Illum previous editions

illum 19 July 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/542975

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 19 ta' Lulju 2015 | illum 17 I t-taħdidiet illi saru nhar il-Ħadd fi Bruxelles kienu probabilment fost l-aktar brutali illi qatt saru fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Is-snien inkixfu kollha u minkejja illi l-filmati wrew bosta mexxejja jiċċaċraw u jitbissmu quddiem il-kamera, l-atmosfera kienet minn kollox ħlief kordjali. Għal ħafna ħin, dehret tassew reali l-possibilità illi t-taħdidiet ifallu u l-Greċja jkollha tadotta munita ġdida. Mingħajr l-appoġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek Griegi kienu jfallu fi ftit żmien u l-Gvern kien ikollu jirrikorri għall-munita ġdida biex jonora l-obbligi tiegħu. L-ekonomisti kienu qed jistmaw illi din il-munita kienet immedjatament titlef nofs il- valur tal-ewro u possibilment aktar. U dan in-nies kienu jafuh u għalhekk kien hemm dak il-ġenn kollu biex jiġbdu l-flus tagħhom mill-banek. Il-poplu Grieg beda jitfa' l-flus fi prodotti ta' lussu. Il-ġojjelliera għamlu ħafna negozju u anke l-bejjiegħa tal-karozzi. Din iż-żieda fil-bejgħ ironikament għenet il-finanzi tal- gvern billi daħħal aktar mill-V.A.T. Sabiex jevitaw il-konsegwenzi ta' żvalutazzjoni tal-flus f 'każ ta' munita ġdida, bosta ħallsu t-taxxa tagħhom b'mod elettroniku peress illi l-banek kienu magħluqin. Mingħajr is- sostenn tal-B.Ċ.E., il-banek baqgħu magħluqin u ma setgħux jiftħu mill- ġdid. Dan is-sostenn kien jiġi rtirat mingħajr għal kollox mingħajr ftehim politiku. Din kienet is-sitwazzjoni ġimgħa ilu. U s-Sibt stess il-prospettivi ma dehrux wisq sbieħ. F'ħin minnhom is-Sibt wara nofs-in-nhar, il-Frankfurter Algemeine Zeitung, ġurnal prestiġjuż Tedesk, iċċirkola dokument tal- Ministeru tal-Finanzi Tedesk illi kien jipprospetta l-possibilità ta' ħruġ temporanju tal-Greċja miż-żona ewro sabiex tkun tista' tirristruttura d-dejn tagħha. Ħadd ma ċaħdu dan id-dokument u kif spiss jiġri, kien ċar illi dan id-dokument inkixef bi skop sabiex tpoġġi aktar pressjoni fuq il- Greċja. Fil-fatt, din il-klawsola spiċċat fid-dokument finali tal-ewrogrupp, il-ministri tal-finanzi tal-ewrożona. Verament kienet fil-brackets, jiġifieri ma kienx hemm qbil unanimu dwarha, u għalhekk tħalliet għall- kunsiderazzjoni aħħarija tal-kapijiet ta' l-istat tal-ewrożona. L-atmosfera fl-ewrogrupp kienet pjuttost inċendjarja : f 'mument minnhom, il-ministru tal-finanzi Tedesk Wolfgang Schauble beda jgħajjat mal-President tal-B.Ċ.E., Mario Draghi u allegatament staqsieh "Inti taħseb li jiena xi ċuċ ?" Iċ- ċena ta' wara il-laqgħa kienet ferm kwieta b'konversazzjoni mill-anqas. L-affarijiet ma kienu jidhru xejn sbieħ għal Greċja. Il-Ħadd fil-għodu, il-president tal- Kunsill Ewropew, Donald Tusk ħassar il-laqgħa illi kellha ssir tat-28 kap tal- gvern tal-pajjiżi membri tal-U.E. illi kellha ssir dritt wara l-laqgħa tat-19-il kap tal-gvern tal-ewrożona. Tusk, ex- prim ministru pollakk, assuma rwol ferm ċentrali f 'dina l-kriżi bħalma kien għamel il-predeċessur tiegħu, Herman van Rompuy. Probabilment, Tusk antiċipa illi l-laqgħa tal-mexxejja tal-ewrożona kienet ser tieħu ħafna żmien qabel ma jintlaħaq ftehim. Ma żbaljax għax Tusk ħabbar ftehim fid-9 a.m. tal-għada t-Tnejn wara sigħat ta' taħdidiet imqanqla. Madankollu, aktar ma beda jgħaddi l-lejl, aktar bdiet tmajna il-possibilità ta' Grexit, temporanja jew le. Għalkemm it-taħdidiet kienu jinvolvu dsatax-il kap ta' gvern, fir- realtà, id-diskussjonijiet importanti kienu jinvolvu lill-kanċilliera tedeska Merkel, lill-president franċiż Hollande, lill-prim ministru grieg Tsipras u lill-istess Tusk. It-taħdidiet kienu qishom partita tal-basketball b'bosta time-outs sabiex isiru diskussjonijiet bejn l-erbgħa l-kbar. Il-prim ministru tagħna tlaqqam bħala ċ-chief tweeter tal-konferenza bl-informazzjoni illi beda jgħaddi fuq l-andament tal-konferenza fuq it-Twitter. Id-diskussjoni kienet ferm intensiva : f 'mument minnhom Tsipras offra illi anke jċedi l-ġlekk tiegħu ħalli juri kemm il-Greċja kienet qed titneżża. F'laqgħa illi saret f 'waħda mit- "time-outs", Merkel u Tsipras qamu biex jitilqu 'l barra. Tusk kien pront waqqafhom u qallhom illi minn dik il-kamra, ma kien ser jitlaq ħadd qabel ma jintlaħaq ftehim. Probabilment, dan il-ġest deċisiv salva liż-żona ewro. Il-laqgħa wriet il-brutalità għarwiena tal-pajjiżi tal-ewrożona. Kienu ilhom jissaportu l-komportament erratiku tal-Greċja, u speċjalment tal-ex-ministru tal-finanzi, Yannis Varoufakis, u kienu ħadu dehxa bit-tħabbir tar-referendum meta n-negozjati kienu kważi ngħalqu għal kollox. Il-Ħadd li għadda kien kif jgħidu l-Ingliżi, "payback time" għal Tsipras illi kellu jibla' kollox u jaċċetta dak kollu illi kien qed iħeġġeġ lill- Griegi illi jirrifjutaw. Tsipras kellu jibla kemm il-wegħdiet elettorali kif ukoll ir-retorika referendarja sabiex jottjeni l-possibilità illi l-ewrożona tibda tinnegozja t-tielet "bail-out" mal- Greċja, "bail-out" illi oriġinarjament kien maħsub illi ser jammonta għal € 53 bn. Fl-aħħar, Tsipras irnexxielu jakkwista l-impenn tal-kumplament tal-ewrożona għal dawn it-taħdidiet imma kellu jħallas prezz ferm għoli fir-rigward tal-kredibilità politika tiegħu. Tsipras tal-Ħadd li għadda kien kompletament differenti minn Tsipras tal-Ħadd ta' qabel meta l-Greċja vvutat bi ħġarha sabiex tirrifjuta l-kundizzjonijiet illi l-ewrożona kienet qiegħda toffri fis-27 ta' Ġunju li għadda għat-tielet "bail-out". Biex isalva ġildu - u dak tal-Greċja - Tsipras kellu jaċċetta kundizzjonijiet ferm ħorox illi elenkajt fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra fosthom żieda fir-rata tal-V.A.T., it-tneħħija tat- tnaqqis tal-V.A.T. fil-gżejjer, iż-żieda fl-eta tal-pensjoni u aktar importanti minn hekk, ir-riformi strutturali illi l-Greċja ilha s-snin tkaxkar saqajha sabiex twettaq. Anke l-gvern ta' Tsipras, fil-ftit xhur illi ilu fil-poter, ftit wera ħerqa sabiex jattakka l-interessi speċjali u hemm bosta Ewropej illi jissuspettaw illi dawn l-interessi speċjali, bħall-oligarki illi għandhom f 'idejhom l-akbar flotta merkantili tad-dinja, issa saru jappoġġjaw Syriza. L-Ewropej ġagħlu lil Tsipras jaċċetta illi jirriversja dak kollu illi għamel fl-aħħar ħames xhur, f 'xi każijiet, anke jbiddel il-liġijiet illi għadhom kemm għaddew. Barra minn hekk, il-Greċja ingħatat sal-Erbgħa illi għadda sabiex tgħaddi bosta liġijiet ta' riforma. M'hux ta' b'xejn illi kummentatur qabbel dak illi ġara nhar il-Ħadd fi Bruxelles mal-ħruq ta' Kartaġini wara r-rebħa tar-Rumani fit-tmiem tat- Tielet Gwerra Punika. Bosta kienu dawk il-mexxejja ewropej illi kienu qishom bħal Ċiċerun iħambaq meta fis-senat ruman "Cartago delenda est", Kartaġni trid tinqered. U mid-dehra, anke l-gvern tagħna adotta posizzjoni iebsa fil-konfront tal-Greċja minkejja illi l-għada l-Prim Ministru Muscat fil-Parlament stqarr illi jibża illi l-Greċja ġiet umiljata. F'ħin minnhom tat-taħdidiet, intqal illi Tsipras kien qed jirreżisti illi l-parteċipazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali fit-tielet "bail-out". Anke fuq dan il-punt kellu jċedi u l-famuża troika illi minħabba esiġenzi politiċi griegi kienet ġiet imlaqqma "l-istituzzjonijiet" issa ser terġa ssir it-troika u ħadd m'hu ser jibqa' jagħti każ is-sensitivitajiet griegi. Imma huwa tassew staordinarju illi Tsipras joġġezzjona għall-koinvolġiment tal-F.M.I. meta l-F.M.I. huwa l-aktar vuċi f 'saħħietha għal tnaqqis fid-dejn grieg. Għalija dina hija konferma oħra kemm Tsipras u l-gvern tiegħu lagħbu l-karti kompletament ħażin, antagonizzaw lill-ħbieb tagħhom u lagħbu f 'idejn l-għedewwa tagħhom. Bir-riżultat illi spiċċaw bi ftehim ferm agħar milli kien fuq il-mejda fis-27 ta' Ġunju. Tsipras irritorna l-Greċja biex ibiegħ lill-partit tiegħu dan il-ftehim. Fil-vot tal-Parlament grieg ta' nhar l-Erbgħa, xi erbgħin deputat mill-partit tiegħu vvutaw kontra l-ftehim, fosthom ministri, ex-ministri u l-ispeaker. Il-gvern spiċċa jiddependi fuq il-vot tal-opposizzjoni, tneħħi n-neo Nażisti ta' Żernieq Dehbi u tal-Kommunisti, sabiex il-vot jgħaddi. Minħabba dan l-irvell intern, Tsipras wettaq reshuffle il-bieraħ u daħħal fil-kabinett bosta teknokrati flok id-dissidenti tax-xellug radikali. Il-kwistjoni issa hi jekk Tsipras hux ser ikun kapaċi jżomm maġġoranza parlamentari bl-appoġġ tal-istess xellug radikali ta' Syriza illi issa ġiet eskluża mill-poter. Dana sabiex iwettaq ir-riformi illi huwa kommess illi jwettaq, riformi illi huma anathema għall-parlamentari illi vvutaw kontrihom u m'hux biss. Jekk Tsipras ma jżommx il-maġġoranza parlamentari, il-possibilità ta' gvern t'għaqda nazzjonali jew tekniku jew anke t'elezzjonijiet ġodda huma fuq il-mejda. L-għada tal-vot grieg, l-ewrożona bidlet id-direzzjoni : il-B.Ċ.E. iddeċieda illi jżid l-għajnuna t'emerġenza b'€ 900 m u l-Kummissjoni rat kif għamlet sabiex tirranġa "bridge loan" ta' € 7 bn lil Greċja sakemm jiġi approvat it-tielet "bail-out" illi s'issa ġie stmat illi ser jinvolvi € 86 bn. Dawn is-€ 7 bn instabu minn fond "qadim" illi kien twaqqaf fl-2010 mis-27 membru tal- U.E., il-Fond Ewropew għall-Istabilità Finanzjarja. L-Ingliżi komplew juru kemm qed jiżolaw ruħhom mill- kumplament tal-U.E. u oġġezzjonaw għall-użu ta' dan il-fond għal self lill-pajjiż tal-ewrożona. Biex aċċettaw, ingħataw garanzija illi jieħdu flushom lura mill-qliegħ tal-B.Ċ.E. fuq it-titli griegi. Eżempju stupend ta' nuqqas ta' solidarjetà minkejja illi l-Ingilterra ukoll kienet tirriskja mill-kaos finanzjarja kieku ma ntlaħaqx il- ftehim tal-Ħadd li għadda. Il-Greċja ser tuża dawn is-€ 7 bn sabiex għada tħallas € 3.6 bn illi għandha tagħti lill-B.Ċ.E. u trodd il-€ 1.6 bn illi kellha tħallas sa l-aħħar ta' Ġunju lill-F.M.I. B'hekk, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jkunu koinvolti fit-tielet "bail-out" tal-Greċja. Ironikament it-tnejn li huma qed jinsistu illi l-piż tad-dejn tal-Greċja għandu jeħfief. Fil-fatt, il-F.M.I. qed jinsisti illi l-kredituri ewropej jagħtu moratorju ta' tletin sena qabel ma l-Greċja tibda tħallas lura d-dejn tagħha. Bosta pajjiżi, fosthom il-Ġermanja u anke Malta, qed joġġezzjonaw għal tali "tbeżbiża" fid-dejn grieg. Imma fil-fatt, kif kont għidt f 'Jannar li għadda, ma jidhierx illi hemm alternattiva u anke jekk teknikament, Schauble għandu raġun meta jgħid illi tali "tbeżbiża" tmur kontra l-liġijiet komunitarji, il-moratorju propost huwa fil-fatt ekwivalenti għal tali "tbeżbiża". Hija tassew ħasra illi Tsipras u Varoufakis ħarqu ħafna kapital politiku fix-xhur li għamlu fil-poter : imma issa illi jidher illi l-gvern grieg ħa dehxa ta' realiżmu u biddel l-atteġjament tiegħu jixraq illi l-Greċja tingħata ċans ġdid. Ir-riformi illi wieħed jistenna illi l-Greċja twettaq għandhom jiġu reċiprokati b'aktar ġenerożità mill-ewrożona. Għax x'ħin wieħed jgħid kollox, il-Griegi ma rawx wisq ġenerożità minn barra l-ewrożona, la mir-Renju Unit, la mill-Amerika, la mir-Russja u l-anqas miċ-Ċina. Tsipras irnexxielu jirriversja t-trakk qabel ma waqa' fl-abbiss imma għad fadallu ħafna x'jaqdef. Dejjem jekk ser jibqa' fil-poter għalkemm verament ma tantx jidhru fix-xefaq min jista' joħodlu postu. Hu x'inhu l-każ, hu fl- interess ta' kulħadd illi l-problemi tal- Greċja jiġu riżolti darba għal dejjem. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, kemm il-Griegi kif ukoll l-ewropej. Segwi l-aħħar żviluppi internazzjonali fuq il-profil tiegħi ta' Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph. Taqtiegħ il-qalb f 'Bisanzju JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 July 2015