Illum previous editions

illum 2 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/550025

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 02 ta' Awwissu 2015 I l-każ tal-attur John Suda li jinvolvi l-allegat korruzzjoni ta' tfajla ta' 22 sena li marret biex "iħarriġha" fit-teknika televiżiva-drammatika aktarx intuża bħala diversiv biex l-attur popolari joħloq skandlu sensazzjonali li jaljena lill- popolin. Jaljenah minn media fatigue dwar skandli immorali bil- wisq akbar u li warajhom hemm il-poter tal-istat: il-Cafè Premier, il-binja ta' Triq Zekka, it-tpartit tal-art agrikola, il-korruzzjoni fi ħdan il-MEPA, in-negozjar tal-BOV ma' Segretarju Parlamentari, eċċetera. Suda forsi kien iblah biżżejjed u ċeda għall-istinti fraġli sesswali li wrewh bħala artist ta' "immoralità baxxa". Imma nistaqsi: l-immoralità belha ta' dan l-attur veteran ta' 64 sena, li fi tliet ijiem wasslitu fil-Qorti, hi aktar perikoluża għall-pajjiz mill-iskandli tal- politiċi u dawk qrib tagħhom? Kif se jiġu skużati l-iskandli sanzjonati politikament? Nistaqsu: min hu l-aktar immorali Suda,Gaffarena, jew uffiċjali għolja fil-korp tal-Pulizija? Suda jew il- korruzzjoni fil-MEPA? (Fi Frar 2009 kien hemm 73% li f 'survey tal-Eurobarometer qalu li l-uffiċċjali tal-MEPA huma l-aktar korrotti abbażi ta' dak kollu li ġara taħt Gvern tal-PN. Fi Frar 2014 il-figura niżlet għal 53% filwaqt li fi Frar 2012 60% qalu li l-MEPA hi aktar korrotta mill-politiċi u l-ġudikatura). John Suda, forsi għax mogħmi bil-popolarità, kiser l-etika tat-teatru serju. Kien irrappurtat li wettaq erba' żbalji gravi: (a) mexxa audition one-to-one, (b) mexxieha bil-bieb magħluq; (c) żamm iċ-ċavetta fil-but u (d) għammad lill-attrici għal prattiċi insoliti. Iżda aktarx Suda ntuża biex ikun manipulat mill-mezzi tax-xandir. L-ewwel splaxxjat l-iskandlu t-Times fl-ewwel faċċata, imbagħad l-istess gazzetta marret biex tieħu l-fehmiet tal-istess magħżulin tas-soltu (ibda mill-Università u spiċċa fi skejjel bi franchise kummerċjali tad-drama) biex ikomplu jsallbu lill-attur anzjan. Imma talinqas meta John Suda inqabad "bil-qalziet imniżżel" irriżenja mill- proġett li kien imdaħħal fih. Imma f 'Malta kemm għandna uffiċjali pubbliċi / politiċi li wkoll jinqabdu bil-qalziet imniżżel u kellhom kuraġġ jirreżenjaw minn karigi li jitlobu integrità etika u morali. Forsi Suda qed iservi ta' scapegoat konvenjenti. Nittamaw li fil-qorti niskopru x'inhi l-verità kollha biex kulħadd jieħu li ħaqqu. U l-attriċi li marret għall- audition ma' Suda tinħeles mit-trawma tagħha. MANWEL DIMECH U L-MANIPULAZZJONI Meta Malta tinsab assedjata kontinwament minn stejjer notorji ta' korruzzjoni ta' issa u tal-imgħoddi riċenti, għaliex il-Maltin jinsabu reqdin, tant mansi quddiem il-pakketti ta' privileġġi li dejjem ingħataw dawk li jafu kif iħokku mar- reġim? Bħala nsara li suppost jimxu wara ribell eżemplari għaliex moħħhom fl-ikoni u l-festi u l-akbar pavaljun li qatt inħadem? Fit-tempju tal-inġustizzja, tal-arroganza u l-indulġenzi, għaliex il-Maltin ma jafux jirrikonoxxu l-manipulazzjoni tal-imħuħ, għaliex ma jafux kif jipproteġu lilhom infushom mill-klieb il-baħar? X'inhu l-kunċett tal-libertà fil-Maltin? Għaliex iħallu li jkunu iddominati mill-klassi politika? Biex nikkwota lill-Imhallef Amerikan ċitat fil-bidu ta' The Naked Society ta' Vance Packard (1964): "Il-libertà għandha l-għeruq tagħha fi qlub l-irġiel u n-nisa, meta tmut hemm, ebda istituzzjoni, ebda liġi, ebda qorti ma jistgħu isalvawha." Il-Maltin ma jidhrux li jafu kif jipproteġu l-libertà u d-drittijiet tagħhom kontra l-abbuż politiku tal-potenti, ta' naħa jew oħra. U la qegħdin fiha, għaliex il-Maltin jilagħbu ċaqlembuta bil-poter? Ħames snin jafdaw partit u ħames snin lill-partit l-ieħor? Imma l-istorja tibqa' dejjem l-istess. Għaliex il-Maltin jibżgħu mit-tielet jew ir-raba' partit? Għax il-poplu ipplakat bħala kompliċi mal-kbarat? Għax qed jistennew il-mument meta jkun imisshom jieħdu xi ħaġa? Xi ħaġa aħjar minn 58 ċenteżmu żieda fil-ġimgħa? Għaliex l-immoralità politika m'hijiex ikkonfrontata b'mod aggressiv u ribell? Għaliex il-poplu ma ġibidx flusu mill-bank li nnegozja skandlu ma' Segretarju Parlamentari? Ghaliex m'okkupax il-bini tal-Cafè Premier jew il-binja ta' Triq Zekka? Kif se nintroduċu xi sistema ta' lie detection kontra l-politiċi? Kif se nintroduċu stripping mechanism biex ma nibqgħux immexxijin minn imneħirna? Manwel Dimech sparixxa darba għal dejjem u baqa' biss l-istatwa tiegħu? Meta se jitfaċċa Manwel Dimech ieħor biex iqajjem lill-Maltin? Jew Kristu iehor ineħħi l-ħabel minn ma' ħżiemu biex isawwat lill-korrotti Insara? PSI JISBEL GĦALL- "PROĠETT PIANO" Sorsi nfurmati tajjeb għarrfuni li l-Professur Peter Serracino Inglott, id-dekan tal-intellettwali progressivi Maltin, qatt ma rrabja daqskemm meta kien approvat il-proġett tal-fetħa tal-Belt. Mur ġib lill-Professur stmat jara l-Kamra tad-Deputati llum, kif pasparha l-perit "ta' fama mondjali." Hemm xhieda li semghu lil PSI jisbel, imma jibqgħu kwieti, b'denbhom taħt il-blat. Għaliex tgħid? MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI "Min hu l-aktar immorali Suda,Gaffarena, jew uffiċjali għolja fil-korp tal- Pulizija? Suda jew il-korruzzjoni fil-MEPA?" Il-każ John Suda u immoralitajiet oħrajn "Fit-tempju tal-inġustizzja, tal-arroganza u l-indulġenzi, għaliex il- Maltin ma jafux jirrikonoxxu l-manipulazzjoni tal-imħuħ, għaliex ma jafux kif jipproteġu lilhom infushom mill- klieb il-baħar?" Suda kien iblah biżżejjed u ċeda għall-istinti fraġli sesswali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 August 2015