Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/570052
16 illum | Il-Ħadd 13 ta' Settembru 2015 " Il-kultura tagħna qdiemet, il-knejjes huma kbar u dejjem vojta u l-burokrazija tal-Knisja dejjem tikber. Il-Knisja għandha tammetti l-iżbalji li għamlet u tagħmel bidla radikali...nibdew mill-Papa u l-Isfqijiet. L-iskandli tal-pedofelija jobbligawna li nibdew vjaġġ ta' trasformazzjoni...il-Knisja qiegħda mitejn sena lura!" Kwotajt testwalment il-kliem ta' wieħed mill-kbar taż-żminijiet moderni tal-Knisja. Mhux ta' wieħed li jħobb jidħol għall-kontroversji, iżda wieħed li qabel kulħadd kien qiegħed jirrealizza li l-Knisja għandha għażla: li tinbidel jew li tmut. Dawn huma l-kliem tal- Kardinal u Isqof ta' Milan, Carlo Maria Martini. Wieħed mill-ftit ġiżwiti li okkupa episkopat u li kien il-favorit bħala Papa fl-2005 wara l-mewt ta' Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, tant li jingħad li fl-ewwel ballottaġġ ta' voti, ġab aktar mill- Kardinal Ratzinger. Il-kliem li kwotajt huma silta minn intervista li kien ta lil Corriere Della Sera ftit qabel ma' miet, tant li kienet ippubblikata wara li miet. Bħal donnu anke wara l-mewt tiegħu ried jibgħat messaġġ li l-Knisja trid tibda vjaġġ ta' bidla u trasformazzjoni. Meta dan l-aħħar żort il-Katidral tal-Bambina f 'Milan, fi Piazza Del Duomo, ma stajtx ma nieqafx quddiem il-qabar tiegħu u nagħmel mument ta' riflessjoni. Katidral kbir u maestuż iżda kif kien qal hu...vojt. Quddiem dan il-qabar anke dawk li ma jemmnux, jieqfu u jagħmlu pawsa ta' riflessjoni għaliex Martini kien ta' ispirazzjoni anke għal min ma jemminx fil-Knisja Kattolika jew f 'Alla. Fil-fatt il-Kardinal Martini kien imlaqqam affezzjosament bħala l-Isqof tan-non-kredenti, ta' dawk li m'għandhomx fidi. Miegħu, dawk kollha li kienu riġettati mill-parti konservattiva tal-Knisja, kienu jħossuhom komdi. Kien jemmen, mingħajr però ma jibgħat messaġġ li qiegħed japprova l-libertinaġġ u l-kredu tar-relattiviżmu, li l-Knisja kellha tibdel l-attitudni lejn dawk li ma jimxux mat-tagħlim dommatiku tagħha. Għalhekk dawk ta' orjentament sesswali differenti mill-eterosesswali, dawk li jgħixu flimkien barra ż-żwieġ, dawk li juzaw il-kontraċettivi, id- divorzjati, dawk li kkomettew abort f 'ċirkostanzi pjetużi, l-atei u tant oħrajn li ma jimxux id f 'id mal- Knisja Kattolika, kienu jħossuhom komdi miegħu. Ma kellux kundanni għall- unjoni ċivili bejn l-istess sess iżda komprensjoni, għaliex għalih, l-imħabba tista' timmanifesta ruħha f 'forom differenti, għalkemm qatt ma aċċetta li dan jammonta għal żwieġ. F'ċirkostanzi ovvji, kien jammetti l-kontraċettivi. F'ċirkostanzi fejn il-mara tkun vittma, mingħajr ma japprova, kien jagħder għalfejn ġara l-abort. Kien jiddjaloga saħansitra mal-atei u kien jemmen li anke n-nisa għandhom rwol importanti x'jilagħbu fil- Knisja, fost l-oħrajn fid-djakonat. Fi ftit kliem, ma baqax mitejn sena lura. Dan kollu ħassejt li għandi niktbu fid-dawl ta' tibdiliet importanti li qegħdin isiru bħalissa fil-Knisja. Ma nemminx li huwa b'kumbinazzjoni li llum għandna Papa li huwa ġizwita wkoll bħall-Kardinal Martini. Okkażjoni rari ħafna fil-papat, daqs kemm kienet rari għal Martini fl- episkopat. Lanqas ma nemmen li hija b'kumbinazzjoni li dan il-Papa jidher ċar li jrid il-bidla radikali li tant kien jipprietka Martini. Dan ħareġ ċar fis-Sinodu, fejn Papa Franġisku għamilha ċara li ried iċaqlaq l-affarijiet jew aħjar iħejji għal vjaġġ li kien irrefera għalih Martini fl-aħħar intervista tiegħu. Biżżejjed inħarsu lejn ir-riformi li saru fil-proċeduri tal-annullamenti tal-Knisja dan l-aħħar, biex niftakru kemm kellu raġun Martini dwar il- burokrazija. Għalija jidher ċar li Papa Franġisku qara dak li kellu xi jgħid Martini qabel ma miet. Għalija jidher ċar li dan il-Papa imbarka fuq il-vjaġġ tant meħtieġ biex il-Knisja ssalva lilha nnifisha biex tkun tista' ssalva lil ħaddiehor. Id-dikjarazzjonijiet umanistiċi ta' dan il-Papa dwar min hu ddivorzjat u issa anke dwar dawk li kkommettew aborti trawmatiċi, kollha jippontaw lejn dan il-vjaġġ ta' bidla. Jekk tassew il-Knisja qiegħda mitejn sena lura, mhux se jkun vjaġġ faċli fid-dawl tal-fatt li l-fazzjoni konservattiva fil-Knisja għadha hemm u għadha b'saħħitha. Dan l-aħħar xi ħadd qalli li l-Knisja bil-fors trid tinbidel għaliex għandha l-kompetizzjoni. L-introduzzjoni tad-divorzju, żwieġ bejn l-istess sessi, l-ewtanasja f 'ċertu pajjiżi, l-avvanzi tax-xjenza fil-pjanifikazzjoni tal-familja u prokreazzjoni, huma kollha tibdil radikali fis-socjetà li jeżiġu tibdil radikali fil-Knisja. Dak it-tibdil radikali fil-kultura prevalenti tal- Knisja li għamel referenza għalih Martini. Iżda fil-fehma tiegħi, għalkemm dan kollu tassew qiegħed jagħmel pressjoni fuq il-Knisja biex tinbidel, ir-raġuni veru mhix il-forza tal- kompetizzjoni minn kurrenti aktar minn sekulari, qisna qegħdin nitkellmu fuq xi suq li jiddetermina l-popolarità tal-prodott. M'aħniex fil-kamp tal-merkantiliżmu iżda ta' dak li hu etiku jew aħjar ta' x'inhu tajjeb jew ħazin fil-kondotta tal- bniedem. Il-Knisja u ebda reliġjon oħra ma tbigħ prodott għall-konsum, iżda hija organizzazzjoni li timxi fuq sett ta' valuri li anke min ma jemminx fiha, jeħtieġ il-preżenza tagħhom. Jeħtieġ li l-Knisja tibqa' ħajja, mhux biex kulħadd isir Kattoliku jew isir jemmen f 'Alla, iżda għaliex il- preżenza tagħha tajjeb jew ħazin, bħal kull reliġjon monoteistika oħra, iżżomm ħaj qafas ta' dibattitu etiku li fih joperaw anke dawk li ma jemmnux fiha. Iċ-ċahda t'Alla għandha bżonn l-affermazzjoni tiegħu! Jista' jkun li dan kollu jidher kontradittorju iżda mhuwiex. Is- soċjetà ma tistax titlef il-preżenza tal-Knisja bħalma ma tistax titlef il-varjazzjonijiet soċjali l-oħra li flimkien jikkomponu l-mużajk ta' eżistenza razzjonali tas-soċjetà. Għalhekk il-vjaġġ xi ħin irid jinbeda, kif naħseb li diġà għamel dan il-Papa. Issa kollox jiddependi minn kemm se jingħata ċ-ċans jagħmel dak it-tibdil tant neċessarju li tkellem dwaru Martini. Kull ma nista' ngħid lil dan il-Papa hu: il-vjaġġ it-tajjeb! It-tibdil radikali dejjem isib oppożizzjoni. Iżda jsir irid u llum jew għada jrid isir. Id-dewmien ikompli jdgħajjef lill-Knisja. Toni AbelA "Bħal donnu anke wara l-mewt tiegħu ried jibgħat messaġġ li l-Knisja trid tibda vjaġġ ta' bidla u trasformazzjoni" Il-vjaġġ it-tajjeb "Dan il-Papa imbarka fuq il-vjaġġ tant meħtieg biex il-Knisja ssalva lilha nnifisha biex tkun tista' ssalva lil ħaddieħor"