistħija u inkwetanti. Forsi qatt daqs din id-darba ma ħarġet l-attitudni anti- demokratika ta' bullying fuq min ma jridx jimxi mad-dogma neoliberali li tgħakkes iktar lill-ħaddiem u lil min hu batut. Ir-rebħa tal-LE fir- referendum tfisser rebħa għad-demokrazija. Xbajna naraw gvernijiet li jaċċettaw kull ma jgħidu l-istituzzjonijiet finanzjarji u poteri kbar oħra mhux eletti, mingħajr ma jagħtu poter lin-nies jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom. Ir-rebħ tar-referendum ifisser li t-Trojka trid tbiddel il-mod ta' kif qed iġġib ruħha. Huwa messaġġ ċar li l-Griegi jridu Unjoni Ewropea demokratika li tħaddan il-ġustizzja soċjali u mhux Unjoni Ewropea ta' privileġġi assurdi mmexxija mill-interessi l-kbar ta' gruppi li jridu jagħmlu nazzjonijiet sħaħ skjavi tagħhom. Nemmen li għall-Unjoni Ewropea r-riżultat tar- referendum kien xokk kbir, iżda huwa wkoll opportunità. L-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa' tinjora l-fatt li mhux biss il-Greċja, imma anka pajjiżi oħra bħall-Irlanda, il- Portugall, l-Italja u Spanja qed ibatu minn kriżijiet ekonomiċi u li l-mediċina neo-liberali ser tkompli biss tgħarraq is-sitwazzjoni. Huwa ċar li hemm bżonn bidla fis-sistema ekonomika, hemm bżonn li l-ewwel jiġu n-nies u mhux il-profitti tal-banek u tal-kapitalisti. Hemm bżonn urġenti li tinbidel din is-sistema fejn il-1% tal-popolazzjoni għandha poter u flus daqs id-99% tan-nies. Carmen Caruana hija membru tal-Moviment Graffitti info@movimentgraffitti.org KIF NAĦSIBHA CARMEN CARUANA L-għajta soda tal-poplu Grieg u l-futur tal-Unjoni Ewropea Il-Ħadd 5 ta' Lulju se jibqa' mfakkar bħala mument storiku għall-poplu Grieg u għall-Ewropa u għal dawk li jħaddnu prinċipji xellugin Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-poplu Grieg ilu jsofri għal bosta snin minħabba l-miżuri ta' awsterità

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 July 2015