Illum previous editions

illum 26 July 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/546402

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 26 ta' Lulju 2015 Ħ afna qegħdin iħossu li l-Unjoni Ewropea għaddejja minn mument delikat ħafna meta għandha quddiemha żewġ problemi serji, il-kriżi donnha bla tmiem tal-Greċja u l-Ukrajna, li magħha awtomatikament tiġbed ir-relazzjoni tal-Punent mar-Russja. Għalkemm huma żewġ problemi li qiegħdin jiġu affaċċjati mill-UE, attwalment hija problema tal-kontinent sħiħ, inklużi l-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Unjoni. Jidher li l-proġett ta' Ewropa magħquda, imqar il-kunċett tiegħu, mhuwiex mhedded biss minn kwistjonijiet ekonomiċi (bħalma fil-wiċċ tidher il-kwistjoni tal-Greċja) imma minn fdalijiet storiċi li jmorru lura sekli sħaħ ta' differenzi kbar bejn pajjiżi differenti fi ħdan l-istess kontinent. Fil-qalba taċ- ċelebrazzjonijiet – u kważi ewforija - meta l-Unjoni Ewropea espandiet bis- sħubija ta' għaxar pajjiżi membri ġodda fl-2004, l-aktar dawk li kienu jiffurmaw parti mill- Unjoni Sovjetika u l-blokk Komunista, donnu li l-istorja ntesiet jew bdejna naħsbu li rranġajna, sewwejna, dawk id-differenzi li kien hemm. Iżda llum qegħdin nindunaw li l-qasmiet li kkaratterizzaw il-Kontinent l-Antik, jew ma ssewwew qatt jew reġgħu feġġew u ħasduna. Ir-Renju Unit ma jridx aktar emigranti minn dik li għadha tissejjaħ l-Ewropa tal-Lvant. L-Ungerija qiegħda tħejji biex tibni ħajt għoli erba' metri u twil 177km mal-konfini tagħha mas- Serbja biex iżżomm barra biebha l-immigranti li jkunu qegħdin iterrqu lejn il-Punent mit-Turkija via l-Greċja, il-Maċedonja u s-Serbja. Il-ħajt tal-Ungerija ma jistax ma jfakkarx f 'ħitan oħrajn, bħal dak fix-Xatt tal-Punent f 'Iżrael u dak f 'Berlin li twaqqa' fl-1989. Dawn ħitan fiżiċi, imma hemm oħrajn li ma jidhrux u minkejja l-inviżibilità tagħhom jinħassu mal-mument li tfeġġ, jew terġa' tfeġġ, xi kriżi politika jew ekonomika bħal dik Griega. Kien hemm min argumenta li l-mod kif il- mexxejja tal-Unjoni Ewropea 'solvew' il-kriżi Griega jixbah il-bini ta' ħajt li qata' lill- Greċja għaliha. Il-ħajt, allura, kemm jekk fiżiku, kemm jekk metaforiku, huwa realtà kulturali li spiss ikollna nħabbtu wiċċna jew rasna kollha magħha. Il-qalba tal-kunċett tal-ħajt hija t-tendenza kulturali li noħolqu u nemfasizzaw id- differenzi u d-distinzjonijiet; il-mod kif nittrattaw lil dawk li nqishom bħala 'l-oħrajn', jiġifieri dawk li mhumiex bħalna, mhumiex minn tagħna, mhumiex aħna. Id-differenza tar-razza tibqa' fenomenu soċjoloġiku realissimu. Wieħed għandu jintebaħ li filwaqt li dawn id-differenzi u distinzjonijiet jinsabu mifruxin hemm dejjem l-ispettru tal- Leminiżmu jħuf fil-kredu, li jisħaq li ta' ġewwa ġewwa u ta' barra barra. L-Ungerija trid tibni ħajt; u l-forzi Leminin f 'dan il-pajjiż, irrappreżentati mill-partit Fidesz ta' Viktor Orban, iridu saħansitra jintroduċu mill-ġdid il-piena kapitali u joħolqu kampijiet li fihom jinternaw dawk l-elementi 'terroristiċi' li jitfaċċaw minn barra. Dak li Orban irid lil pajjiżu jagħmel huwa għal kollox kuntrarju għal-liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda qed jiġbed is-simpatija ta' ħafna li jħossuhom mhedda mill- influss tal-barranin. F'artiklu ppubblikat dil- ġimgħa f ''Open Democracy', Marijn Nieuwenhuis jikkummenta dwar il- vjolenza fiżika tal-pulizija Olandiża fuq persuni ta' razez skuri. Mhijiex storja ġdida din u lanqas m'hi xi fenomenu strettament Olandiż lanqas. Każi ta' attakki brutali minn pulizija fuq ċittadini suwed iseħħu ta' spiss anki fl-Istati Uniti, xi drabi anki jwasslu għall-qtil. Imma l-artiklu ta' Nieuwenhuis għandu jinkwieta lil bosta għaliex jikxef il-mod kif anki fl- Olanda, pajjiż li kien xempju ta' kultura multikulturali, il-forzi tal-ordni jħaddnu u jħaddmu sistemi ta' profil razzjali li, bażikament, jisħqu li r-razez għandhom profil ġenetiku li jikkaratterizzahom u jiddistingwihom minn oħrajn. F'Malta wkoll, m'għandniex xi ngħidu, hawn dawn l-istess kurrenti għaddejjin. Il-każ riċenti ta' Daboma Jack għandu jallarma lil ħafna, mhux biss għall-mod kif il-pulizija 'ħadet ħsieb' lil Daboma, daqskemm għall- mod kif ħafna ma raw xejn ħażin f 'dak li ġara. Allura tibda tifktakar li dan huwa pajjiż iffortifikat, li meta tersaq lejh bil-baħar huma l-ħitan għolja u sammi li jiġbdulek l-għajn. F'Tas-Sliema hemm min irid itella' xi torri 'l hemm u 'l hawn fi proċess li diġà sab min sejjaħlu d-Dubajifikazzjoni ta' Malta. Mhumiex torrijiet umli għad-difiża tal-pajjiż bħal dawk li kien tella' De Redin. Huma monumenti lill-lussu, lill-estravaganza li saret il-kejl tal-progress. U skont ma jgħidulna dawk li jridu jtellgħuhom, huma problem- free wkoll. F'Tas-Sliema hemm ukoll ħajt f 'waħda mill-irkejjen l-aktar koroh ta' dan il-lokal. Ħajt għoli, xejn speċjali, b'ebda sinifikat jew użu politiku. L-artist Franċiż MTO (Mateo) pitter mural ma' dan il-ħajt, li juri raġel minn wara qiegħed jagħti l-aħħar pass huwa u dieħel fil-ħajt. Sab toqba u daħal fiha? Irnexxielu jaqla' erba' knaten u se jitħaxken 'il ġewwa? Se joħroġ minn xi mkien lejn in-naħa l-oħra tal-ħajt jew jidħol xi mkien minn ġol-ħajt? Jew dar- raġel qiegħed jidher ħiereġ aktar milli dieħel? Dan huwa s-sabiħ tal-mural: li juri xi ħaġa li mhijiex ċara f 'dik li hi, minkejja s-sempliċità (qarrieqa) tagħha. L-isfrundar tal- ħajt huwa suġġett ta' ħafna graffiti li kienu jidhru fuq il-ħajt ta' Berlin u issa fix- Xatt tal-Punent. Donnu li aktar ma ntellgħu ħitan aktar nixtiquhom jisparixxu, imma anqas ma narawhom aktar nippretenduhom u nħossu l-ħtieġa tagħhom. Donnu li ma rridux nemmnu fl- assenza tagħhom. Forsi dak ir-raġel tal- bermuda aħmar irid jaħrab xi mkien minħabba l-għeluq mhux biss ta' Tas-Sliema li tnibbet it-torrijiet imma anki l-għeluq li t-tendenzi xenofobiċi li hawn fostna qegħdin joħolqu. Jekk, mill-banda l-oħra, dak ir-raġel ħiereġ minn ġol-ħajt għal ġo Tas-Sliema, nappellalu ma jsoddx it- toqba warajh biex xħin jinduna f 'liema soffokazzjoni daħal ifittex jerġa' jitlaq lura. "llum qegħdin nindunaw li l-qasmiet li kkaratterizzaw il-Kontinent l-Antik, jew ma ssewwew qatt jew reġgħu feġġew u ħasduna" IMMANUEL MIFSUD TAL-BERMUDA AĦMAR Il-mural f 'Tas-Sliema tar-raġel bil-bermuda aħmar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 July 2015