Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/546402
Il-Ħadd 26 ta' Lulju 2015 | illum 17 Ħ a nitilqu ftit minn Bisanzju għalkemm żgur ser immorru lura fil-futur qarib. Għad irridu nitkellmu dwar it-taħdidiet għat-tielet bail- out tal-Greċja illi diġa kellhom bidu zopp, il-prospetti ta' koalizzjoni bejn l-akbar żewġ partiti fit-Turkija wara illi l-ebda partit ma ġab maġġoranza assoluta u t-tamiet illi dejjem qegħdin jikbru ta' ftehim f 'Ċipru bejn il-komunità Griega u Turka. Niġu lura f 'pajjiżna. Din il-ġimgħa nqalgħet kontroversja minħabba mandat ta' sekwestru illi l-uffiċjali tal-union tal-infermiera ħarġu kontra l-editur kap tas-Sunday Times, Steve Mallia u l-kap ta' l-aħbarijiet ta' l-istess ġurnal, Ariadne Massa. Dan il-ġurnal kien ippubblika fit-22 t'Awwissu 2010 artiklu ta' Massa bit-titlu "Patients swindled in Scam. Top MUMN Official Investigated." Skond dan l-artiklu, infermier u salesman kienu qed jisolħu mijiet ta' ewro mill-morda billi joffrulhom terapija illi l-isptar ta' l-istat ma kienx jipprovdi minkejja illi kienu jagħtuhom x'jifhmu illi din it- terapija hija b'xejn. L-infermier ma ssemmiex imma l-artiklu qal illi kien jokkupa posizzjoni għolja fl-istrutturi tal-M.U.M.N. Erba' uffiċjali tal- M.U.M.N. fetħu kawża ta' libell u talbu d-danni minħabba malafama. L-ewwel qorti tathom raġun u ordnat lill-ġurnalisti jħallsu b'kollox € 11,500 lill-erba' uffiċjali. Il-Qorti ta' l-Appell f 'Jannar li għadda kkonfermat il- libell imma naqset id-danni għal € 4,000. Wara s-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell, l-uffiċjali tal-M.U.M.N. kellhom dak illi jissejjaħ "titolu eżekuttiv" u setgħu joħorġu mandat jekk ma jitħallsux. Il-ġurnalisti tat- Times f 'Mejju li għadda ppreżentaw rikors kostituzzjonali fejn allegaw ksur tad-dritt tal-espressjoni u iddeċidew illi ma jħallsux id-danni illi l-Qorti kienet ordnat illi jħallsu. L-uffiċjali tal-M.U.M.N. wara xi sitt xhur jistennew ħarġu l-mandat ta' sekwestru u qamu l-irwiefen kollha. L-editur tas-Sunday Times iddedika xejn anqas mill-editorjal tiegħu tal- Ħadd li għadda għal din il-kwistjoni taħt it-titlu inċendjarju "Vindictive attack on us" u kkritika lill-uffiċjali tal-M.U.M.N. talli talbu l-ħlas tad- danni qabel illi ma nqatgħet il-kawża kostituzzjonali. Fl-editorjal tiegħu, Mallia kkummenta ukoll fuq il-fatt illi l-mandat ta' sekwestru ġie ffirmat mill-istess maġistrat illi kien qata' l-ewwel sentenza u stqarr bla tlaqliq illi dan il-mandat kien attakk fuq il- libertà ta' l-espressjoni f 'Malta. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appoġġja lis-Sunday Times u talab illi ssir reviżjoni tal-liġi tal- libell, fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali. Kif tafu, barra kawża ċivili, wieħed jista' jippreżenta ukoll kwerela kriminali. Imma l-I.Ġ.M. ma semmiex illi f 'dan il-każ, ma sarietx kawża kriminali imma biss kawża ċivili. Stqarr ukoll illi "sfortunatament, l-Istitut iqis dan il-każ bħala pass lura u theddida diretta għall-ħidma tal-ġurnalisti f 'pajjiżna. L-IĠM jesprimi solidarjetà sħiħa maż-żewġ ġurnalisti konċernati li ġew trattati daqs kriminali għax tilfu kawża ta' libell." Qal ukoll illi ma kellhux joħroġ is-sekwestru qabel ma tinqata' l-kawża kostituzzjonali. Ma tantx kien għażla feliċi tal-kliem għaliex min jirċievi mandat ċivili bl-ebda mod m'hu kriminali imma huwa mezz kif il-kreditur jiġbor dak illi għandu jieħu mingħand id- debitur. Il-Kamra tal-Avukati, illi ma tiċċaqlaqx kif ġieb u laħaq, ħarġet ukoll stqarrija fejn ikkundannat dan l-editorjal. F'din l-istqarrija, il-Kamra qalet illi l-maġistrat illi ffirma s-sekwestru ma setax ma jiffirmax dan il-mandat u illi l-kawża kostituzzjonali ma twaqqafx l-esekuzzjoni ta' sentenza definitiva. Dawn huma żewġ affarijiet bażiċi u m'hux kontroversjali illi kwalunkwe avukat novell jaf. Jidher imma illi l-editur tas-Sunday Times, illi għal ġieħna huwa barrister ingliż, ma' jistax jifhimhom u l-avukati tiegħu l-anqas fehemhomlu. Is-Sunday Times, wara illi kienet dawret il- kanuni tagħha fuq l-uffiċjali tal- M.U.M.N., issa dawret il-kanuni tagħha fuq il-Kamra ta' l-Avukati u sostniet illi l-Kamra ma kellhiex tindaħal fi kwistjoni privata illi fiha ma kienetx involuta. U fuq is-sit ta' l-internet tat-Times il-kummenti ġeneralment kienu favur il-ġurnalisti u kontra l-Kamra ta' l-Avukati. Li nista' ngħid hu illi jiena bgħatt kumment kritiku ta' Steve Mallia illi ma deher qatt. Minn dan kollu, jiena fhimt illi l-ġurnalisti tas-Sunday Times jew is-Sunday Times innifisha għax diffiċli tiddistingwi bejn it-tnejn jippretendu illi ma jħallsux dak illi suppost iħallsu wara sentenza definittiva tal-qorti. Is-Sunday Times ma ddejqetx tattakka lill-uffiċjali tal-M.U.M.N. u takkużahom illi huma kienu biss wara l-flus u talbu l-ħlas minkejja li kienet saret kawża kostituzzjonali. Fl-istess ħin, is- Sunday Times ma aċċettatx illi korp kostitwit ieħor, il-Kamra tal-Avukati jikkritika il-posizzjoni tagħha. Insomma, donnu s-Sunday Times biss għandha raġun. Dina l-istorja tagħti lok għal bosta riflessjonijiet. L-istampa għandha poter kbir fid-dinja demokratika kollha. Imma dan il-poter, bħal kwalunkwe poter ieħor, irid jiġi eżerċitat b'mod għaqli u prudenti. Kulħadd jaf illi fl-era diġitali, lL- istampa għandha bosta pressjonijiet kummerċjali minħabba raġunijiet ta' ċirkulazzjoni. Għaldaqstant it-tentazzjoni illi wieħed joħroġ b'xi storja esklussiva u forsi anke sensazzjonali hija kbira. Imma l-istampa trid toqgħod attenta illi ma tħammieġx lil individwu mingħajr raġuni ta' xejn. Issa dan qed jingħad irrispettivament minn dan il-każ partikolari. Wieħed ċertament jista' jargumenta illi s-sentenza fil- konfront tal-ġurnalisti tas-Sunday Times kienet żbaljata u ma kinetx verament libelluża. Imma aħna l-avukati lkoll nifhmu illi sentenza, tajba jew ħażina, trid tiġi osservata. Altrimenti tikkrolla s-sistema kollha. Il-ġurnalisti tas-Sunday Times għandhom kull dritt jitolbu l-Qorti sabiex tneħħi l-mandat ta' sekwestru illi sar kontrihom : imma ma jistgħux jinjoraw sentenza definittiva ta' qorti. Għaldaqstant, il-posizzjoni tas-Sunday Times hija għal kollox m'hux aċċettabli u tmur kontra dak illi titlob is-saltna tad-dritt illi kulħadd jiġi ttrattat l-istess quddiem il-liġi u jkollu r-rimedji legali kollha għad-disposizzjoni tiegħu. L-istampa ma tistax tippretendi illi jkollha privileġġi illi ċittadini komuni m'għandhomx. Dan illi jidher illi qed jippretendi illi għandu jkollu Steve Mallia. Il-libertà tal-espressjoni m'hijiex in diskussjoni hawn. Ħadd m'hux inaqqas ir-rwol tal-istampa sabiex tesponi l-iskandli u l-inġustizzja kif rajna fil-każ ta' Watergate fejn il-ġurnalisti tal-Washington Post pprovokaw l-unika riżenja ta' president amerikan. Anke f 'pajjiżna m'hemmx dubju illi r-rappurtaġġ tal- MaltaToday dwar il-ħlasijiet illi kienu jsiru in konnessjoni max-xiri taż-żejt ħalla mpatt qawwi fl-aħħar elezzjoni. Imma dana ma jfissierx illi l-istampa tgawdi minn xi impunità jew xi immunità. Kien hemm każijiet fejn ġurnalisti żbaljaw bl-ikraħ. Ftit jiem ilu ntalbet ir- riżenja tal-president tar-reġjun siċiljan, Rosario Crocetta wara illi skond l-"Espresso", ma qal xejn f 'interċettazjoni telefonika meta ħabib tiegħu issuġġerilu illi għandha tinqatel it-tifla ta' Paolo Borsellino. Crocetta ċaħad illi qatt sema dawn il-kliem u żewġ prokuri ċaħdu illi għandhom x'interċettazzjoni f 'dan is- sens. X'jiġri jekk jirriżulta verament illi Crocetta għandu raġun u intant ikollu jirriżenja ? Għandna preċedent ta' dan. Erbgħin sena ilu, il-ġurnalista Camilla Cederna fetħet attakk feroċi kontra l-president taljan Giovanni Leone u fl-1978, ħarġet ktieb illi nħataf dwar l-irregularitajiet illi Leone u l-familja tiegħu suppost wettqu. Id-demokristjani fil-gvern taljan ma ddefendewhx u Leone ma tħalliex jiftaħ kawża għal libell illi minflok fetħuha t-tfal tiegħu. Cederna u l-"L'Espresso" tilfu l-kawża u nqerdu l-kopji kollha tal-ktieb. Imma intant Leone rriżenja minn president taħt sħaba sewda. Kien biss fl-1998 f 'għeluq id-90 sena tiegħu illi żewġ esponenti radikali illi kienu ukoll parti minn din il-kampanja, Marco Pannella u Emma Bonino skużaw ruħhom ma' Leone. Fi Frar li għadda, il-ġurnal ingliż, The Guardian irraporta illi l-propjetarji tad-Daily Telegraph, it-tewmin Barclay ordnaw lill- ġurnalisti tagħhom sabiex ma jikkritikawx lill-bank HSBC wara illi sellifhom £ 250 m għal negozju ieħor fl-imperu tagħhom. Jekk dan hu minnu, u ħadd ma ħarrek lil Guardian fir-rigward, ikun tassew każ ta' interferenza inaċċettabli fil-linja editorjali tal-ġurnal mill- propjetarji minħabba l-interessi kummerċjali tagħhom. Spiss il- ġurnali jippruvaw iżommu linja editorjali ndipendenti minn tali interessi imma m'hux dejjem jirnexxielhom. Għax jista' anke jkollok il-każ illi wieħed joqgħod lura milli jattakka kumpanija jew jiżvela xi storja għaliex jibża illi ser jitlef xi sors importanti ta' reklamar. Ħafna drabi dak li ma jingħadx mill-istampa huwa mportanti daqs dak li jingħad. Anke kif jiġu żvelati ċerti stejjer jagħti lok għal suspett ġustifikat ta' strumentalizzazzjoni. Kif qal dan l-aħħar l-editur ta' The Malta Independent, kulħadd jipprova jgħaddi stejjer lill-istampa ħalli jippromwovi l-interessi tiegħu. Tagħmel sew l-istampa illi tużahom dawn l-istejjer imma trid toqgħod attenta illi ma tkunx qiegħda biss tippromwovi l-aġenda ta' min jgħaddhielha l-istorja. Il-libertà ta' l-istampa hija fundamentali fid-demokrazija bħal dik tagħna. Imma l-membri ta' l-istampa m'għandhomx jippretendu privileġġi speċjali. Għandhom ikunu ċerti minn dak illi jgħidu u jekk jirvinaw ir-reputazzjoni ta' xi ħadd, għandhom jagħmlu tajjeb għal dan. Din m'hix xi ħaġa daqshekk diffiċli illi ssir. Din il-ġimgħa tħabbar illi membru tal-konsorzju illi ser jibni l-power station-il ġdida, Gasol, irtira mill-proġett. Kienet din il- kolonna illi ndikat għall-ewwel darba l-posizzjoni finanzjarja kritika ta' dina l-kumpanija illi daħlet għal proġett illi jinvolvi kapital ferm qawwi. Mill-accounts tal-kumpanija, dan kien jidher ċar daqs il-kristall. Minkejja ċ-ċaħdiet, ħadd ma ħarrek għal libell. U eventwalment ingħatajna raġun. Bħal kwalunkwe libertà oħra, il- libertà tal-istampa trid tiġi eżerċitata bi prudenza. U tikkomporta magħha obbligi. Min jonqos għandu jagħmel tajjeb għal tali nuqqas. Irridu nirriflettu ukoll jekk il-limitu attwali ta' € 11,500 huwiex biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għal min jirvinawlu karriera. Ir-riforma illi trid issir għandha ċertament ukoll tindirizza dan il-fatt. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph għall-aġġornamenti mix- xena internazzjonali. Ġurnaliżmu responsabbli JOE ELLIS