Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/550025
Il-Ħadd 02 ta' Awwissu 2015 | illum 17 M a tantx nidhru nkwetati : skont l-aħħar Eurobarometer illi ħareġ ftit jiem ilu, 81% tal-Maltin iħossu illi l-qagħda ekonomika hija tajba. L-aktar żewġ kwistjonijiet illi jinkwetawna huma l-immigrazzjoni (76%) u l-ambjent, il-klima u l-enerġija (25%). Mill-banda l-oħra, il-kwistjonijiet ekonomiċi inkwetawna ferm anqas : il-qagħad (5%), il-qagħda ekonomika (6%), l-inflazzjoni (11%), il-pensjonijiet (12%) u d-dejn pubbliku (7%). L-opinjoni tal-Maltin tidher illi hija l-frott ta' bosta riżultati pożittivi illi l-gvern ma naqasx illi jagħsar għall- valur propagandistiku tagħhom: il-ġestjoni ekonomika hija importanti fil-logħba elettorali u għal żmien twil, il-Partit Laburista (PL) kien meqjus illi m'huwiex tajjeb fiha daqs in- Nazzjonalisti. Sabiex jerġa jakkwista l-poter, il-PL kellu jikkonvinċi lill- elettorat illi l-kredenzjali tiegħu fit- tmexxija ekonomika huma tajbin daqs, jekk m'hux aħjar, tan-Nazzjonalisti. F'dawn l-aħħar sentejn, il-Prodott Gross Domestiku rreġistra żieda konsistenti, ħafna aħjar mill-medja tal-Żona Ewro u kemm il-qagħad u d-dejn pubbliku niżlu sew. L-iħirsa tal-ġestjoni ekonomika diżastruża tas- snin tmenin jidhru illi ġew itturufnati darba għal dejjem. Il-bnazzi jidher kullimkien u l-konsum domestiku jidher illi rpilja sew mill-istat illi kien waqa' fih qabel u wara l-elezzjoni. Anke s-settur tal-propjetà jidher illi reġa ngrana u min hu intiż jgħidlek illi l-IIP, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, qiegħda tkattar il-bejgħ ta' propjetà ta' valur. Anke r-rating agencies jidhru illi qed jirrikonoxxu l-progress ekonomiku ta' Malta : fil-15 ta' Lulju li għadda, Standard & Poor's stqarrew illi "In our view, Malta's economic growth prospects remain strong relative to its EU and 'BBB' rating category peers. We expect budgetary consolidation to continue, leading net general government debt to decline to 55% of GDP in 2018, from 59% in 2014. We are therefore revising our outlook on Malta to positive from stable and affirming our 'BBB+/A-2' ratings." F'dan l-isfond, huwa faċli ħafna illi min hu responsabbli għall-qagħda ekonomika fil-pajjiż jirrilassa u jassumi illi m'hemmx fuq xiex wieħed iħabbel rasu. Fl-opinjoni tiegħi, dan ikun żball kbir għax il-qagħda ekonomika faċilment tinbidel. Il-gvern attwali kien xortih tajba f 'ħafna aspetti: il-qagħda f 'bosta pajjiżi għenet sabiex it-turiżmu kiser rekord fuq rekord, il-prezz taż-żejt nieżel minn $ 110-il barmil għal anqas minn $ 50 u minħabba l-gwerra ċivili fil-Libja, ġew fostna bosta Libjani illi jonfqu sew. Malta bdiet tgawdi ukoll il-frott ta' investimenti kapitali illi sar jew beda taħt il-gvern preċedenti bħall-impjant tal-B.W.S.C., illi minkejja l-kritika ħarxa kienet il-lixka biex iċ-Ċiniżi ħadu 33% tal-Enemalta, u illi qabel ma' nbiegħ kien qiegħed jiffranka lill-Enemalta € 1 m fil-ġimgħa u l-interconnector illi jiżgura x-xiri ta' enerġija irħas mill-kontinenti. Il- kritiċi tal-gvern isostnu ukoll illi ħafna mit-tkabbir ekonomiku ġie alimentat miż-żieda fl-impjieg pubbliku mill- elezzjoni 'l hawn, illi ukoll għin sabiex ir-rata tal-qagħad niżlet sew. Fil-fatt, illum, bosta setturi ekonomiċi bħal- lukandi, ristoranti u bars jiddependu fuq il-ħaddiema barranin għaliex ma jsibux ħaddiema maltin. Madankollu, m'hux kollox ward u żahar u jeżistu bosta sinjali negattivi illi jeħtieġu illi jiġu indirizzati jekk ma rridux nistiednu l-inkwiet. L-istess rapport ta' S & P jgħid : "Among core domestic banks, the increase in nonperforming loans (NPLs) to 9.1% of total loans as of March 2015 remains a challenge for the economy, with almost half of NPLs in the construction and commercial real estate sectors." Jidher ċar illi l-oqsma tal-kostruzzjoni u tal- propjetà għadhom taħt pressjoni. M'għandniex l-ispazju illi nitkellmu dwar il-problemi kollha tal-ekonomija Maltija imma tajjeb illi niffukaw fuq problema illi jidher, minn rapporti riċenti, illi qiegħda dejjem tikber: dik ta' l-aċċess għall-kreditu. Ir-rapport riċenti tal-Bank Dinji, "Doing Business 2015" illi jipprova jistabilixxi fejn huma l-aktar kundizzjonijiet faċli sabiex wieħed jagħmel in-negozju ma tantx kien komplimentuż fir-rigward ta' Malta. Ġejna fl-94 post, l-aħħar fost il-pajjiżi tal-U.E. L-ironija, jekk tista' tgħidilha hekk, hi illi fir-rigward tal-ħlas ta' taxxi, pajjiżna neħħa l-burokrazija sew u qegħdin fis-26 post imma biex wieħed jibda negozju, qegħdin fl-136 post, biex tieħu permess tal-bini fil-109 post, biex tieħu d-dawl fil-114-il post imma l-agħar hu biex wieħed jakkwista kreditu fejn qegħdin fil-171 post minn 189, fl-istess post bħall-Alġerija, is-Suriname, Burundi u Seychelles. Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta' Frar li għadda ukoll aċċenna sew għal din l-problema: "Filwaqt li d-depożiti komplew jiżdiedu b'ritmu sod, is-self staġna. Wara perjodu ta' staġnar fl-2009-10, ...fl-2014, id- depożiti tal-unitajiet domestiċi żdiedu b'10 %, rata ta' tkabbir ogħla b'mod sinifikattiv mill-medja storika. Fl-istess ħin, l-għoti ta' self, partikolarment għall-impriżi, kien dgħajjef, li jindika nuqqas ta' tqabbil bejn id-domanda għall-kreditu u l-provvista tagħha. Dan irriżulta f 'titjib tal-likwidità għall- banek Maltin...u kkontribwixxa għal titjib sinifikanti fil-bilanċ estern nett tal-ekonomija... Rati għolja ta' imgħax għal self korporattiv u standards stretti ta' kreditu, madankollu, qed ikomplu jdgħajfu d-domanda għall-finanzjament mill-banek." (traduzzjoni - pjuttost imqanżħa - tal- Kummissjoni). Żewġ rapporti riċenti tal-Bank Ċentrali ta' Malta juru kemm il-qasam bankarju f 'pajjiżna m'huwiex qiegħed jaqdi r-rwol tradizzjonali illi jipprovdi l-kreditu lill-qasam kummerċjali. Fit-22 ta' Ġunju 2015, il-B.Ċ.M. ippubblika studju ta' Brian Micallef intitolat "Estimating a credit gap for non-financial corporations in Malta". Skont dan l-istudju illi ma ngħatax l-importanza illi jixraqlu mill-istampa u mill-klassi politika, kieku r-rata ta' self kompliet bir-rata illi ġiet reġistrata bejn l-1995 u l-2011, fl-2012 tfaċċa "credit gap" (id-differenza bejn is-self tal-banek u dak illi messu ġie misluf) stmat bejn €680 miljun u €830 miljun fl-2014. Din id-diskrepanza mistennija tkompli tikber u tkun bejn €840 miljun u €1,150 miljun fl-aħħar tal-2016. Dan ifisser illi s-settur kummerċjali malti ser ikun imċaħħad minn ċirka € 1 biljun fi kreditu illi żgur ser ixekkel l-iżvilupp tiegħu. Kif is-sur Micallef ġustament ikkonkluda, "Estimates of the credit gaps outlined in this paper are a source of concern for a country like Malta where the overwhelming majority of businesses are micro enterprises or SMEs, which, in the absence of a deep and liquid capital market and without the access to external financing from parent companies, are generally more reliant on bank financing than larger firms. If banks reduce their exposure to certain business lines, due perhaps to the pressures of a more difficult regulatory environment, to start- ups, SMEs or long-term financing of infrastructure projects, this could ultimately have an adverse impact on the economy's supply potential." Rapport aktar riċenti tal-1 ta' Lulju 2015 tal-B.Ċ.M., "Market failures in the Maltese banking sector" huwa att ta' akkuża serja għas-settur bankarju Malti: minkejja illi l-Loan to deposit ratio (l-ammont ta' self bħala proporzjon tad-depożiti bankarji) huwa 75% kontra 62% fil-Belġju u 165% fil-Fillandja, għandna l-"credit gap" illi semmejna. Ir-rapport jgħid l-ovvju illi "Maltese firms rely on bank financing as there are few other alternatives available. Capital markets are not a popular way to finance Maltese SMEs. Business angels, venture capital funds, mezzanine finance, and other sources of finance are scarce in Malta." u jikkwota l-F.M.I. illi "Cost of capital is relatively high, despite abundant liquidity and despite adequate solvency." Intqal ukoll illi "While the level of NPL's is close to the best performing countries, lending rates are approaching those of stressed economies". Ir-rapport isemmi illi l-banek Maltin jiffiguraw fl-ewwel post f 'bosta kategoriji imma dan għal raġunijiet żbaljati : għandhom l-ogħla ritorn fuq l-assi qabel it-taxxa fiż-żona ewro, l-ogħla ritorn fuq l-ekwità tal-banek domestiċi u l-ogħla marġni ta' intermedjazzjoni. Dan il-marġni huwa d-differenza bejn r-rati medji tal-imgħax fuq self u fuq depożiti. Minkejja illi l-imgħax illi jħallsu l-banek fuq id-depożiti huwa bħal ta' pajjiżi oħra, ir-rati ta' l-imgħax illi jitolbu għas-self huma relattivament għoljin. Jekk wieħed jifli l-istrateġiji kummerċjali tal-banek lokali, wieħed jara illi dawn saru jiffukaw fuq self għall-ewwel dar u fuq xiri ta' karozzi, dgħajjes u prodotti domestiċi oħra. Il-banek lokali jippreferu jiffinanzjaw l-industrija ta' pajjiżi oħra minn dik lokali illi potenzjalment hija aktar riskjuża. Imma quddiem dina s-sitwazzjoni illi qiegħda xxekkel l-iżvilupp ekonomiku, il-gvern huwa totalment passiv. Jekk wieħed jara n-National Reform Programme mniedi mill-Ministeru tal-Finanzi f 'Marzu li għadda, ma ssibx l-iċken aċċenn għal din il-qagħda fis- settur bankarju. Dak li tiżra, taħsad. Minkejja illi l-ekonomija għadha għaddejja fuq il-momentum tal-ħidma tal-gvern preċedenti u ċirkostanzi partikolari illi aġevolawha, ħażin għal min jaħseb illi dan bilfors ser jibqa' jkun il-każ fil-futur qarib. Segwi l-aħħar żviluppi nternazzjoni fuq il-profil tiegħi ta' Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Ma Jinkwetax Min Ma Jridx JOE ELLIS