Illum previous editions

illum 9 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/553118

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 09 ta' Awwissu 2015 | illum 17 Bżonn urġenti ta' aktar riformi fis-settur pubbliku I l-ġimgħa l-oħra tkellimna dwar waħda mill-problemi l-kbar li qed jaffaċjaw in-negozjanti hawn Malta u ċoè n-nuqqas ta' kreditu. Huwa ferm ċar li hemm problemi serji fit-trażmissjoni tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. Peress li l-banek domestiċi Maltin qegħdin jgħumu fil-likwidità, b'differenza ta' banek oħra Ewropej li qajla għandhom bżonn il-karrotta tal-B.Ċ.E. ta' self ta' flus b'rata ferm baxxa ta' imgħax. Il-banek domestiċi Maltin qegħdin fis-sitwazzjoni paradossali li aktar ma l-klijenti tagħhom jiddepożitaw flus, aktar jitilfu flus għaliex mhumiex kapaċi jsellfu biżżejjed flus lill-klijenti tagħhom. Dan ħareġ ċar minn studju tal-Bank Ċentrali ta' Malta li semmejna l-ġimgħa l-oħra. Ir-riżultat huwa li n-negozji Maltin huma mċaħħda mill-kreditu li huwa omm il-kummerċ. Illum ħafna min- negozju fil-propjetà qed jiġi strutturat b'tali mod u manjiera li s-sidien tal-art ma jitħallsu kważi xejn qabel ma l-iżviluppatur ibiegħ il-propjetà li jkun żviluppa. B'hekk, l-iżviluppatur jevita l-ħtieġa li jissellef mill-bank, u l-bejjiegħ jispiċċa jidħol sħab bla ma jrid mal-iżviluppatur. Fi kwalunkwe każ, il-banek domestiċi Maltin qed iżommu ferm 'il bogħod milli jieħdu riskji żejda u qed jillimitaw is-self tagħhom għall-ewwel dar ta' koppji żgħar, għall-karozzi u għad-dgħajjes. Ftit hemm ħajra da parti tal-banek sabiex iselfu għal proġetti industrijali u kummerċjali. Dan l-istat ta' fatt qiegħed ixekkel sew l-iżvilupp ekonomiku u l-konsegwenzi ta' dan qegħdin narawh u se nkomplu narawh aktar. In-nuqqas ta' attenzjoni da parti tal- awtoritajiet governattivi fir-rigward, hija tassew inkwetanti. L-unika vuċi awtorevoli li titkellem regolarment dwar din il-problema, hija dik tal- gvernatur tal-Bank Ċentrali, Josef Bonniċi li sikwit jikkritika lill-banek minħabba r-rati ta' imgħax għoljin li jipprattikaw fuq is-self li jagħtu. Din hi problema endemika oħra barra dik tan-nuqqas ta' self: is-self jingħata b'rati ta' imgħax ferm ogħla mill- medja Ewropea. Min-naħa tal-Gvern, silenzju sħiħ. Il-politika ekonomika tal-Gvern tidher li hija intiża biss biex iniżżel id-defiċit u d-dejn nazzjonali u lanqas jidher li teżisti xi viżjoni jew impuls sabiex tkattar il-kompetitività fil-pajjiż. L-ebda ministru u l-ebda organu ma jidher li qed jinkwieta jekk teżistix nuqqas ta' kompetitività jew agħar minn hekk, kollużjoni fis-settur bankarju Malti. Lanqas il-ministru li d-dekasteru tiegħu jinkludi l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u tal- Affarijiet tal-Konsumatur li suppost tagħmel tali indaġini minn jeddha. Imma n-nuqqas ta' inerzja governattiva ma' teżistix biss f 'dan il-qasam kruċjali. Wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal- 2013 kienet li jissimplifika l-operat tas-servizz pubbliku sabiex iċ-ċittadin jinqeda aħjar u b'anqas taħbit. Min stenna xi rivoluzzjoni kopernikana fir- rigward, ċertament ħareġ diżappuntat. Mhux l-ewwel darba li jiġini xi ħadd l-uffiċju bir-ragħwa f 'ħalqu wara xi nofs ta' nhar f 'xi dipartiment tal-Gvern sejjer mingħand Kajfa għal għand Pilatu bla ma jinqeda' u jgerger fuq il-Gvern li tella' u li m'għamel xejn fir- rigward. Fir-realtà, matul is-snin, is-servizz pubbliku Malti wettaq progress kbir u s-sitwazzjoni llum hija ferm aħjar milli kienet għoxrin, tletin sena ilu. Anke l-ambjenti tal-uffiċji governattivi tjiebu ferm u sar investiment qawwi fl-informatika li qed jagħti r-riżultat tiegħu. Il-poplu sar jinqeda aħjar f 'ħafna affarijiet. Mhux l-ewwel darba li nibgħat xi e-mail wara l-ħin tax-xogħol lil xi uffiċjal pubbliku u nirċievi risposta ftit wara. Hawn uffiċjali pubbliċi tassew dedikati fuq xogħolhom u jaħdmu anke fid-9 jew fl-10 ta' filgħaxija. Imma qatt ma nistgħu ngħidu li m'hemm xejn aktar x'nagħmlu fir-rigward tar-riforma tal- qasam pubbliku. U hawnhekk fejn wieħed jinkwieta għaliex jidher li dan il-gvern nieqes mill-viżjoni u mill-ambizzoni li jkompli jirriforma ċ-ċivil. Bosta mill-inizjattivi li ttieħdu kienu diġà ppreparati taħt l-amministrazzjoni preċedenti u issa qed jitwettqu. Imma inizjattivi ġodda jidhru li huma skarsi. Il-Gvern Laburista pprova jonora l-wegħda elettorali tiegħu billi ħoloq Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija u f 'dan ir-rwol, ġie jaqa' u jqum mill- Kostituzzjoni, u ħatar membru tal-Parlament. Dan fih innifsu hu ħażin li membru tal-leġislatura jispiċċa jaqdi rwol fl-eżekuttiv imma għal ħafna, dawn huma biss sinnifeteti kostituzzjonali li wieħed m'għandhux jinkwieta fuqhom. Fi kwalunkwe każ, wieħed jixtieq ikun jaf x'riżultati rnexxielu jakkwista dan il-kummissarju. Wisq probabbli li kwalunkwe inizjattiva li kellu l-kummissarju ġiet ostakolata mill- istess strutturi taċ-Ċivil li spiss huma wisq reżistenti għall-bidla. Mill- esperjenza, wieħed jaf li bosta drabi l-unika mod sabiex issir bidla fis-settur pubbliku hu billi jinħanaq il-ministru responsabbli. U mhux l-ewwel darba li ministri jilmentaw dwar ir-reżistenzi li jiltaqgħu magħhom sabiex iwettqu t-tibdil li jixtiequ. Aħseb u ara kemm se jagħtu każ deputat li qed jissejjaħ kummissarju ta' xi ħaġa bla bażi leġislattiva. Wieħed dlonk iżid li tali reżistenzi u retiċenzi mhumiex neċessarjament ħżiena. Mhux l-ewwel darba li dawn ikunu msejsa fuq raġunijiet validi, jekk mhux ukoll raġunijiet legali. Mhux l-ewwel darba li x-xewqa ta' ministru li tidher sempliċi u msejsa fuq il-buon sens ikollha implikazzjonijiet li ma jkunx induna bihom. Huwa d-dmir tal-qaddej pubbliku li jipproteġi lill- ministru tiegħu milli jwettaq żbalji imbarazzanti u dan għandu jkun rikonoxxut u apprezzat. Is-servizz pubbliku qiegħed hemm biex iwettaq il-liġijiet li l-Parlament jgħaddi u għaldaqstant, huwa importanti li jopera skond tali liġijiet u mhux barra mill- qafas tagħhom. Imma dan ma jfissirx li s-servizz pubbliku ma jiġġedded qatt u jkompli jopera bħal fil-passat. Kwalunkwe organizzazzjoni trid taġġorna ruħha maż-żminijiet. Forsi ftit jirrealizzawha din imma wieħed ma jridx jinsa li l-livell tas-servizz pubbliku jaffetwa wkoll il-kompetitività ta' Malta. Din il-ġimgħa stess, l-Italja ħabbret riforma fl-amministrazzjoni pubblika sabiex tnaqqas iż-żmien meħtieġ sabiex jinħarġu l-liċenzji u l-permessi u sabiex jiġu ffurmati ażjendi. Ironikament, anke l-Greċja wettqet riformi kbar fis-settur pubbliku tagħha taħt l-ispinta tat-trojka. Wieħed ma jridx jilludi ruħu li pajjiżi oħra, anke fl-Unjoni Ewropea, li qegħdin jirriformaw is-servizz pubbliku tagħhom, ma jsirux aktar attraenti għall-investiment barrani minn Malta. Ma rridux ninsew ukoll li llum Malta ma tistax tibqa' tiddependi fuq il-pagi baxxi sabiex tattira l-investiment barrani: żewġ passi 'l bogħod, fi Sqallija, ħaddiem għandu xorti jaqla € 600/€ 700 fix-xahar, fil-Portugall, is-salarju minimu hu € 500 fix-xahar mentri fit-Turkija hu mal-€ 400. Għaldaqstant, il-ħtieġa ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti u onesta hija akbar minn qatt qabel. Darba kien il-kummissarju Karmenu Vella li f 'mument ta' frustrazzjoni kien gerger li f 'Malta, l-affarijiet idumu s-snin biex jitwettqu, anke jekk ikun hemm qbil fuq dak li għandu jsir. Eżempju klassiku hu l-katast tal-pajjiż, ir-Reġistru tal-Art. M'hawn ħadd li ma jaqbilx li għandu jkun hawn katast kif hemm fil-pajjiżi l-oħra kollha. L-ewwel li ssemmiet din l-idea kien f 'rapport uffiċjali tal-1945. Il-liġi għaddiet fl- 1981 imma sal-lum għadha ma ġietx implimentata sew. Matul is-snin, bosta mill-aspetti tal-liġi oriġinali inbidlu ħalli anqas responsabilità taqa' fuq l-impjegati pubbliċi. Imma agħar minn hekk, ir-Reġistru tal-Art dejjem tħalla bla riżorsi adekwati u l-arji li huma suġġetti għar-reġistrazzjoni ilhom l-istess għal snin kbar. Fl-aħħar żewġ jew tlett leġislaturi, kienet għaddejja diskussjoni fuq abbozz ta' liġi sabiex jgħaqqad ir- Reġistru Pubbliku mar-Reġistru tal- Art. Għal xi raġuni stramba, din il-liġi qatt m'għaddiet u dan l-abbozz s'issa għadu ma ġiex ippreżentat mill-ġdid f 'din il-leġislatura. Intant, kull min irid jissellef mingħand xi bank, barra milli jrid ikollu r-riċerki aġġornati tan-noti fir-Reġistru Pubbliku li jiswew balla flus, irid ukoll iqabbad perit jimmarkalu l-propjetà li se tiġi ipotekata fuq pjanta tar-Reġistru tal-Art. Dan sabiex jiġi ċċertifikat li l-propjetà mhix f 'arja ta' reġistrazzjoni. Dan l-eżerċizzju b'kollox jiġik bejn € 100 u € 150 fuq kull propjetà, li jridu jiżdiedu mal-ispejjeż l-oħra tal-kuntratt. Imma ma jkunx ferm aħjar kieku dawn il-kuntratti kollha li qegħdin isiru, jiġu reġistrati minnufih ħalli xi darba jkollna katast komprensiv minflok dan it-tbażwir ? Jidher li hemm xi problemi fuq xi mapep imma tassew dan l-istat ta' fatt huwa għal kollox inaċċettabli. Jidher ukoll li hemm wisq nies, u anke l-istess gvern, li għandhom interess li s-sistema preżenti ta' kif isiru u jiġu interpretati r-riċerki tibqa' fis-seħħ. Intant minbarra d-dewmien u l-ġiri li jrid jgħaddi minnhom, il-poplu jkollu jħallas mill-but. It-tajba hi li fejn hija arja ta' reġistrazzjoni, xorta trid tordna r-riċerki mir-Reġistru Pubbliku għax ħadd ma jistrieħ fuq iċ-ċertifkat tar- Reġistru tal-Art biss. Quddiem sitwazzjoni bħal din, x'qed jagħmel il-gvern u speċjalment dak l-uffiċju bl-isem bombastiku ta' Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija ? Nibża li mhu qed isir xejn. Mhux ta' b'xejn li r-rapport riċenti tal-Bank Dinji, "Doing Business 2015" li semmejna l-ġimgħa l-oħra, kklassifika lil Malta fit-83 post sabiex tirreġistra propjetà. Sitwazzjoni bħal din, kif ukoll bosta oħrajn, li qed iservu ta' żavorra għall- ekonomija nazzjonali, huma taxxi moħbija li wieħed irid ikollu jħallas bilfors u li minnhom il-komunità ma qiegħda tiggwadanja xejn. Il-gvern irid jimpenja ruħu mingħajr aktar dewmien ħalli ma jittraskurax dan l-aspett importanti fl-infrastruttura ekonomika tagħna. Jekk se jitlaq is-servizz pubbliku għal għajnu, se jintilef il-progress li sar matul is-snin u dan żgur se jaffetwa ħażin l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fis-snin li ġejjin. Twitter @ellisjoseph JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 August 2015