Illum previous editions

illum 9 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/553118

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 09 ta' Awwissu 2015 N ikbru u dejjem nitgħallmu. Anke mill-kontroversji nitgħallmu. Ġieli nitgħallmu tard u ġieli naħsbulu minn qabel. Wara l-kontroversja ta' Gaffarena, kulħadd tgħallem. Kemm dawk li jinsabu fl- għajn taċ-ċiklun u kif ukoll dawk li m'humiex. Iżda bis-saħħa tas-Sur Gaffarena tgħallimna aktar minn ħaġa waħda. Tgħallimna li m'aħniex trasparenti biżżejjed u li min jiskonġra jrid ikun pur. Tgħallimna, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, hemm liġijiet li jridu jinbidlu malajr. Tgħallimina li fil-politika is- suċċess ta' sistema mhux biss li tkun tajba mill-bidu, iżda l-għażla tan-nies li jridu jħaddmuha, hija essenzjali. Għalija l-ewwel tagħlima hi, li żgur hemm bżonn malajr bidla fil-liġijiet tal-istampa. Minn ta' Gaffarena tgħallimna li l-mira ta' min iħossu mmalafamat u inġurjat m'għandux ikun min jirraporta l-aħbar, iżda s-sors tal-aħbar. Bħal f 'ħafna kontroversji oħrajn li rajna, qed naraw u ser inkomplu naraw anke dawk li jiġu warajna, f 'dawn iċ-ċirkostanzi, il-libelli jibdew itiru aktar miż- żnazan fuq il-ward. Bħalli qallu li politikament il-qrati huma l-oraklu ta' Delphi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħassu offiż. Jidher li se jibda jfaqqa' l-libelli minn kull kantuniera li jsib. Fil-każ ta' Gaffarena faqqa' mhux anqas minn ħames libelli. Issa jridhom li jinstemgħu b'urgenza, b'hekk ħadd ma jakkużah li mhux mgħaġġel. Jista' wkoll hemm raġunijiet oħra għalfejn irid l-urġenza. Iżda għalissa, dawn inżommhom għalija. Kontra kulħadd faqqa' libell. Barra kontra s-Sur Gaffarena! X'irid jgħid biha, jiena ma nafx, iżda jrid jiġġieled mad-dell tas-sors u mhux mas-sors innifsu. Din diġà ġrat f 'każ ieħor. Fil-każ ta' meta Charles Magro allega fil-konfront ta' Tonio Fenech li bejn Tonio u l-aħwa Montebello kien hemm aktar minn relazzjoni ta' klijent u kuntrattur. Flok bil-libelli kontra Charles Magro, is-sors tal-istorja, Tonio għażel li jattakkka lill-ġurnalisti li rraportaw x'qal Magro. Simon għamel l-istess ħaġa, sakemm ma ħax parir mingħand Tonio Fenech! L-argument tiegħi huwa wieħed. Naħseb li fil-liġi tal-istampa għandu jkun hemm xi xorta ta' regola. Li qabel, ma tagħmel libell lil min irraporta l-aħbar, għandek l-ewwel tattakka legalment lis-sors ta' dik l-aħbar. Tal-inqas, jekk dak li jkun jagħmel libel, għandu jagħmlu wkoll kontra s-sors magħruf tal-aħbar. Niddejjaq nara li jsiru libelli biex jgħalqu ħalq il-ġurnalist. It-tieni tagħlima li ta s-Sur Gaffarena hi, kemm hawn ħtieġa malajr ta' liġi li tirregola l-finanzjament tal-Partiti. Il-liġi tal-finanzjament tal-partiti ilha aktar minn 25 sena fuq ftila waħda. Kemm kien ilu fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista wiegħed din l-liġi mhux anqas minn erba' drabi. Iżda fl-erba' legislature, qatt m'għamel xejn. Kieku kienu daqstant ġenwini, kieku llum m'humiex jistaqsu jekk il-Partit Laburista rċeviex donazzjonijiet mingħand is-Sur Gafferena. Kien hemm żmien meta kien qrib il-Partit Nazzjonalista. M'għandi ebda dubju li xi donazzjonijiet, ta lill-Partit Nazzjonalista. Bħalma għamel Żaren Vassallo kif ammettew żewġ Segretarji Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li nqabdu mas-Sur Żaren Vassallo fuq is-super jott. Tant biex infakkar li s-Sur Żaren mhux ma' pompa kellu x'jaqsam iżda ma' Power station sħiħa. Bl-ebda mod ma rrid niġġustifika ħażin b'ħażin ieħor, għaliex il-ħażin qatt ma jsir tajjeb. Iżda l-ipokrezija qatt ma kienet ħabiba tiegħi. Kif qalet tant tajjeb is-Sinjura Caruana Galizia dan l-aħħar, id- donazzjonijiet min sorsi privati lill-partiti politiċi huma essenzjali f 'demokrazija, sakemm dawn ikunu ddikjarati u magħrufa. Irrid ngħid li din hija l-ewwel darba li smajtha mingħand din is-sinjura. Tgħid ħafna affarijiet iżda din kienet l-ewwel darba li smajtha mingħandha. Però stennejt li nisma' ħafna aktar. Peress li m'għandha ebda kantunieri (fejn jaqblilha), kont naħseb li se ċċanfar lill-partit tagħha għaliex qatt ma daħħalha din l-liġi. Stennejt ukoll li se tfakkar li kemm Pawlu Borg Olivier u Joe Saliba, li kellu konnessjonijiet mill-qrib mas-Sur Żaren, ma kinux għamlu sewwa. Sal- lum għadni ma nistax nifhem kif qatt ma marret sabet lil Pawlu jew lil Joe fejn ikunu jieklu, u bħalma tagħmel lil ħaddieħor tippersegwithom bil- mistoqsijiet tagħha. Iżda anke min jaħseb li huwa l-oraklu tas-sewwa għandu l-aġenda tiegħu u Daphne mhux eskluża. Iżda hija ironika li min dejjem ħarab minn din il-liġi, l-aktar li jippriedka, u min qed idaħħal din il-liġi jinsab taħt assedju għal konnessjonijiet li qiegħed jingħad li s-Sur Gafferena għandu mal-Partit Laburista. Din il-liġi dalwaqt tidħol fis-seħħ biex kulħadd ikun jaf minn fejn ġejjin il-flus li jiġbru ż-żewġ partiti. Din il-liġi se tkun ukoll qiegħda tinsisti biex il-partiti jagħtu rendikont ċar ta' x'għandhom jew m'għandhomx u x'għamlu bil-flus li kellhom. Ngħid il-verità, għandi seba' mitt sena biex inkun naf għaliex dawk li kienu jmexxu, fallew lill-Partit Nazzjonalista. Fil-frattemp, nistennew il-libelli li għamel Simon Busuttil. Ħasra li m'għamilhomx ukoll it-Tabib Joe Cassar, għaliex minn dak li stajt nifhem, hu kien il-"go between" bejn Simon Busuttil u Joe Gaffarena. F'dan ir-rigward, Joe Cassar għamel qabża fil-kwalità f 'din il-kwistjoni, għaliex mhux biss m'għamilx il-libell kontra Joe Gaffarena...ma għamel l-ebda libell, lanqas kontra min irraporta, meta hu kien l-aktar li kellu interess li jfaqqa' l-libelli! Il-kwistjoni ta' Gaffarena hija kumplessa aktar minn kemm naħsbu. Ħaġa waħda hija veru, li kemm għal partit u kemm għal ieħor, li kien ikun aħjar din il-kwistjoni ma inqalet xejn. Meta jisimgħu liż-żewġ partit jixlu lil xulxin b'dawn l-affarijiet, in-nies bir-raġun jibdew jitilfu l-fiduċja f 'kulħadd, anke jekk fil-mument fuq livell ta' gvern l-affarijiet ikunu mexjin tajjeb. Għalija s-Sur Gaffarena ma huwa ta' ebda ispirazzjoni politika, mhux għaliex għandi xi ħaġa kontra tiegħu, iżda l-politika għandha tkun imnebbħa minn kontroversji ħafna aktar ta' utilità għas-socjetà. Diskussjonijiet bħalma huwa l-prekarjat, l-integrazzjoni tar-razez, kif se nkomplu noħorġu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli mid- diprevazzjoni soċjali u temi oħrajn li jagħmlu lis-socjetà aktar etikament għanja. Il-Partit li naħdem fih jiena, ma jitkebbisx minn dawn ix-xorta ta' kontroversji, iżda minn ideat biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta' kull ċittadin. TONI ABELA Għallimna, Sur Gaffarena "Tgħallimna li m'aħniex trasparenti biżżejjed u li min jiskonġra jrid ikun pur" "Il-mira ta' min iħossu mmalafamat u inġurjat m'għandux ikun min jirraporta l-aħbar, iżda s-sors tal-aħbar"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 August 2015