Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/542975
4 illum | Il-Ħadd 19 ta' Lulju 2015 Eluf f 'sahra f 'sena waħda biss Tkompli minn paġna 1 Dan joħroġ ġimgħa wara li l-ILLUM żvela kif ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f 'xi skejjel tal-Knisja qed jitħallew fil-għama dwar x'qed jiġri mid-donazzjonijiet tagħhom minħabba li dawn l-iskejjel għadhom mhumiex regolati hekk kif la huma kunsidrati bħala organizzazzjonijiet voluntarji u lanqas li joperaw bi skop aħħari ta' profitt. Dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħudin bil-qawwa kollha mir- rettur tal-Kulleġġ ta' San Alwiġi Fr Jimmy Bartolo li f 'kummenti spjega mal-ILLUM, sostna li l-kulleġġ qatt ma ta l-ebda paga eżorbitanti lil ħadd "bla raġuni" u li l-pagi kollha jmorru "għal servizzi li huma meħtiega għall- ġid tal-istudenti." Eluf f 'sahra f 'sena waħda biss Dawk li tkellmu magħna spjegaw kif il-kulleġġ jirraporta lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li l-impjegati in kwistjoni qed jitħallsu paga ekwivalenti għal dik taċ-ċivil, iżda mbagħad l-iskola terġa' toħroġ ammont, li probabbilment ikopri sigħat twal ta' sahra. L-ILLUM tista tiżvela kif impjegat partikolari li jaqa' fi skala 19 taċ-ċivil b'paga medja ta' €10,500, qiegħed fil-verità jaqla' paga ekwivalenti ma' dawk ta' skala sitta u saħansitra ħamsa – jiġifieri bejn €23,000 u €26,000 fis-sena. Dan wara li tgħodd is-sigħat li jkunu saru f 'sahra. Huwa mifhum ukoll li dawn il-prattiċi huma magħrufin sew fost il-ħaddiema tal-istess kulleġġ. 'Il-ħlasijiet kollha huma għall- ġid tal-istudent' Filwaqt li fakkar kif il-Kulleġġ m'għandu ebda obbligu legali li jippubblika kontijiet awditjati lill-ġenituri, Fr Jimmy Bartolo sostna li ma jaf bl-ebda paga eżorbitanti li nħarġet "bla raġuni." "Il-pagi li jħallas il-Kulleġġ huma kollha kemm huma għal servizzi li huma meħtieġa għall- ġid tal-istudenti. Li naf hu li jiena bħala rettur ta' tliet skejjel u għax reliġjuż nitħallas b'paga ta' assistent kap u li jien irrid infittex kif nagħmel attivatijiet ta' ġbir ta' fondi biex inlaħħqu mal-ispejjeż kollha li għandha bżonn it-tmexxija ta' kulleġġ kbir bħal ma hu tagħna," Fr Bartolo spjega. Mistoqsi jikkonfermax jew jiċħadx li l-flus mogħtija lil hinn mill-paga skont l-iskala taċ-ċivil tlaħħaqx l-eluf ta' ewro għal ħaddiem wieħed f 'sena biss, huwa wieġeb li ma kienx qed jifhem għal min l-ILLUM qed tirreferi. "Naf li l-Kulleġġ ikollu jħallas pagi ta' ċerti persuni li ma jitħallsux mill-Gvern. Qed nirreferi għal ngħidu aħna l-koordinatriċi tas-'support unit' li tikkordina lil ħafna learning support assistants li jagħtu għajnuna speċjalizzata u professjonali lil diversi studenti bi bżonnijiet edukattivi partikulari," sostna Bartolo. Huwa qal dan minkejja li l-mistoqsija ta' dan il-ġurnal ma kinitx rigward pagi li huma mħallsin kollha mill-kulleġġ imma ħlasijiet li jlaħħqu l-eluf u li qed jingħataw lil hinn mill- paga li qed iħallas il-gvern. Finalment dan il-ġurnal staqsa jekk il-ġenituri humiex qed ikunu infurmati b'dawn l-allegati ħlasijiet eżorbitanti lil hinn mill-paga, b'Fr Bartolo minflok jinsisti dwar il-fatt li l-ġenituri mhumiex obbligati li jagħtu donazzjonijiet. "La jien u lanqas ir-rettur ta' qabli qatt ma għamilna l-ebda pressjoni fuq il-ġenituri biex jagħtu d-donazzjonijiet. Ngħidu ċar u tond li verament għandna bżonnhom għall-edukazzjoni tal-istudenti u biex inlaħħqu mal-ispejjeż tal-proġetti edukattivi u l-manutenzjoni tal- bini kbir li għandna. Imbagħad inħallu f 'idejn il-ġenituri jagħtu kemm jistgħu. Barra minn hekk, diversi drabi neżentaw lill- ġenituri li jagħtu d-donazzjoni minħabba li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli marbuta mas-saħħa, nuqqas ta' mpjieg jew problemi serji oħra," qal Bartolo. Fr Bartolo jirrispondi għal artiklu ta' nhar il-Ħadd li għadda Intant, b'referenza għall- artiklu tal-ġimgħa l-oħra, Fr Bartolo sostna li l-kulleġġ "ilu snin jagħmel kontijiet awditjati b'mod trasparenti u metikoluż, u li jagħtu d-dettalji rilevanti lill-ġenituri, kemm permezz ta' ittri mibgħuta kif ukoll waqt laqgħat. Kulħadd jaf li dak li jagħtu l-ġenituri jispiċċa jintuża għall-edukazzjoni tal-istudenti." "Qed inżommu lill-ġenituri infurmati b'dak kollu li qed jiġri u b'mod mill-iktar trasparenti. Il-kontijiet awditjati tal-istituzzjonijiet kollha li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Alwiġi jiġu approvati mill-bord tal-kulleġġ u kopja tagħhom tingħata lill-istakeholders prinċipali. Nista' niżgurak li m'għandniex x'naħbu! Minkejja li ma għandi l-ebda obbligi legali li nippubblika l-kontijiet awditjati fuq il- gazzetti ser inkomplu nagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-ġenituri u lill-istakeholders prinċipali." Il-Kurja: L-iskejjel tal-Knisja huma awtonomi F' kummenti ma' dan il- ġurnal, kelliem għall-Kurja kkonferma dak li ppubblika l-ILLUM u qal li l-Kurja ma tobbligax lill-iskejjel tal-Knisja biex jagħtu rendikont dettaljat lill-ġenituri fejn jintefqu d-donazzjonijiet tal-iskejjel. "Kull skola hija responsabbli għat-tmexxija tagħha u għar- relazzjoni li żżomm mal- ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola. Ħafna mill-iskejjel jagħtu informazzjoni, anke dettaljata, ta' xi jkunu għamlu u x'se jagħmlu. Ħafna mill- proġetti u servizzi fl-iskejjel ikunu viżibli għall-istudenti u l-ġenituri li jattendu l-iskola." "Kull skola tal-Knisja hija awtonoma u titmexxa fl-aħjar interess tal-ġenituri li jagħżlu li jibagħtu lil uliedhom fi skola tal-knisja," il-kelliem qal.