Illum previous editions

illum 19 July 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/542975

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 35

Il-Ħadd 19 ta' Lulju 2015 | illum 3 Ix-Xellugin Maltin dwar Tsipras wara l-ftehim mal-Ewropa ALBERT GAUCI CUNNINGHAM ILFORTUNI tal-Prim Ministru Alexis Tsipras inbidlu b'veloċità ikbar milli jinbidel it-temp fix-xitwa Maltija. Filli kien l-eroj li mexxa moviment ippilotat l-aktar mix-xellugin kontra l-awsterità u l-pakkett ta' 'bailout' li kienet qed tippreżenta l-Ewropa, filli f 'daqqa waħda qed jiffaċċja l-possibilità ta' ribelljoni politika fuq skala bla preċedent. Kien Tsipras li lejn it-tmiem tan-negozjati mal-kredituri u mal-Ministri tal-Finanzi Ewropej dwar it-tielet pjan ta' 'bailout' sejjaħ referendum li kellu jsir f 'temp ta' ġimgħa. Filwaqt li l-Gvernijiet Ewropej rawha bħala xi ħaġa mhux mistennija, bosta ferħu li sa fl-aħħar il-poplu Grieg se jingħata vuċi. Ħafna xellugin raw dan bħala opportunità tad-deheb biex il-poplu Grieg isemma leħnu u jgħid LE għall- awsterità li għakkset u faqqret klassi sħiħa ta' ħaddiema, b'uħud minnhom jispiċċaw bla impjieg u oħrajn saħansitra bla dar. Il-vot tal-Griegi kien ċar, fil-fatt ma setax ikun aktar ċar, u kien LE demokratika b'61%. Il-Griegi ħarġu jiċċelebraw l-OXI (le) u fil-pajjiż kien hemm sens ta' liberazzjoni li fl-aħħar il-ħaddiem waqaf u qal "issa daqshekk" għall-għaks u l-umiljazzjoni. Iżda jidher li l-poplu Grieg ma kienx jaf li kien hemm umiljazzjoni ikbar tistennieh, jiġifieri dik li l-Prim Ministru ta' pajjiżhom kellu jerġa' jmur l-Ewropa, jibla' kliemu kollu kontra l-pjan Ewropew li kien sejjaħlu "umiljanti" u jaċċetta ftehim iktar iebes minn dak li l-Griegi vvutaw le għalih. L-ILLUM tkellem ma' numru ta' nies li jqisu ruħhom xellugin, jiġifieri tal-istess ideoloġija politika ta' Alexis Tsipras, u staqsiehom kif iħossuhom bl-aħħar żviluppi dwar il-Greċja u l-Prim Ministru Tsipras. Il-Prim Ministru Grieg kien eroj mpoġġi f 'kantuniera jew sempliċiment pinġa stampa lill-poplu Grieg li fil-fatt qatt ma setgħet tkun realtà? L-UE qatt ma kienet se ċċedi għall-Gvern xellugi Charles Miceli. Membru tal-Alleanza kontra l-Faqar sostna mal-ILLUM li l-Unjoni Ewropea ma kellha ebda intenzjoni tiftihem jew tagħmilha faċli lil Tsipras għax "l-Ewropa mhux se tħalli sitwazzjoni fejn gvern xellugi tgħaddi tiegħu, inkella jitħajru pajjiżi oħrajn bħall-Italja u Spanja u anke dawn jibdew jeleġġu partiti xellugin, li jikkumbattu s-sistema neo-liberali tal-Unjoni Ewropea." Huwa qal illi l-biża' tiegħu hija li jekk il-pajjiż imur għal elezzjoni, il-poplu issa jagħżel lill-partiti estremi tal-lemin, jiġifieri l-'Golden Dawn'. "U ma ntihomx tort, mela l-ewwel titfa' lill- poplu ġo fondoq, imbagħad tissorprendi ruħek li n-nies jirreaġixxu?" Mistoqsi min qed jitfa' lill-poplu Grieg ġo fondoq, Miceli qal illi hija t-Troika li għamlet dan u fakkar kif din "umiljat lill-Greċj.a" Mistoqsi imma jekk jaħsibx li Tsipras seta' evita dan kollu kieku ma sejjaħx referendum, Miceli qal illi l-Prim Ministru Grieg seta' ħaseb illi l-vot tal- poplu kien se jġiegħel lill-UE taħseb u tifhem aħjar lill-Griegi "imma l-għadu huwa wisq formidabbli." Charles Miceli qal mal- ILLUM li hu jemmen li bil- ftehim il-Greċja mhux se tkun qed tqum fuq tagħha u esprima t-tħassib tiegħu kif illum l-Ewropa fetħet il-bibien għan- neo-liberaliżmu li qed iwassal biex eluf jaqgħu fil-faqar "u jmorru jħabbtu l-bibien biex jagħtuhom il-bottijiet tal-ikel" Tsipras vittma tal-prinċipji demokratiċi tiegħu Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma' Ivin Catania, impjegat tal- GWU, li saħaq illi Tsipras la hu eroj u lanqas traditur imma "vittma tal-prinċipji demokratiċi li jħaddan." Huwa ċanfar lill-mexxejja tal-UE illi "użaw" ir-rieda tajba li wera Tispras u anke l-poplu Grieg, li t-tnejn ikkunsidraw il-ħsara li t-tluq tal-Greċja mill-ewro jista' jwassal għalih, kontriehom. "It-talba ta' Alexis Tsipras wara r-referendum, meta ressaq il-pjan tiegħu, ma kinitx li jingħata madwar €80 biljun f 'bailout iżda €53 biljun u 30% qtugħ mid-dejn. Dan biex ikopri l-ispejjeż sal-2018" fakkar Catania li kompla jgħid illi b'dan il-pjan il-gvern kien jilħaq aħjar il-miri tiegħu u jitfa' ftit flus fi bwiet in-nies. Huwa sejjaħ il-ftehim bħala wieħed "umiljanti" u sostna li ħadd mill-pajjiżi membri m'għamel xejn biex dan ma jkunx hekk. Spjega wkoll kif mill-UE ilu jkun hemm bruda lejn is-Syriza minn mindu dan il-partit spiċċa fil-Gvern u saħaq li dan il-ftehim umiljanti sar biex jibgħat twissija lil pajjiżi oħrajn biex ma jagħmlux "mossi politiċi" bħal ta' Tsipras. Ivin Catania temm jgħid illi fid-dawl tal-aħħar żviluppi s-soluzzjonijiet meħtieġa jistgħu jkunu aktar estremi minn dawk li ressaq l-eks Ministru tal-Finanzi Grieg Varoufakis u jinkludu nazzjonalizzazzjoni, ħruġ miż- żona ewro u introduzzjoni ta' munita li jkollha l-istess rata tal-ewro. Catania huwa tal-opinjoni li l-kunċett tal-UE falla għax illum huwa bbażat "fuq x'iridu l-bankiera u min għandu f 'idejh il-kontroll tal-kapital. Nagħmel referenza għal frażi li qrajt u baqgħet fi ħsiebi: "Illum l-istat huwa biss kumitat li jamministra l-affarijiet tal- borġeżija." Nagħmlu x'nagħmlu "riċetta" waħda hemm Meta tkellem mal-ILLUM Michael Grech sostna li l-messaġġ li qed jintbagħat illum mill-UE u min imexxiha huwa li nagħmlu x'nagħmlu hemm riċetta ekonomika waħda biss u jeħtieġ noqogħdu għaliha. Huwa qal illi kull min joħroġ b'idea differenti bħal m'għamel Tsipras jirċievi ħafna ħars bl-ikrah, anke minn partiti soċjalisti. Dwar il-Prim Ministru Grieg huwa qal li mar għall-battalja u ammetta t-telfa, iżda Grech qal illi l-kwistjoni tmur lil hinn minn persuna u tmiss mas- sistema demokratika liberali, li skontu, "hija taħt theddida." Grech jgħid ma dan il-ġurnal illi l-poplu m'għadx għandu setgħa ħlief fi kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet oħrajn ambjentali. "Illum tlifna għal kollox il- kunċett ta' solidarjetà b'riċetta ta' kif jitqassam il-ġid." Pakkett finanzjarju Ewropew huwa l-mediċina li l-Greċja għandha bżonn - Scicluna ĠIMGĦA wara li l-mexxejja taż-żona Ewro laħqu ftehim sabiex il-Greċja tingħata bailout ta' €86 biljun, il- Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li l-Greċja issa għanda r-responsabbilità sabiex tiżgura li l-miżuri jiġu implimentati. Il-qbil bejn il-gvern Grieg u l-bqija tal-ministri Ewropej kien kemmxejn sorpriż hekk kif ftit jiem qabel, il-poplu Grieg kien ċaħad bil-qawwa l-miżuri tal-awsterità. Madankollu, l-Prim Ministru tal-Greċja Alexis Tsipras qabel li l-pajjiż tiegħu jimplimenta l-miżuri "kiefra" tal-awsterità. Aktar u aktar, il-Ġermanja safa' vittma ta' kritika qawwija, b' bosta mezzi tax-xandir, ekonomisti, u ċitaddini Griegi jisħqu li l-Ġermanja riedet timponi l-ideoloġija fiskali u ekonomija tagħha fuq il-bqija tal-Ewropa – anke jekk dan iwassal għall-falliment tal- Greċja. Kuntrarjament għal dak li ntqal, il-Ministru Edward Scicluna ċaħad li l-Ġermanja aġġixxit ta' 'bully' u sostna li huwa inġust li l-Ġermanja qed tiġi kkrittikata. "Dawk li kienu preżenti waqt il-laqgħat tal-ministri taż-żona ewro jafu li dan mhux il-każ. Il-mezzi tax-xandir għandhom stampa differenti ta' x' ġara. Ir-realtà hija li kien hemm qbil bejn il-pajjiżi membri kollha u ma kinitx kwistjoni ta' xi pajjiż irid jaqla lil ieħor," sostna Scicluna. Scicluna fakkar kif il-pakkett finanzjarju Ewropew huwa "l-kura li l-Greċja għandha bżonn." "Iċ-ċittadni Griegi jaħsbu li qed ibatu għax il-Ġermanja riedet hekk. Dan mhuwiex minnu, kuntrarjament, in- nies qatt ma fehmu x'inhuma l-konsegwenzi serji li kienet se tiffaċċja l-Greċja kieku ma ntlaħaqx ftehim." Il-ministru qal ukoll li huwa inġust meta jingħad li l-Greċja ma kellix għażla għajr għal dik li timplimenta l-miżuri ta' awsterità. "Meta wieħed jemmen li l-programm huwa wieħed kiefer u li l-Greċja kellha idejha marbuta, l-probabbilità hija li se jiżdied ir-riskju li l-bailout terġa tfalli," Scicluna qal. Il-ministru spjega wkoll li issa l-Greċja trid timplimenta l-miżuri tal-awsterità sabiex l-għan aħħari tal-miżuri, jiġifieri li l-pajjiż jerġa jiġi fuq saqajh, jintlaħaq. "Min-naħa tagħha l-Ewropa bagħtet messaġġ ċar ta' solidarjetà mal-Greċja meta qablet li tingħata t-tielet bailout. Ovvjament, il- qbir iġorr miegħu bosta kundizzjonijiet." Huwa żied jgħid li Malta, flimkien mal-bqija tal- Ewropa, kienet kontra li jinħafer xi parti mid-dejn. Żied jgħid li minkejja l-ftehim, l-Greċja, bħala pajjiż sovran, għandha dritt li tagħżel li toħroġ miż-Żona Ewro.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 July 2015