Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098
18 illum | Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 Huwa ftit diffiċli ma taħsibx dwar il-qagħda attwali ta' nies li telqu minn art twelidhom u vvjaġġaw (jew qegħdin jippruvaw jivvjaġġaw) lejn l-Ewropa bit-tama li, aktar milli jibdew kapitlu ieħor f 'ħajjihom, jibdew ktieb ġdid. Diffiċli taħrab ir-rapporti, ir-ritratti u l-filmati tat- traġedja kbira li qiegħda sseħħ fuq il-bankina tal-Ewropa. Jekk nagħtux kas dak li ma nistgħux ma narawx hija storja oħra. L-impatt tal-emigrazzjoni fuq il-pajjiżi lejn fejn qegħdin jivvjaġġaw dawn l-emigranti huwa wieħed kbir ukoll. M'iniex nalludi għall-impatti ekonomiċi daqs kemm għal dawk soċjali u anki psikoloġiċi. Fil-pajjiżi kollha fejn qiegħda tinħass il-preżenza ta' nies li ġew 'minn barra', u allura 'aljeni', qiegħed iqum biża' kbir, tensjoni kbira li l-aljen se jieħu dak li bi dritt huwa tal-poplu nattiv. Imbagħad il-katina ta' kawża u effett: il-biża' jwassal għas-suspett li jwassal għall- mibegħda li twassal għall- vjolenza (simbolika u anki fiżika). Xi drabi naħseb li hemm żewġ tipi ta' antagoniżmu lejn il-barrani: wieħed aktarx ġenwin u mitmugħ min- nuqqas ta' informazzjoni; l-ieħor huwa sempliċiment frott il-mibegħda. Ħafna nies li jesprimu preokkupazzjoni bil-'barrani' lanqas jindunaw li xi darba l-antenati tagħhom setgħu kienu wkoll 'barranin'. Pereżempju f 'Malta ħafna lanqas jirrealizzaw, minħabba nuqqas ta' informazzjoni u edukazzjoni, li l-poplu Malti huwa poplu mħallat u li ilu sekli sħaħ hekk. Meta wieħed jispjega lil dawn in-nies li ħafna mill-istorja rrakkuntata hija biss serje ta' miti hemm il-possibilità li l-perspettiva tinbidel xi ftit; forsi mhux għal kollox, imma xi ftit. Il-punt, allura huwa li hemm bżonn – u bżonn imminenti – ta' edukazzjoni mifruxa f 'oqsma u għal etajiet differenti, li tħares lejn il-fatti tal-lum u tqegħedhom quddiem il-mera tal-bieraħ. Jekk, kif tħabbar ftit ġimgħat ilu, hemm pjan li t-tfal jibdew jiġu introdotti għal realtajiet ta' forom ta' familji differenti (jiġifieri b'ġenituri omosesswali), għandu jkun hemm proġett simili ta' edukazzjoni dwar nies u razez differenti. Meta kont żgħir kienu jiġbru għal dik li konna nsejħulha s-Santa Nfanzja. Qatt ma fhimt x'kienet eżatt għajr li konna nagħtu xi ħaġa karità għal dawk li konna nsejħulhom 'is-suwed tal- Afrika'. Il-perċezzjoni li ħadna kienet li dawn huma nies foqra, qed imutu bil-ġuħ u li jgħixu 'l bogħod ħafna minna u allura tajjeb li xi kultant nagħtu xi ħaġa milli għandna lil dawn in-nies f 'artijiet imbiegħda. Forsi mhux b'intenzjoni, kienet ħtija ta' din il-perċezzjoni li ħafna telgħu jirraġunaw li għandna ngħinu lill-batuti imma għandna ngħinuhom mill-bogħod. U forsi kien proprju dan il- messaġġ li sawwar l-iskumdità li ħafna minna jħossu meta jaraw li dan il-bogħod spiċċa u li dawn in-nies mill-bogħod qegħdin jagħmlu tentattivi iddisprati biex jirfsu l-art li dejjem qisnieha tagħna. L-edukazzjoni l-ġdida trid temfasizza li dawn in-nies u r-razez qegħdin hawn u qegħdin hawn bi dritt. Wieħed irid jifhem ukoll li huwa importanti ħafna li l-edukazzjoni u s-sistemi formali tagħha għandhom jagħmlu minn kollox biex ifarfru t-trab tqil tal-miti li ħafna drabi jkunu dawn li jwasslu biex bniedem jobgħod lil ieħor. Tajjeb li nżommu f 'moħħna li fiċ-ċirkustanzi attwali, din il-mibegħda hija ħafna drabi indirizzata mhux lejn gruppi ugwali jew aħjar minn tagħna, imma, ironikament, lejn gruppi li diġà qegħdin isofru minħabba s-sitwazzjonijiet f 'pajjiżhom. Hija mibegħda lejn il-batut u l-bażi tagħha hija d-differenza. F'artiklu riċenti ppubblikat fl-EU Observer (21 ta' Awwissu), Andrew Rettman josserva li wħud mill-pajjiżi tal- Unjoni Ewropea qegħdin jiddifferenzjaw bejn l-Insara u l-Musulmani li qegħdin ifittxu l-ażil. Pajjiżi Ewropej b'kultura b'saħħitha Kattolika jew Nisranija qegħdin jiddikjaraw uffiċjalment li lesti jilqgħu fosthom numru żgħir ta' Sirjani basta dawn ikunu ta' twemmin Nisrani. Is-Slovakkja u l-Irlanda ma qagħdux jomogħdu kliemhom u għamluha ċara li fosthom lesti jaċċettaw refuġjati ta' twemmin Nisrani. Pajjiżi oħrajn ma għamlux dikjarazzjonijiet simili iżda fil-prattika għamlu l-istess. Il-president Ċek kien ikkwotat jgħid li dawk ir-refuġjati li għandhom kultura differenti minn dik dominanti fir- Repubblika Ċeka mhux posthom f 'dan il-pajjiż. Ewa Kopacz, il-prim ministru Pollakka, ikkummentat ukoll li l-Polonja, bħala pajjiż Nisrani, għandu dmir speċjali lejn l-Insara tas-Sirja. Issa wieħed irid jiftakar li d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' twemmin reliġjuż hija għal kollox kontra l-filosofija uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Aktarx li hemm raġuni oħra għala n-nies li jitilqu minn pajjiżhom u jersqu lejn tagħna jiskomodawna. Michel Onfray, fil-ktieb tiegħu Il-Filosofija tal-Vjaġġ (li semmejtu f 'artiklu ieħor ftit tal-ġimgħat ilu) josserva li s-soċjetà sedentarja ssib problema bil- popli li jimxu. Fil-ktieb tiegħu, Onfray mhuwiex jirreferi għal dawk li, sfurzati mit-terrur ta' gwerra ċivili jew kollass tas- sistema politika u ekonomika, qegħdin ifittxu ażil xi mkien ieħor, iżda fuq popli li għażlu li jkunu nomadi. L-eluf ta' nies li jaħarbu minn art twelidhom u qegħdin jegħrqu fil-baħar blu tagħna u jmutu fit-trakkijiet tat- tiġieġ tal-friża jew mgħaffġa bil-ferroviji, mhumiex nomadi, u d-deċiżjoni li ħadu li jiċċaqilqu kienet imposta fuqhom aktar milli magħżula minnhom. Imma l-osservazzjoni ta' Onfray toqgħod anki hawn għaliex il-mixja, il-wasla tal-bniedem mill-bogħod lejn dan il-post mnejn qatt ma niċċaqilqu, hija punt ieħor li jiled il-flieles f 'moħħna. Il-bniedem li ġie mill-bogħod, li ma nafuhx, li qatt ma rajna qabel, li ma stidinniehx, inissel fina ċertu biża' għaliex għalina m'huwiex normali li tiċċaqlaq, li titlaq kollox warajk u timxi. U allura tibda tisma' mistoqsijiet oħrajn bħal, "għax ma jirranġawx pajjiżhom minflok ma jiġu 'l hawn?" Din hija l-istorja tagħna: ta' min jitlaq għal għonq it-triq u ta' min jipprova jimbarra l-bieb ta' barra; ta' min jisfida l-biża' bis-saħħa tat-tama u tad-disprament u min jiżra' u jkabbar il-biża'; ta' min hu bniedem tad-demm u l-laħam u ta' min jaf isir tal-ġebel. MIN ĠIE MILL-BOGĦOD Immanuel mIFSuD Dawn in-nies mill-bogħod qegħdin jagħmlu tentattivi ddisprati biex jirfsu l-art li dejjem qisnieha tagħna "Hemm żewġ tipi ta' antagoniżmu lejn il-barrani: wieħed aktarx ġenwin u mitmugħ min- nuqqas ta' informazzjoni; l-ieħor huwa sempliċiment frott il-mibegħda" "Il-bniedem li ġie mill-bogħod, li ma nafuhx, li qatt ma rajna qabel, li ma stedinniehx, inissel fina ċertu biża' għaliex għalina mhuwiex normali li tiċċaqlaq"