Illum previous editions

ILLUM 06 September 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 M eta jkollok ħafna imwiet, dawn isiru statistiċi. Tal-inqas hekk jingħad li qal Himmler għall- Olokawst tal-Lhud. Mewta waħda, però tista' tagħmel aħbar. Anzi, ritratt jista' jkun aħjar anke jekk il-vittma tkun għadha ħajja. Jekk il-vittmi jkunu t-tfal, l-għagħa tkun akbar. Hemm ritratt ta' tifel Lhudi żgħir liebes beritta b'idejh mgħollija 'l fuq fil-getto ta' Varsavja. Tifel imwerwer quddiem l-azzarini tas-suldati Nażisiti. Ara kemm rajna filmati ta' kampijiet ta' konċentrament u muntanji ta' iġsma fi stat ta' putrifikazzjoni, ir-ritratt ta' dan it-tifel jibqa' l-aktar wieħed ikoniku rappreżentattiv ta' dak li għaddew minnu l-Lhud taħt Adolf Hitler. Dwar il-gwerra tal-Vjetnam rajna ħafna 'footage' televiżiv oriġinali. Inħaddmu films f 'Hollywood dwar din il-gwerra bla ħniena, daqs kemm għandi xagħar f 'rasi. Iżda l-aktar ritratt ikoniku li jfakkar x'kienet tfisser din il-gwerra, hija tifla Vjetnamiża tiġri għarwiena fit-triq, b'idejha mgħollija 'l fuq u b'ġisimha ġerħa waħda, mismut u maħruq mill-bombi napalm. Bombi li ma kinux jiddistingwu bejn ċivili u kumbattenti. Fid-dagħdiegħa tal- preġudizzji u tpattija, anke l-aktar pajjiżi ċivilizzati jinbidlu f 'barbari, b'mod speċjali meta l-mewt issir ħaġa ta' kuljum u tindera. Fit-traġedja li għaddejja minnha d-dinja bħalissa ta' mijiet t'eluf ta' nies li qed jaħarbu mit-terrur biex isibu ħajja ħafna aħjar minn fejn qegħdin, għal darb'oħra kellu jkun ritratt ta' tifel żgħir mejjet, qisu rieqed fuq ir-ramel jitbaħbaħ fil-mewġ tal-baħar. Din id- darba, it-tifel li jismu Aylan u kunjomu Kurdi. Ritratt li bħalissa qiegħed jidher fuq kull sit elettroniku u kull stazzjon tat-TV. Dwar din it-traġedja umana, smajna, rajna u qrajna ħafna. Smajna b'imwiet ta' għexieren ta' nies li jsibu l-qabar tagħhom fil-qiegħ tal-baħar Mediterranju. Smajna b'nies li biex jaħarbu mill-qirda li hemm f 'pajjiżhom, saħansitra mietu ffriżati f 'xi 'container' jew waqt li kienu moħbijin fis-sħana infernali ta' magna ta' karozza! Biex taħrab mill-biża', anke l-mewt tissogra... istint li jinsab f 'kulħadd. Ngħid għalija, kieku jiena qiegħed fl-istess sitwazzjoni ta' Sirjan, Libjan, Jemenit, Iraqqin, Afghan, u mitt pajjiż ieħor fejn hemm it-terrur, nagħmel dak kollu possibbli biex naħrab. Jekk għandi familja, ma rridx li ma jkollhiex ġejjieni. Nista' nassigurakom, li kull wieħed minnha, kemm jekk iħares lejn din il-problema minn aspett uman u kemm jekk le, bħal dak il-Malti li fi Brussel jingħad li ta daqqa ta' placard lil waħda Musulmana, żgur li nagħmlu l-istess. Ebda baħar imqalleb u ebda ħajt, ma jżommok milli taħrab biex tfittex futur aħjar. Bħalma dejjem għidt, dak li qegħdin naraw, huwa proċess inarrestabbli li rridu naddottaw irwieħna għalih, sakemm il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi fejn hemm l-inkwiet ma jitjiebux. Inutli li nagħmlu diskorsi infjammatorji kontra l-immigranti irregolari. Għalxejn intellgħu l-ħitan, għax dawn se jibqgħu ġejjin bl-eluf tagħhom...u ngħidha b'wiċċi minn quddiem, għandhom ragun. Għalhekk, flok naqgħu fid- disprament, ikun aħjar li nsibu soluzzjonijiet sabiex nagħmlu żewġ affarijiet. Ebda waħda minnhom ma hi dik li qiegħed jipproponi l-Prim Ministru konservattiv tal-Ungerija Viktor Orban. Fil-fehma tiegħi, għandu jkun hemm tqassim ġust ta' dawn l-immigranti bejn il-pajjiżi kollha. Jiena nemmen li dan għandu jsir mhux biss bejn il-pajjiżi Ewropej, iżda anke dawk li mhumiex. L-aġenzija biex tagħmel din ir-ridistribuzzjoni għandha tkun il-Ġnus Magħquda. Din hija responsabbiltà globali u mhux reġjonali kif bħal donnha dejjem titpinġa. Proposta mhux għal kollox identika, jidher, li sa fl-aħħar qiegħda titressaq mill-Ġermanja bi kwalifika importanti ħafna, dan it-tqassim ma jkunx wieħed volontarju iżda wieħed mandatorju. Dan l-aspett tal-problema kien qam xi snin ilu meta f 'pajjiżna kien hemm amministrazzjoni oħra. Kien l-istess Simon Busuttil li niżel Malta u ħabbrilna li kienet saret rebħa kbira għal pajjiżna. Kien qal li nstabet sistema li fuq bażi volontarja, kull pajjiż fl- Unjoni seta' jitlob li jieħu parti minn dawn l-immigranti. Dakinhar, il-Partit Laburista kien għamilha ċara li din ma kienet tfisser xejn. Issa jidher li l-Ġermanja, li jekk il-memorja għadha taqdini tajjeb, kienet kontra dan, bidlet il-pożizzjoni tagħha. Jista' jkun li llum qiegħda tingidem, tant li dawk kollha li qegħdin jidħlu mill-Greċja u l-Ungerija qegħdin jagħmluha ċara li jridu jmorru l-Ġermanja. Fl-aħħar nett, irridu naħsbu f 'sistemi ta' integrazzjoni. Hija ħasra li l-Prim Ministru konservattiv Ungeriż qiegħed jitkellem b'ilsien daqstant mimli preġudizzji. Qiegħed jibni l-argumenti tiegħu kontra dawn l-immigranti fuq kwistjonijiet reliġjuzi billi jinsisti li l-parti l-kbira minn dawk li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom huma Musulmani u li b'hekk qed nikkompromettu l-valuri Kristjani. Ħaġa li ma jidhirx li ġrat la fil-Ġermanja, bil-preżenza qawwija ta' Torok u l-anqas fl-Ingilterra jew Franza, li ilhom jilqgħu fosthom eluf ta' nies minn eks kolonji tagħhom li jħaddnu l-fidi Musulmana. Il-Prim Ministru Viktor Orban mhux jirrealizza, li b'dawn ix-xorta ta' argumenti mhux biss mhux isolvi l-problema, iżda qiegħed ikabbarha. Ikun aħjar li jagħraf ir-realtà tas- sitwazzjoni u jirrassenja ruħu għall- programmi ta' riintegrazzjoni aktar milli ta' esklużjoni. Il-ħitan ta' ħadid spinuż li jaqta' mhux se jżomm dan il-proċess. Jista' jkun li jservi l-iskop tiegħu għal żmien qasir ħafna, iżda mhux se jirrisolvi l-problema permanentament. Il-ħitan, jipposponu l-problema li dejjem tibqa' tikber. L-ironija hi, li filwaqt li qiegħed jiddefendi l-fidi Kristjana, ma naħsibx li jaf x'qal Kristu fil-prietka minn fuq il-muntanja, fost oħrajn, li tagħti kenn lil min għandu bżonnu. L-agħar li nistgħu nagħmlu f 'sitwazzjoni bħal din, hu li nassoċjaw ir-reliġjon ma' xi xorta ta' ideoloġija politika. Inkunu qegħdin inħejju 'cocktail' perikoluż ħafna, li fl-istorja tagħha, l-Ewropa daqitu mhux darba jew tnejn b'konsegwenzi diżastrużi, anke bejn setet ta' Kristjani stess, aħseb u ara fis-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha llum. Viktor Orban qiegħed jara sa mnieħru u ma jafx bil-ħsara kbira li qiegħed jagħmel. Għandu biss raġun wieħed, iżda għal raġuni differenti minn dak li semma hu, li l-Ewropa taħti in parti għal dak li qegħdin naraw jiġri. Għandha responsabbiltà storika għal dak li għaddej f 'dawn il-pajjiżi, li ħafna minnhom kienu eks kolonji ta' ħafna pajjiżi Ewropej u fejn sal-lum, għad għandhom interessi kapitalistiċi. It- terrur li qegħdin naraw f 'dawn il-pajjiżi huwa bħas-susa ħierġa minn injam storiku antik. Fl-aħħar nett, hemm raġuni oħra importanti u wkoll storika. Filwaqt li nammetti li dawn il-pajjiżi kienu taħt dittaturi, xi pajjiżi Ewropej kienu wisq mgħaġġla biex ineħħuhom, iżda mingħajr ma kellhom pjan ta' kif se jimlew il-vojt li kienu se jħallu warajhom. Wara t-tneħħija ta' dawn id- dittaturi, kull struttura ta' dak li jagħmel stat, iġġarrfet u spiċċajna naraw xeni ta' 'free for all' u ta' min jiflaħ, iħawwel, bl-agħar forom ta' formazzjonijiet fundamentalistiċi jgħaffġu fuq popolazzjonijiet sħaħ. Popolazzjonijiet li m'għandhom l-ebda għazla ħlief li jaħarbu mit-terrur tal-intolleranza. Kull ma nista' nagħmel hu, li nitlob skuza lil Aylan Kurdi li għazel li jissogra li jmut b'ħalib ommu fi snienu, milli jgħix fejn m'hemmx demokrazija sakemm jaqgħulu snienu. Toni AbelA "Ħalluhom ħa jiġu għandi!" " Biex taħrab mill- biża', anke l-mewt tissogra...istint li jinsab f 'kulħadd"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 06 September 2015