Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/570052
18 illum | Il-Ħadd 13 ta' Settembru 2015 F 'Awwissu, il- grupp Inizjamed ipprezenta l-għaxar edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura. Minn dak li għarrfuni, din kienet l-aħjar edizzjoni s'issa. Saret fil- forti rinovat ta' Sant'Iermu u fuq tliet serati kien hemm pubbliku li jlaħħaq mas-750 ruħ. Fost dawk li ħadu sehem, kien hemm l-awtur Libjan Hisham Matar, wieħed mill- intellettwali li ħaduha kontra r-reġim ta' Gaddafi u l-awtriċi/ akkademika Marina Warner. Staqsewha x'importanza għandhom il-miti llum. Wiegbet li f 'Londra, kull kumpanija tat-teatru qed tagħmel mill-aħjar biex tirriġenera t-teatru klassiku, minħabba r-relevanza li għandu għall-problemi politiċi, ekonomiċi u eżistenzjali li għaddejja minnhom id-dinja bħalissa. F'Malta kollox isir bil-maqlub: hemm dawk li issa skoprew it- teatru postkolonjali Britanniku u qed jimmilitaw kontra dawk li qed jikkwalifikawhom bħala 'dinosawri' tat-teatru lokali. Jippreferu t-teatru postkolonjali Ingliż li għalina żgur m'għandux relevanza. Ma nafx semgħux x'qalet Warner dwar ir-riġenerazzjoni tat-teatru klassiku Grieg. F'Malta fis-snin sittin, diġà kien qed isir festival tat-teatru Grieg fil-miftuħ. Fir-repertorju, kien hemm awturi bħal Ewripidi, Sofokli u Aristofani. MOPPIJIET IDURU U KURUNI RELIĠJUŻI L-Arċisqof Scicluna dan l-aħħar għamel plejtu sħiħ dwar min jinsulenta r-reliġjon tal-Maltin. Jidher li r-Ragħaj reliġjuż ta' Malta Kattolika hu maqtugħ għal kollox minn kif qed tkun redikolata r-reliġjon. Ħalli nieħdu l-programmi tat-telebejgħ. Hawn jinbiegħu, fost l-oħrajn, grilji non-stick, fannijiet, sedini ortopediċi għal meta tkun qed issuq jew tara xi teleserje, bramel bil-moppijiet iduru, magic blenders, grinders għall-basal u t-tewm eċċ. Imma stennew il-kbira: f 'dawn il-programmi hemm min qed ibigħ kuruni mberkin kull nhar t'Erbgħa mill-Papa Franġisku u magħhom ikun hemm biċċa drapp żgħira li tkun misset mal- katavru tal-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni. Il-kuruna u l-biċċa drapp flimkien ma' santa "straordinarja" qed jinbiegħu għall-prezz "fenomenali" ta' 35 Ewro. Taħlita eċċellenti ta' kif il-Maltin jafu jirrispettaw ir-reliġjon tagħhom b'Mons. Arċisqof b'għajnejh magħluqin. RAI STORIA U L-FEMME FATALE Il-programmi lokali għaż- żgħażagħ għandhom xi ħaġa infantili dwarhom. Għandhom infantiliżmu li jixhed il-mod ta' kif huma mħarrġin l-għalliema biex 'jgħallmu'. L-għalliema Maltin ma jafux jiddemokratizzaw l-edukazzjoni. Għadhom jimxu fuq il-metodu kolonjalista ta' edukazzjoni nieżla minn fuq għal isfel. Kont qed nara l-istazzjon RAI Storia dwar il-formazzjoni taż-żgħażagħ fl-1961. Iddaħħlet id-dinamika intersesswali, it- tribuna politika internazzjonali (eż. ir-raġunijiet għall-qtil ta' Lumumba fil-Kongo) u t-tifsira tal-antropoloġija antika għas- seklu 21. Kien hemm silta oħra mill- Eneidi dwar iż-Żiemel ta' Trojja, fattur li dan l-aħħar rajnih fil-fetħa tal-Belt bħala protesta kontra l-ftehim tat-TTIP bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Kienet diskussa wkoll it-tifsira ta' Elena ta' Trojja bħala femme fatale, sabiħa u perikoluża. Ma nafx kemm żgħażagħ Maltin jafu xi tfisser femme fatale jew min kien Patrice Lumumba tal-Kongo. Dawn huma temi li fis- sistema Maltija ma jintmessu qatt. Prova tal-limitazzjonijiet tal-edukazzjoni f 'Mata (u anki tal-media). INSOLENZA KONTRA L-ANZJANI Il-Leading Britain's Conversation (LBC) hu stazzjon radjufoniku li jxandar fuq id-DAB u l-internet, li beda jittrasmetti fl-1973, originarjament bhala l-London Broadcasting Company. Fi Frar tal-2014 beda jinqabad fuq id-Digital Broadcasting, bi programmi ta' kuljum b'temi li jvarjaw minn soċjoloġija, politika, mediċina sa xows trivjali u gossip popolari. L-LBC joffri talk shows u programmi phone-in li jagħtu leħen lil kulħadd. Fl-aħħar ġimgħat, kif mistenni, kienet diskussa l-problema tar-reliġjonijiet u l-libertà tal-espressjoni. Uħud minn dawk li jċemplu biex jitkellmu jipprofessaw li huma ateisti u jemmnu li r-reliġjonijiet huma l-kaġun tal-kunflitti globali. Programm ieħor li ġibed ħafna attenzjoni kien dak dwar l-anzjani u l-NHS fl-Ingilterra. Inħolqot problema dwar is- servizzi li qed joffru l-aġenziji privati li jieħdu ħsieb l-anzjani u qed isiru appelli biex il- Gvern jidħol biex jinvestiga u jintervjeni favur l-anzjani sfruttati. Instemgħu stejjer orribbli, anki ta' serq mill-careworkers u abbużi kontra d-dinjità tal- persuna. F'Malta ma wasalniex f 'din is-sitwazzjoni, għalkemm fil-gazzetti dehru stejjer simili li qed jiġu investigati. Imma stejjer dwar il-faqar ta' anzjani li m'għandhomx biex isaħħnu darhom minhabba l-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma, ilhom jolqtu l-media. Anzjani oħrajn qed jisfgħu abbandunati min nieshom stess u 34% qed jgħixu f 'riskju ta' faqar. Il-'faqar' qatt ma ġie kwantifikat iżda jista' jiġi paragunat mal-pensjoni eżorbitanti ta' Prim Ministru meta jirtira. MEDIASPOT Minn Mario azzopardi MARINA WARNER U T-TEATRU KLASSIKU F'LONDRA "Il-kuruna u l-biċċa drapp flimkien ma' santa "straordinarja' qed jinbieghu għall-prezz "fenomenali" ta' €35. Taħlita eċċellenti ta' kif il- Maltin jafu jirrispettaw ir-reliġjon tagħhom b'Mons. Arċisqof b'għajnejh magħluqin" "Il-'faqar' qatt ma ġie kwantifikat iżda jista' jiġi paragunat mal-pensjoni eżorbitanti ta' Prim Ministru meta jirtira" Teatru Grieg: L-akkademika Marina Warner irreferiet għall-bosta rapprezentazzjonijiet klassiċi f 'Londra