Illum previous editions

illum 12 July 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/540319

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 12 ta' Lulju 2015 S a fl-aħħar nistgħu nieħdu nifs. Il-Pralament Grieg approva l-pakkett ta' awsterità li proponiet l-Unjoni Ewropea. Jiena ma kelli ebda dubju li xi ħin jew ieħor jaslu. Kien ovvju li Alexis Tsipras kien qiegħed jilgħab logħba poker politiku mal-imsieħba Ewropej bit-tama li jirnexxilu pakkett aħjar. Jekk irnexxilux naraw meta jibda jitwettaq dan il-pakkett. Il-proposti dejjem nirreferu għalihom bħal miżuri ta' awsterità. Għaliex f 'dawn il-proposti hemm żieda fit-taxxi, tnaqqis fl-infieq, fosthom fl-edukazzjoni u saħħa. Riċetta li x'aktarx ser twassal biex il-marid jibqa' għaddej itabbab għal ħafna snin li ġejjin, jekk ukoll ma jmutx fuq il-mejda tal-operazzjoni, jekk ma noqogħdux attenti b'sebgħa għajnejn. Hemm żewġ skejjel ta' ħsieb. Hemm dawk bħal Ġermaniżi li jaħsbu li kulħadd jaħseb bħalhom. Mhux biss il-liġijiet kollha huma l-istess u f 'qies wieħed għal kulħadd, iżda jemmnu li fl-Unjoni Ewropea anke l-ħsieb huwa l-istess għal kulħadd bl-istess mod. Il-Ġermanja, il-mutur tal-Unjoni Ewropea, temmen ħafna li kulħadd huwa ndaqs, iżda li hi hija ndaqs aktar minn ħaddieħor. Jaqbel lilha, li jkun hemm l-awsterità ekonomika fil-Greċja għaliex wara kollox hi l-aktar li għandha x'titlef bil-banek Ġermaniżi l-aktar li għandhom x'jitilfu jekk Greċja taqa' lura fil-ħlas tad-djun li għandha. Wieħed mill-aktar ekonomisti importanti tal-mument huwa Paul Krugmann, li tajjeb jew ħażin, ħdejn il-liberalissimu falz li jaħkem l-Ewropa, għad fadal fih tama xellugija. M'għadux dak ix- xellug taż-żonqor, iżda moderat u bbilanċjat. Paul jikkritika bil-qawwa kollha l-ħsieb ekonomiku Ewropew, influwenzat kif inhu mid-dikatat fin tal-Ġermanja. Jiddeskrivih bħala kura medjevali. Għalih, dak li trid minn Greċja l-Unjoni Ewropea jixbah ħafna kif il-barbiera li fil- medjuevu kienu jagħmluha ta' tobba wkoll. Dak kien żmien meta kienu jemmnu li jekk issaffi lill-pazjent mid-demm qadim, il-mard kollu kien joħroġ mill-ġisem. Li kien jiġri hu, li l-pazjent kien imutilhom żvinat fuq tavlun tal-injam! M'għandniex xi ngħidu ma kinux iweħħlu fil-metodu iżda fil-pazjent... ma felaħx għall- operazzjoni! L-awsterità ekonomika għandha minn din it-tip ta' kura medjevali. Jiena mhux xi ekonomista iżda l-istint jgħidli li ma ndumux ma nerġgħu nisimgħu bi kriżi oħra Griega u diskussjonijiet oħra b'sigħat twal mal-lejl sakemm kulħadd isebbaħ mingħajr irqad u riżultat konkret. Jiena nemmen li l-Greċja se tidħol fi spirali li ser tkarkar għal snin twal. Is-suċċess tal-pakkett ma jiddependix mill-politiċi Griegi u Ewropej, iżda mis-sabar tal-poplu Grieg. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-poplu Grieg li ser ikun qiegħed iħallas u mhux il-politiċi li għamlu l-iżball. Naħseb li l-ewwel effett li se jkollu dan il-pakkett b'effett immedjat, huwa t-telf tal-aqwa riżors uman li għandha l-Greċja. Ngħid għalija, li kieku jiena żagħżugħ Grieg b'talenti speċjali, żgur li nipprova nsib opportunitajiet barra mill-Greċja. L-eżodu tal-imħuħ ser ikun l-ewwel effett tal-pakkett ta' awsterità. In- nuqqas ta' nies b'ħila ser ikompli jtawwal it-triq tal-fejqan ekonomiku għal dan il-pajjiż. Għalhekk fil- pakkett kellu jkun hemm talinqas, għajnuna u inċentivi biex dan ir- riżors ma jintilifx. Il-Griegi ser ikunu l-ewwel emigranti ekonomiċi ta' membru fl-Unjoni Ewropea. It-tieni wieħed huwa dak soċjali. Terz tal-poplu Grieg diġà waqa' fil- ħawt tal-faqar. Sas-sena d-dieħla dan żgur ser jiżdied. Aktar pensjonanti ser ineħħu ħajjithom b'idejhom. Aktar familji ser jitkissru minħabba l-pressjoni finanzjarja li ser ikollhom bi dħul imnaqqar b'taxxi ġodda. Aktar possibbiltà qagħad. Aktar deprivazzjoni għal dawk li ser ikollhom iħallsu għal kura tas-saħħa u ngħid jiena anke għall- edukazzjoni. Kumulu ta' effetti, li ser itawwal il-martirju ekonomiku ta' dan il-poplu. Mhux qiegħed ngħid li l-Griegi m'għandhomx tort. Meta kienu qegħdin ipappuha tajjeb huma kienu. Iżda fattur importanti huwa dak li l-poplu qatt m'għandu tort sa barra. Jekk l-anqas l-aqwa pampaluni li suppost kellhom jissorveljaw l-ekonomija Griega ma ntebħu x'qiegħed jiġri fil-Greċja. Jekk l-anqas it-troika tal-ekonomija dinjija jgħidu li ma ndunawx, kif qatt nistgħu nippretendu li ċ-ċittadin Grieg kien jaf x'inhi l-verità finanzjarja Griega! Iċ-ċittadini dejjem jemmnu lill-Gvern tagħhom għaliex jippretendu li min qiegħed jiggvernahom qiegħed jgħid il-verità kollha. Liema hu dak iċ-ċittadin li jirċievi benefiċċju u jibagħtu lura lill-Gvern! Il-politiċi ħbew il-verità. Meta ngħid politiċi, nirreferi kemm għal dawk Griegi u ngħid jiena, anke dawk Ewropew. Kienu l-politiċi li ħallew dan il-ballun tal-borra dejjem jikber sakemm radam lil kulħadd. Għalhekk naħseb li nagħmlu żball li nweħħlu fil-poplu Grieg biss. Apparti li ma naħsibx li qegħdin ngħidu l-verità kollha, inkunu qegħdin nifdu l-iżball ta' dawk li wkoll għandhom xi jwieġbu għas-sitwazzjoni. Wara dan ix-xenarju ta' biki u theżżiż ta' snien, hemm min mar tajjeb... aktar milli naħsbu aħna. Fost dawk li marru tajjeb kienu l-Banek Ġermaniżi u dawk Franċiżi. Jekk kien hawn persuna li mingħajr kantunieri spjega, tal- inqas jekk mhux kollha parti minn din it-traġedja Griega, huwa l-eks Segretarju tal-Partit Demokratiku tax-Xellug Taljan Massimi D'Alema. Massimo D'Alema ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda ta' opportuniżmu finzanzjarju tal- pajjiżi l-aktar sinjuri fl-Ewropa. B'referenza ċara għal Franza, Ġermanja u parzjalment l-Italja. Jispjega kif dawn il-banek ma jagħtu kważi xejn imgħaxijiet lid-depostanti ta' pajjiżhom u allura akkumulaw ammonti kbar ta' flejjes. Fil-kriżi ta' Greċja, dawn il-Banek raw opportunità li jagħmlu profitti kbar u għalhekk daħlu fl-istorja billi xtraw titli Griegi b'imgħax ta' 15% sakemm il-Griegi ġew għarkopptejhom. Kien hawn li qomsot l-Unjoni Ewropea biex Greċja tingħata "bail out". Bil-flus tal-"bailout" fl- ammont ta' 250,000,000,000 ewro (nittama li ma ħallejtx xi żero barra) bdew jitħallsu l-banek Franċiżi u Ġermaniżi. Kuntrarjament għall- perċezzjoni u impressjoni li dejjem ingħatajna, il-Griegi l-anqas kellhom iċ-ċans imqar jgħattu daqqa t'għajn lejn dawn il-flus. Dan l-ammont għamel vjaġġ ċirkolari u virtwali... minn Brussell… għal Atene... lejn Berlin u Pariġi. Bil-flus li ħareġ kull pajjiż Ewropew, inklużi aħna, ħallasna lill-banek imsemmija. Ovvjament id-debitriċi tagħna tibqa' l-Greċja. Sistema antika kapitalista, fejn minn sinjur jistgħana aktar u min hu fqir ikompli jiftaqar. Talinqas, Massimo D'Alema, ma ddejjaqx jgħid lill-Imperatur li m'għandux libsa, iżda għarwien. Huwa minnu li l-kriżi tal-Greċja hija sitwazzjoni li rridu nevitaw. Iżda f 'din l-istorja laqatni fatt li ftit ikkumentaw dwaru. Huwa l-poplu Grieg waħdu li ser ikollu jpatti għal din is-sitwazzjoni. Naħseb huwa eżempju ħażin ħafna, li l-Unjoni Ewropea kkonċentrat wisq fuq l-aspett ekonomiku tal-problema u mhux wisq fuq dak uman u politiku. F'dawn l-aħħar ġimgħat, rajna ħafna xenati u teatrini mill-politiċi. Ma rajna ebda politiku tiela' t-taraġ tal-Qrati biex iwieġeb għal għemilu għal dak li ġara f 'Atene. Meta ngħid politiċi mhux qiegħed nirreferi biss għal dawk Griegi iżda jiena nemmen li hemm oħrajn Ewropej involuti f 'din it-traġedja Griega. Imma waħda minn dawk it-traġedji li l-anqas Sofokle ma kienet tiġih f 'moħħu. TONI ABELA "L-istint jgħidli li ma ndumux ma nerġgħu nisimgħu bi kriżi oħra Griega u diskussjonijiet oħra b'sigħat twal mal-lejl sakemm kulħadd isebbaħ mingħajr irqad u riżultat konkret" Traġedja Griega Cartoon meħud minn The Guardian

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 July 2015