Illum previous editions

illum 2 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/550025

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 02 ta' Awwissu 2015 | illum 15 KIF NAĦSIBHA Riżultati u viżjoni fil-qasam tas-saħħa BĦALISSA l-Gvern għaddej b'negozjati intensivi mal- Vitals Global Healthcare (VGH) dwar investiment massiv fil-qasam tas-saħħa f 'Malta u Għawdex. Dawn in-negozjati, illi fil-ġranet li ġejjin ser jinkludu l-unions tal-ħaddiema u tal- professjonisti fl-isptarijiet tagħna, ser iġibu titjib sostanzjali fil-kura tas-saħħa għall-pazjenti. Fil-fatt hija l-intenzjoni tagħna li nagħmlu minn Malta Ċentru Internazzjonali ta' Eċċellenza fil-qasam tal- Mediċina u dan il-ftehim mal-VGH ser ikun pass sinifikanti f 'din id-direzzjoni. Dan l-investiment barrani ser iwassal biex jinbena mill-ġdid l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, jigi rranġat mill-qiegħ l-Isptar Karen Grech u jerga' jingħata ħajja ġdida St. Luke's. F'Għawdex ser jinbena sptar ta' 450 sodda f 'faċilitajiet ta' livell mondjali. Dawn il-faċilitajiet ser jinkludu tagħmir u apparat ġdid u modern inkluż hyperbaric chamber akbar u ITU spazjuz. Ser ikollna sodod għar-rijabilitazzjoni, kif ukoll spiżerija u dipartiment tal-emerġenza ġodda. Huwa ppjant ukoll li l-isptar il- ġdid ta' Għawdex jibda jilqa' fih tobba u speċjalisti ta' fama internazzjonali li ser jikkomplimentaw il-ħila diġà għolja tat-tobba Maltin u Għawdxin. F'Għawdex ukoll ser ikollna ċentru tas-saħħa primarja ġdid, waqt li dak tar-Rabat jibqa' miftuħ ukoll. Viċin l-isptar imbagħad ser ikun hemm l-iskola medika ta' Barts u ċentru tar-riċerka illi ser iġibu lejn Għawdex mijiet ta' studenti barranin. Din l-iskola medika waħidha mistennija tħalli €10 miljun fis-sena fl-ekonomija ta' Għawdex - iġifieri fil-bwiet tan-negozji u l-familji Għawdxin. L-Isptar Karen Grech ser jibqa' sptar tal-ġerjatrija imma ser ikollu tisbieħ u rranġġar qawwi. Min-naħa l-oħra, St Luke's, wara snin abbandunat mill-gvern preċedenti ser jerġa' jinfetaħ bħala sptar. Filfatt St Luke's ser jilqa' ġo fih l-ewwel sptar tar-rijabilitazzjoni ġewwa Malta. Dan l-isptar ser ikun mgħammar b'tagħmir modern u sofistikat, u ser ikollu wkoll ambjent xieraq fejn il-professjonisti bravi tagħna ikunu jistgħu jagħtu servizz tal-ogħla kwalità. Matul in-negozjar mal- VGH ir-rappreżentanti tal-ħaddiema mhux biss ser ikunu konsultati imma se jiġu mistiedna biex ikollhom parti attiva fid-diskussjonijiet. Dan għax nemmnu illi l-aħjar servizz lill-pazjent jingħata minn professjonisti u ħaddiema li jkunu kuntenti f 'xogħlhom. Irridu niżguraw ukoll li l-professjonisti Maltin ikollhom l-okkażjonijiet kollha li jkomplu javvanzaw fil- karriera tagħhom. Sfortunatament, meta jara dan il-ġid kollu, l-partit fl-Oppożizzjoni minflok ma' jiġbed ħabel wieħed mal-Gvern, qiegħed jara kif jagħmel biex jipprova jbeżża' u jtellef. Din il-ġimgħa stess fuq il-paġna ta' quddiem tal- gazzetta tal-PN, ħarġu bi storja qarrieqa dwar suppost ħlas fl-isptar ta' Għawdex. Qalu li l-isptar qed jitlob ħlas għal 'collar and cuff '. Dan m'hu xejn ħlief qerq. Il-fatti huma eżatt bil-maqlub. Fi żmien meta l-Isptar ta' Għawdex kien taħt il-ministeru ta' Giovanna Debono kien jintalab ħlas għal 'collar and cuff ' iżda malli tela' Gvern Laburista u l-isptar ġenerali ta' Għawdex reġa ġie taħt il-ministeru tas-saħħa, aħna neħħejna dan il-ħlas u żgurajna illi s-servizz ikun bx'xejn. Is-servizz kollu tas-saħħa għall-Maltin u l-Għawdxin ser jibqa' b' xejn u mingħajr ħlas. Naturalment dawn il- proġetti, kbar hemm huma kbar, m'humiex l-unika inizjattivi li qegħdin nieħdu fil-qasam tas-saħħa. Indirizzajna mal-ewwel u b'suċċess kbir il-problema li writna tal-mediċini out of stock. Minn mijiet ta' mediċini li taħt gvernijiet Nazzjonalisti ta' kuljum kien jkunu out of stock, illum huma biss il-waħdiet. Qabel l-elezzjoni għidna li l-mediċini out of stock għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola - u dan wettaqnieh. Qegħdin nieħdu ħsieb ukoll biex inaqqsu l-waiting lists ma jispiċċaw qatt li ħallewlna ta' qabilna. F' ħafna oqsma diġà għamilna progress kbir u fil-ġranet li ġejjin ser inħabbru inizjattiva ġdida biex inkompli naqgħtu l-waiting lists. Fid-dipartiment tal- emerġenza f 'Mater Dei ukoll sar titjib kbir. Naqqasna b' mod sostanzjali l-ħin ta' stennija biex pazjent jinqegħda f 'dan id-dipartiment. U kif ħabbarna din il-ġimgħa stess, fil-ġimgħat li ġejjin, għal ewwel darba f 'pajjiżna, ser ikollna emerġenza ddedikata speċjalment għat-tfal. Problema kbira li ħallew il-PN hi n-nuqqas ta' sodod f 'Mater Dei. Anke hawnhekk il-pjanijiet tagħna mixjin sew. Biswit l-emerġenza tiela' blokk bini ġdid, u minkejja l-iskandlu Nazzjonalista tal- konkrit dgħajjef, sa tmiem din is-sena ser ikollna żewġ swali ġodda bi 68 sodda oħra. Sa nofs Awwissu mbagħad ser nibdew nagħtu l-kura tar-raġġi f 'każijiet ta' kanċer fl-isptar il-ġdid tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo. Anke hawnhekk hawn storja. Għax l-apparat li jagħti r-raġġi, u li jiswa l-miljuni, li kien ordna l-gvern preċedenti kien diġà antik. U kellna nkunu aħna li nbidlu l-ordni sabiex issa se jkollna l-aqwa apparat li jeżisti fid-dinja. Bdejna b'suċċess is-servizz tal-IVF minn Mater Dei. Sa l-aħħar ta' din is-sena ser ikunu ħadu dan is-servizz mal-150 kopja. Issa wasal iż- żmien illi niflu kif qed taħdem fil-prattika l-liġi tal-IVF ħalli naraw kif nistgħu nagħmluha aktar inklussiva u kif nistgħu ntejbu r-rata ta' suċċessi. Filfatt waqqafna kumitat ta' esperti u ftaħna l-proċess għal konsultazzjoni pubblika. Ftaħna Youth Residence viċin Monte Karmeli, sabiex tfal u żgħażagħ li jkollhom bżonn kura mentali akuta ma jkollhomx għalfejn jinżammu fis-swali tal-kbar. Daħħalna konsulent speċjalizzat fil-kura mentali tat-tfal għax nemmnu illi biex intejbu s-servizz, irridu mhux biss bini ġdid imma ukoll tobba u staff speċjalizzati. Fil-qasam tal-kura fil- komunità mbagħad qed nagħmlu avvanzi kbar. Qed intejbu u nżidu s-servizzi miċ- ċentri tas-saħħa. Daħħalna magni diġitali tal-X Rays fiċ- ċentri tas-saħħa, bdejna kliniċi tal-worfarina, ftaħna servizzi speċjalizzati bħal ma huma tal- fibromyalgia u tal-qalb u tajna faċilitajiet akbar lit-tobba tal- familja biex jordnaw testijiet. Qed naħdmu mal-kunsilli lokali biex nagħtu ħajja ġdida lill-bereġ fil-bliet u rħula tagħna. Anke f 'dan il-qasam tal-kura primarja għandna pjanijiet oħra ambizzjuzi għax- xhur li ġejjin. Flimkien mal-ispiżjara tagħna qegħdin nirrevedu l-formolarju tal-Gvern u qed indaħħlu mediċini ġodda bħal ma huma l-mediċini tad- dijabete. L-isfidi fil-qasam tas-saħħa huma kbar. Imma r-riżultati li diġà ġibna f 'dawn ix-xhur ta' ħidma, l-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna u l-viżjoni li għandna għal futur jimlewna b'kuraġġ li nagħmlu s-servizz tas-saħħa f 'Malta l-aqwa fir-reġjun. Chris Fearne hu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa CHRIS FEARNE Dehra artistika ta' kif se jkun jidher l-Isptar St Luke's "Meta l-Isptar ta' Għawdex kien taħt ta' Giovanna Debono kien jintalab ħlas għal 'collar and cuff ' ... aħna neħħejna dan il- ħlas u żgurajna illi s-servizz ikun b'xejn.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 August 2015