Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098
Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 | illum 15 I s-sottomissjonijiet ta' NL - Nisa Laburisti lill-kumitat inter- ministerjali huma għaxra. Irridu naraw li ssir ġustizzja minn fuq nett, u għalhekk tkellimna anke dwar l-isem tal-Att preżenti (Att dwar il-Protezzjoni tal- Embrijuni). L-isem preżenti ma jirriflettix ġustizzja mal-isfida propja, jiġifieri mat-trattament tal-fertilità. Tkellimna wkoll dwar l-età. Nemmnu li hawnhekk għandu jipprevali s-sens komun. Nieħdu gost nisimgħu bi tqala naturali fi stadji differenti tal- ħajja. Issib forsi min jgħidlek li 40 sena jew 45 sena huma età kbira, imma żgur li int li qed taqra taf b'xi ħadd li kellu tqala naturali f 'dawn l-etajiet. Kien għalhekk li tkellimna dwar il-ħtiega li ma jkunx hemm restrizzjonijiet fuq l-età bħalma jeżisti fil-preżent. Aktar minn hekk, illum trid tħaffef jekk għandek bajd iffrizat u wasalt mal-età tat-43 sena, għax il-liġi ma tippermettilekx li tkun akbar biex tingħata s-servizz, imma jekk l-età togħla xi ftit, allura dak li jkun ikollu opportunità akbar. U dak li rridu aħna bħala NL - Nisa Laburisti, li verament ikun hemm opportunitajiet akbar għal dawk bi sfida ta' fertilità. Qegħdin nitkellmu wkoll dwar il-ħtiega li jkun hawn il-mezz tal-iffriżar tal- embrijuni. Dan qed nagħmluh għaliex kemm fl-opinjoni ta' professjonisti fis-settur u anke fi kliem dawk li kellhom tqala pożittiva, (u anke le) barra min pajjiżna, bl-iffriżar tal-embrijuni, l-opportunità ta' tqala pozittiva huwa ferm akbar. Dan biex ma nsemmux il-fatt li b'hekk jiġu evitati 'multiple pregnancies' u anke biex il-mara tevita li tieħu dawk il-hormones kollha f 'ċiklu fejn trid tittaqqab kuljum għal kważi ġimagħtejn u nofs jekk mhux tlieta, bil-konsegwenzi li dan kollu jista' jġib miegħu. Biex ma nsemmix l-uġigħ fiżiku, emozzjonali u dak finanzjarju wkoll. Smajna professjonisti fuq medda ta' snin jitkellmu mill- għaqal professjonali tagħhom dwar il-ħtiġijiet li hemm bżonn biex il-liġi eżistenti tiġi riveduta. Bħala eżempju nfakkar f 'dak li kien kwotat jgħid il-Professur tal-Filosofija u teologu Fr Peter Serracino Inglott lura f 'Marzu 2011 meta flimkien ma' parteċipanti oħra kien qed jindirizza seminar tal-AŻAD. Dakinhar Fr Peter kien kwotat jgħid mill-ġurnal The Times li "Freezing embryos is in itself not wrong". Kien qal ukoll "Freezing per se cannot be considered to be a way of killing the embryo since it is keeping it alive. It is wrong only when freezing is done with an ulterior motive to destroy the embryo." Nafu wkoll li fl-Att prezenti hemm l-opportunità li jiġi friżat il-bajd tal-mara u għalhekk bħala NL-Nisa Laburisti sostnejna li din l-opportunità, għandha tibqa' u magħha jkun hemm ukoll l-opportunità ta' iffriżar tal-embrijuni wkoll biex hekk jintlaħaq il-bilanċ xieraq u mixtieq f 'dan is-settur ukoll. Għidna wkoll li dawk involuti wara ċiklu għandhom ikollhom ukoll il-kelma finali dwar x'għandu jsir mill-embrijuni. Tkellimna wkoll dwar id- donazzjoni tal-bajd u sperma, u li dawn għandhom ikunu provduti għal dawk kollha li jeħtiġuhom, anki jekk fl-istess waqt nisħqu li ħadd m'għandu jkun obbligat li jagħti donazzjoni. Dan għidnieh wara li konna smajna wkoll professjonisti jitkellmu dwar kif fil-passat qabel ma ġie effettiv l-Att preżenti, fil-privat f 'pajjiżna kien diġà jitħaddem l-istrument tad-donazzjonijiet minn barra l-pajjiż, iżda meta daħal fis-seħħ l-Att, ingħalaq bieb ieħor u flok rajna progress, rajna sitwazzjoni fejn minn irid jirrikorri għal dan il-metodu, ried jaħseb għal rasu u jmur barra minn pajjiżna. Dan reġa' kien konfermat waqt il-programm Sibt il- Punt fuq One Radio ftit taż-żmien ilu meta x-xjentist Paul Sultana li huwa wkoll id-direttur tal-laboratorju ta' sptar privat f 'pajjiżna spjega kif dan il-metodu kien imħaddem b'suċċess fil-passat u permezz tiegħu kien jagħti ċans akbar lil dawk bi sfidi ta' fertilità. Dan l-istrument illum iżda ma jezistix, għax mhux konformi mal-liġi Maltija. Kien għalhekk li wara li evalwajna s-sitwazzjoni, proponejna li fil-każ ta' donaturi ta' bajd jew sperma jekk tinħass il-ħtieġa minħabba l-insularità tagħna, għandna nirrikorru lejn banek barranin. Tkellimna wkoll dwar il-possibbiltà li d-donaturi jibqgħu anonimi. Dan għamilnih wara li ħarisna lejn sistemi Ewropej oħra. Issa jista' jkun hemm min jipponta u jgħid, imma fl-Ingilterra l-liġi dwar l-anonimità nbidlet. Iżda ta' min infakkru li l-Unjoni Ewropea mhux magħmula minn pajjiż wieħed biss u allura hemm diversi mudelli lejn xiex nistgu nħarsu. Dan minbarra li tkellimna dwar donaturi li jistgħu jkunu wkoll magħrufa. Punt ieħor li ressaqna 'l quddiem kien dwar il-ħtieġa li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' surrogacy, jew li mara ġġorr tarbija ta' ħaddieħor fil-ġuf tagħha, b'limitazzjonijijet kummerċjali. Fil-forum tad-diskussjoni pubblika kien hemm min esprima xettiċiżmu dwar tali proposta, iżda lil dawn nistiednuhom jaħsbu ftit dwar dawk in-nisa li jitwieldu mingħajr utru jew li minħabba xi raġuni medika spiċċaw mingħajr utru f 'xi stadju bikri ta' ħajjithom. Għal dawn in-nisa, l-opportunità li jagħtihom dan l-avvanz mediku huwa mezz għalihom li jsiru ommijiet naturali. Nemmnu li dawn in-nisa ma ninsewhomx u għandhom jingħataw kull opportunità. Dħalna għal din il-biċċa xogħol bi ħsieb wieħed, dak li permezz ta' riforma leġiżlattiva nagħtu ċans akbar lill-familji Maltin u Għawdxin. Dwar suġġett bħal dan, sfortunatament ftit huma dawk li jitkellmu fil-beraħ, filwaqt li dawk li jitkellmu fil-privat jgħidulek ċar li ma jixtiequx li jiġu identifikati. U dan għal bosta raġunijiet inkluż l-istigma jew il-biża' ta' stigma fuq it-tfal jew il-familji nfushom. Bħala Nisa Laburisti, ħassejna li kellna nkunu aħna l-portavuċi ta' dawn in-nies. L-appell tagħna huwa sabiex bħala soċjetà, niddibattu b'mod matur, inwarrbu l-istigma u l-fundamentaliżmu, u nifmhu li hawn min fostna li qiegħed isofri fis-silenzju. Nemmnu li bħala soċjetà, għandna opportunità unika sabiex inħarsu lejn ir-reviżjoni fil- liġi tal-IVF b'mod oġġettiv u mingħajr preġudizzji. Napella sabiex ma nagħmlux minn dan il-proċess xi ballun politiku. Iż-żminijiet tal- intolleranza huma xi ħaġa tal-passat u għandna nżommu lura milli nippruvaw inreġġgħu l-arloġġ lura. Fl-akbar rispett lejn l-opinjonijiet kollha, l-appell tiegħi lill-Gvern huwa dak sabiex il-proċess ta' reviżjoni mniedi minnu, jwassal sabiex intejbu l-opportunitajiet kliniċi ħalli jkollna aċċess akbar ghat-trattament tal-fertilità f 'pajjiżna. Claudette Abela Baldacchino hija President ta' NL - Nisa Laburisti. Kif Naħsibha Riforma b'ġustizzja: l-IVF Claudette abela baldaCChino Irridu li permezz ta' riforma leġiżlattiva nagħtu ċans akbar lill-familji Maltin "L-appell hu sabiex bħala soċjetà, niddibattu b'mod matur, inwarrbu s-stigma u l-fundamentaliżmu, u nifmhu li hawn min fostna qiegħed isofri fis-silenzju"