Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/542975
16 illum | Il-Ħadd 19 ta' Lulju 2015 X 'aktarx li ftit jafu min hu Arthur Wellesley. Iżda żgur tafu min hu jekk ngħidilkom id-Duka ta' Wellington. Ismu ħaġa waħda mal-battalja ta' Waterloo, li bħalissa qegħdin infakkru l-200 sena minn meta seħħet. Id-Duka jibqa' magħruf l-aktar għar-rebħa li għamel fuq Napuljun. Izda d-duka kellu x'jaqsam ħafna mal-istorja tal- ġurnaliżmu liberali. Fl-1824, ċertu John Joseph Stockdale, editur ta' rivista li kienet tispeċjalizza fl-iskandli, informa lid- Duka li se jippubblika il-'memoirs' ta' ċertu Harriet Wilson, li kienet korteġġjana Ingliża, biex ma nużax kelma oħra. Din kellha x'taqsam ma' nofs l-irġiel nobbli li kien hemm fl-Ingilterra fi żmien meta li jkollok x'taqsam ma' persuna barra ż-żwieġ kienet aċċettata, basta ma jkunx magħruf pubblikament x'inhu għaddej. Dan Stockdale bħal donnu kien qiegħed jirrikatta bil-pulit lid-Duka, imma dan, li f 'ħajtu kien ħabbat wiċċu ma' diversi battalji, ma tantx twerwer. Anzi qal lil Stockdale: "Li għandek ippubblikah, għaliex ftit li xejn jimpurtni". Biex inkun preċiż, qallu frazi li fil-liġi tal-libelli u ġurnaliżmu liberali baqgħu jidwu sal- lum; "Publish or be damned!". Hekk għamel. Wara l-pubblikazjoni kemm Stockdale, kif ukoll Harriet, għamlu sold mhux ħażin. Iżda spiċċaw ħażin bl-ammont ta' libelli li saru kontra tagħhom. Ftaqru u tkissru. Iżda Wellington baqa'qatt m'għamel libell. Jista' jkun għaliex kien hemm ħafna oħrajn li għamluh qablu, iżda jista' jkun ukoll għaliex kellu x'jitlef. Ġieli f 'libell joħorgu aktar affarijiet minn dak li wieħed ikun qed jistenna, anke jekk dak li jkun jista' jkollu raġun. Il-frażi li uża Wellington baqgħet tgħodd sal-lum u kisbet tifsira liberali fis-sens, li l-ġurnalist ġieli jkollu l-obbligu li jippubblika, anke jekk ikun jaf li se jsib l-għadab tan-nies u tal-istituzzjonijiet, basta dak li jkun qed jgħid ikun minnu. Dawn il-ħsibijiet ġew f 'moħħi meta qrajt id-dikjarazzjoni ta' solidarjeta' li ħareg l-Istitut tal-Ġurnalisti fil- każ tas-sekwestru li nħareġ fuq l-assi personali tal-Editur tat-Times Steve Mallia u l-ġurnalista Ariadne Massa. Anke jiena nixtieq nuri din is-solidarjeta', għaliex niddejjaq ħafna meta nara dawn ix-xorta ta' miżuri jittieħdu kontra ġurnalisti, anke jekk ġieli ma jkollhomx ragun. Saviour Balzan ġralu l-istes bħal Steve u Ariadne, iżda oħroġ il-għaġeb dak inhar ħadd ma tkellem. Sakemm il- ligijiet ta' libell ma jinbiddlux, dawn l-affarijiet ser jibqgħu jiġru. Iżda kull deni ħudu b'ġid għaliex dawn ix-xorta ta' każijiet iqanqlu diskussjoni dwar sa fejn għandhom jaslu l-ligijiet ta' libell. Li hemm bżonn riforma radikali hija ċara, iżda fil-fehma tiegħi m'għandiex riforma li tqiegħed fil-periklu l-liberta' tal- kelma u tal-espressjoni. Ir-riforma għandha tkun mibnija mhux fuq kundanni kbar ta' flus, izda fuq ir-reputazzjoni u kredibilta' ta' min qiegħed jippubblika. Jidher li hawn moviment li qed jinsisti fuq danni aktar ħorox minn dawk li għandna lllum. Għall-kobor tal-gazzetti tagħna l-ammonti ta' flus ta' kundanna jistgħu jitilgħu sa €12,000, li għal xi gazzetti li qegħdin iżommu b'ħajta, erba' libelli kull ma trid biex tagħlaqhom. Akbar ma jkunu l-possibbiltajiet ta' danni, akbar tkun il-biża' li dak li jkun jippubblika, anke jekk jemmen li dak li jkollu f 'idjeh huwa minnu. Il-biza' minn danni kbar, tnaffar lil ħafna ġurnalisti li jippubblikaw informazzjoni jew artiklu li għandhom valur ta' interess pubbliku kbir. Liġi tal-istampa ħarxa ,tiffavorixxi l-aktar lil min huwa diżonest. Il-fatt biss li dak li jkun jagħmillek kawża, anke jekk temmen li għandek raġun, ukoll, fiha nnifisha, huwa deterrent. Għandek kemm għandek raġun, dejjem jibqa' fatt, li qiegħed tafda ilek innifsek f 'idejn bniedem ieħor li huwa ġudikant u l-ġudikanti għandhom is-simpatiji u l-antipatiji tagħhom, għaliex il-bniedem dejjem jibqa' bniedem. Waħda mir-riformi li għandu jkun hemm hija dik li malajr kemm jista' jkun inneħħu l-azzjoni kriminali mill-liġi tal-istampa jew li għall-inqas din ma timxix pari passu mal-kawżi ċivili għad-danni. L-inqas li jista' jsir hu, li persuna ma tistax tmexxi b'żewg azzjonijiet fl-istess ħin, iżda trid tagħżel. Li jsiru żewġ kawżi ta' libell fuq l-istess fatt, fil-fehma tiegħi, ma għandux ikun. Aktar minn hekk, għandu jkun hemm xi xorta ta' sistema li taħt l-awspiċi tal-Qrati ordinjarji, qabel ma tinstema' l-kawża propja, ikun hemm stadju fejn il-partijiet jiġu ggwidati biex isibu xi xorta ta' arranġament barra l-Qorti. Id-danni għandhom, kemm jista' jkun, jiġu evitati. Wara kollox m' hemmx biss il- kredibilita' ta' min ikun immalafamat, iżda ta' min jippubblika wkoll. Jekk min jippubblika jasal biex jitlob skuża qabel ma ssir il-kawża l-biċċa tieqaf hemm. Jekk jippubblika waqt il-kawża, il-biċċa wkoll tieqaf hemm, basta jħallas lil min għamel il-kawża l-ispejjez kollha li jkun għamel u issir pubblikazzjoni. Jekk min ikun ippubblika jinsisti li jrid jibqa' għaddej, allura jkollu jbati l-konsegwenzi, jekk jitlef il-kawża. Demokrazija mingħajr stampa ħielsa, qisek qed tghid lampa mingħajr pitrolju. F'dawn l-aħħar snin, li ma kinitx għall-istampa, ċertu abbużi li saru, jew hemm suspett li saru, minn politici żgur li kienu jibqgħu taħt it-tapit. Ħafna drabi, il- politiċi li jkunu wettqu xi abbużi, jkun fl-interess tagħhom li ċertu ħwejjeġ ma joħorġux fil-pubbliku. Li ma jkunx għal-ġurnaliżmu investigattiv, id-demokrazija issir enemika. Li insejt ngħid hu, li minkejja kollox, id-Duka ta' Wellingtom mhux biss ma kellux ir-reputazzjoni tiegħu imtappna, talli xorta sar għal darba, darbtejn Prim Ministru tal-Ingilterra u għadu ikona storika f 'għajnejn l-Inglizi sal-ġurnata tal-lum. Id-Duka ħalla l-pubblikazzjoni, u wara ħalla lin-nies jiġġudikawh u mhux lil xi imħallef jew Maġistrat. Bonġu Duka! TONI ABELA "F'dawn l-aħħar snin, li ma kinitx għall- istampa, ċertu abbużi li saru, jew hemm suspett li saru, minn politici żgur li kienu jibqgħu taħt it-tapit" Toni Abela jipproponi bidliet fil-liġì tal-istampa Bonġu Duka