Illum previous editions

illum 9 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/553118

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 09 ta' Awwissu 2015 L -Irlanda. Dik ta' isfel, ir-Repubblika, mhux dik li għadha maqsuma bejn il-Kattoliċi indipendentisti u l-Protestanti unjonisti. Castletownroche F'raħal żgħir fejn hemm ħanut wieħed tat-take-away li jservi ikel Indjan, pizza u fish and chips. Hemm ħanut wieħed ibigħ il-laħam; uffiċċju tal- posta mnejn tmur tiġbor l-ittri; spiżerija; minimarket u pompa tal-petrol b'ħanut magħha jbigħ il-ħelu, is-sigaretti u r-rivisti u gazzetti reġjonali. Hemm ħanut 'tan-nisa', jiġifieri fejn in-nisa jagħmlu xagħarhom u jsebbħu wiċċhom u partijiet oħra u difrejhom. Hemm tliet pubs maġenb xulxin, li xi darba kien hemm għaxra oħra magħhom imma għalqu. Ovvjament hemm knisja, anzi hemm tnejn, f 'tarf ir-raħal dik Kattolika u fit-tarf l-ieħor hemm waħda Protestanta li tiftaħ biss darba kull ħmistax. Bħal f 'diversi pajjiżi oħrajn, hawnhekk il-kattoliċiżmu huwa iktar minn reliġjon: għandu wkoll dimensjoni nazzjonalista. U minħabba passat mhux daqstant imbiegħed ta' tensjoni u ġlied u tixrid ta' ħafna u ħafna demm, ir-reliġjon tibqa' kwalità li tiddistingwi: dawk li huma ta' ġewwa u l-barranin; dawk li huma aħna u dawk li huma l-ieħor. Il-kunjom biss biżżejjed biex jaqtgħek ma' naħa jew ma' oħra. It-tbatija F'xi waqt jew ieħor kull diskursata tispiċċa biex tagħmel referenza għal dak il-perjodu li 'l hawnhekk huwa magħruf bħala 'The Troubles', u l-perjodu l-ieħor, bejn l-1845 u l-1852, magħruf bħala 'An Gorta Mor', il-Ġuħ il-Kbir. Anki hawnhekk, kemm jekk fil-forma ta' tensjoni politika, kemm jekk fil-forma ta' ġuħ u faqar indeskrivibbli, it-tbatija hija kwalità li tagħti definizzjoni ta' min int, ta' mnejn ġejt u x'int. Bħall-emigrazzjoni, l-aktar lejn l-Istati Uniti: pjaga oħra fl-istorja Irlandiża li tibda minn nofs is-seklu tmintax; biex ma nsemmux ukoll il-kraxx ekonomiku tal-2008 li ħalla effetti kbar fuq is-soċjetà lokali, effetti li għadhom jinħassu sa issa. Pereżempju jien u nistenna x-xarabank teħodni lejn l-ajruport, fuq it-taraġ quddiem bini kbir maġenb ix-xmara, kien hemm familja sħiħa mimduda, mgħottijin bil-kutri, riqdin. Qaluli kelma waħda biss biex tiddeskrivi dik il-familja: "2008". Qaluli li ħafna nies kellhom jitilqu minn djarhom għax ma felħux iħallsu d-djun u spiċċaw fit-toroq ... bi djarhom vojta. Danny Boy Il-pub jinġabru ħafna nies. Regolarment. Minn filgħodu sa meta jagħlqu qatt ma jkunu diżabitati. Aktarx li n-nies ta' dawn in-naħat m'għandhomx wisq fejn imorru jgħaddu siegħa u minkejja li ninsab f 'nofs is-sajf la t-temp u wisq inqas it-temperatura ma jħajruk titlajja barra. Kif tidħol isellmulek, jistaqsuk kif int u mill-aċċent jiħduk b'barrani. Jistaqsuk mnejn int u joffrulek x'tixrob. Fil-pub tiltaqa' ma' kull xorta ta' nies: l-eks-suldat jidgħi bir- reġina Eliżabetta, ix-xwejjaħ li dejjem moħħu fit-tiġrijiet taż-żwiemel, u x-xwejjaħ l-ieħor li fid-daqqa u l-ħin joħroġ il-ħarmonika minn ħżiemu u jdoqq 'Danny Boy' qabel ma jniżżel l-aħħar boqqa Guinness u jieħu nagħsa mal- mejda. Fl-istess pub niltaqa' ma' bidwi li huwa u jħares il-merħla, jew wara li jaħleb il-baqar kull filgħodu hekk kif ix-xemx tkun għadha qiegħda tittanta titla', jikteb il-poeżiji li jaqrahom fil-bliet u l-irħula ta' pajjiżu u anki barra. Il-bidwi jikteb fuq il-baqar u l-bhejjem li jaħdem magħhom. Jikteb ukoll fuq bhejjem oħra, dawk li bħal ta' Orwell, jikkorrompu kemm jifilħu u jiġbdu għal xawwathom: jitħanżru mill- banek u l-kurituri tal-poter. Is-sid tal-pub għandu leħnu jwassal mhux ħażin. Jimxi jzappap għax għandu bżonn jibdel irkoppa imma ma jridx: l-uġigħ, kien qed jgħidli, jiflaħ għalih għax imdorri bih minħabba li f 'żgħożitu kien boxer. "L-uġigħ jagħmlek raġel," jgħidli, "u t-tbatija tagħmlek b'saħħtek." It-tbatija u l-uġigħ, ftakart, huma parti essenzjali mill- istorja ta' dan in-nazzjon; bħal speċi mingħajrhom ma jkunx hu, ikun imkien ieħor. Hemm min jigglorifika l-glorja biex juri kemm hu kbir; hemm min jara l-kobor fil- miżerja: fil-ġuħ, fl-inġustizzji, fid-diaspora, fil-mewt, fil- kolonjaliżmu li jġib dan kollu miegħu ... bħalma hemm min jitkellem fuq l-assedju, anzi l-assedji. It-tieġ Qaluli li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm tieġ importanti f 'dan ir-raħal. Xi ħadd 'minn barra' ried jiżżewweġ fil-kastell li hemm ftit 'il barra imma l-kunsill lokali ma tax permess...it-tieġ ma kellux rit Kattoliku u allura ċ-ċerimonja lajka ma setgħetx issir fil-kastell. Qaluli li hemm ċertu 'biża' li każ bħal dan joħloq preċedent u jibdew isiru t-tiġijiet omosesswali, issa li anki l-Irlanda għarfet dan id-dritt. Mhux il-ħwienet tal-laħam u tal-merċa biss għadhom antiki f 'dawn in- naħat. L-antik għadu ħaj u n-nies tal-lokal qed jagħmlu minn kollox biex dan jiġi ppreservat. Inkella, issibhom jgħidulek, jiġrilhom bħalma ġralhom irħula u bliet oħrajn: inbelgħu mill-moderniżmu u ntilef dak kollu li kien hemm qabel. Fil-belt żgħira ta' maġenb, ikomplu jżidu, m'għadekx tara ħwienet tal-laħam u tal-merċa; kollox tixtri mis-supermarket. Tiltaqa' miegħek innifsek Ir-raġel tal-ħarmonika; il- bidwi tal-poeżiji; l-ex-suldat u l-ex-boxer isiru fantażmi ħelwin li jisfumaw fix-xejn hekk kif l-ajruplan jinqata' u qabel jintilef fis-sħab iswed iħallik tagħti titwila tal-aħħar lejn l-għelieqi kbar u ħodor tal-Irlanda. Kull darba li nibda l-vjaġġ lura jiġini f 'moħħi l-ktieb "Il-Filosofija tal-Vjaġġ" ta' Michel Onfray. Il-vjaġġ, jikteb Onfray, dejjem se jwassalna lejna nfusna. IMMANUEL MIFSUD NOTI WAQT VJAĠĠ (3) "Ir-reliġjon tibqa' kwalità li tiddistingwi: dawk li huma ta' ġewwa u l-barranin; dawk li huma aħna u dawk li huma l-ieħor" "It-tbatija u l-uġigħ, ftakart, huma parti essenzjali mill- istorja ta' dan in-nazzjon; bħal speċi mingħajrhom ma jkunx hu" Wieħed mill-'pubs' tradizzjonali fil-villaġġ Irlandiż - Castletownroche

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 August 2015