Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/580858
Il-Ħadd 04 ta' Ottubru 2015 | illum 15 Kif Naħsibha Għawdex għan-nieqes biss? M eta ta' tmintax- il sena ddeċidejt li nkompli l-istudji tiegħi fl-Università ta' Malta, kmieni fil-ħajja tgħallimt li Għawdex mhux Malta u li lanqas mhu estensjoni tagħha. Tgħallimt ukoll li Għawdex mhux raħal ta' Malta, imma li hu gżira fl-integrità territorjali sħiħa tal-kelma b'karattru distint minn dak ta' Malta, f 'kelma waħda regjun. Tgħallimt li dan ifisser li Għawdex għandu jitkejjel ma' Malta kollha u mhux ma' xi raħal jew belt tagħha biss, ġaladarba n-natura hekk ħolqitu. U min iħobb u jirrispetta lin-natura jrid jaċċetta r-realtà tagħha. Meta aktar tard bdejt insir attiv fis-soċjetà ċivili b'mod specjali dik ta' Għawdex u l-Għawdxin, tgħallimt li dan hu l-punt tat-tluq għal kull diskors li jsir fuq Għawdex u l-Għawdxin u fuq id- destin tagħhom; dejjem jekk wieħed irid ikun ġust ma' Għawdex u l-Għawdxin. Inkella, ħafna drabi ikun qed isir diskors mgħawweġ, idur kontinwament mal-kantunieri jew mal-lewża, u jħallik bla ebda konklużjoni konkreta li turik l-aħjar xenarju għall- iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu. Huwa ferm importanti li sabiex Għawdex u l-Għawdxin sa fl-aħħar isibu l-aħjar xenarju għall-iżvilupp soċjo- ekonomiku tagħhom irrid bilfors jitkejjel l-andament tagħhom mal-oqsma varji soċjo-ekonomiċi eżistenti ġewwa Malta biex jiġi reġistrat jekk l-iżvilupp tiegħu hux qiegħed iżomm pass ma' ta' Malta u jekk le, sa fejn ikun waqa' lura f 'termini ta' GDP u indikaturi oħra. Il-perċezzjoni ta' ħafna nies li joqogħdu fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu jiġifieri Malta, hija waħda li l-Għawdxin ma jħallsux taxxi; li lkoll kemm huma jridu impjieg mal-gvern biex joqogħdu komdi; u jekk u meta jakkwistawh, ħallihom jiskartaw minn fuq ix-xogħol tal-impjieg governattiv biex imorru jaħdmu għal rashom. Imma meta dawn jagħtu l-ġudizzju fuq ħuthom in- naħa l-oħra tagħhom tal- fliegu, jiġifieri l-Għawdxin, importanti li jippruvaw jitgħallmu xi ftit fuq il-veru qagħda soċjali u ekonomika ta' Għawdex u l-Għawdxin. Huwa faċli li jingħad li l-Għawdxin ma jħallsux taxxi, iżda qatt ma jingħad ukoll li l-maġġor parti tal-Għawdxin m'għandhomx fejn jaħdmu fi gżirithom stess. U għalkemm issib lil min jitkaża għax ma jħallsux taxxi u anke saħansitra li l-Għawdxin għadhom lura, ma ssib lil ħadd (jew kważi ħadd), li jipproponi investiment għal Għawdex li jista' joħloq ix-xogħol għall-Għawdxin, ħalli jekk mhux għal ħaġa oħra, mid-dħul tagħhom iħallsu t-taxxi! Naħseb huwa ġust li nistaqsi jekk tagħmilx sens li nies li joqogħdu Għawdex li għandhom inqas opportunitajiet u aktar spejjes li jħallsu taxxa daqs minn jgħix fil-gżira ta' Malta. Inħoss li hu ta' detriment, fl-immedjat u fit-tul, għall- avvanz ekonomiku u soċjali ta' Għawdex li s-servizz veloċi ta' fuq il-baħar, kif ukoll is- servizz li jġorr il-merkanzija ta' kuljum, u sintendi l-waqfien tas-servizz bl-ajru, irrispettivament ta x'jista' jseħħ 'il quddiem, għosfru mix-xena tat-trasport ta' kuljum attwali. Dan in-nuqqas qiegħed iservi biex ibiegħed il-ksib potenzjali ta' progress fil-qasam soċjo/ekonomiku tal-gżira. Imbagħad ħaġa tal-iskantament hu kif dawn is-servizzi infrastrutturali meħtieġa donnhom ħarġu mill-vokabularju u mill- ħsieb politiku in ġenerali. Speċjalment meta għandna Gvern li wegħdhom u llum mhux isemmiehom. Jirriżulta għalhekk, li kull meta Għawdex u l-Għawdxin ħelsu xi ftit mill-Kultura ta' Dipendenza (dik li jistenna lil ħaddieħor jgħidlu x'għandu jagħmel u ma jagħmilx), u minflok, jassumi r-responsabbilitajiet fi ħwejġu, biex l-affarijiet tiegħu jimxu 'l quddiem b'iktar ħeffa u determinazzjoni, kif ukoll jagħraf jiddefendi aħjar dak kollu ġa akkwistat, billi jirreżisti bil-qawwa li jitlef servizzi stabbiliti li jkunu qegħdin jikkontribwixxu u jsostnu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali favur l-interessi tal-Għawdxin, ikun għalhekk qiegħed ibiegħed minnu l-kultura ta' dipendenza. Iżda meta servizzi stabbiliti jogħsfru u qisu qatt ma ġara xejn, tissaħħah minflok il-Kultura ta' Dipendenza! Huwa faċli għall-politikant Għawdxi li meta jkun ma' sħabu politikanti minn Malta jinsa l-aġenda u l-bżonnijiet ta' Għawdex sabiex ikun aktar faċli għalih jintegra u jakkwista xi ħaġa personali aktar milli għal Għawdex u l-Għawdxin. Però l-ħajja għallmitni li dik it-triq li tidher qasira u ħafifa ma tkunx l-aħjar waħda jew li tixraq lil min ikun ivvutalek biex tkun f 'dik il-pożizzjoni. Hija propju din waħda minn dawn ir-raġunijiet għaliex jien dhalt fil-politika sabiex nagħżel it-triq li minkejja li se tkun diffiċli u mimlija intoppi, xorta se naħdem sabiex inwassal il-vuċi u l-aġenda tal-Għawdxin fuq livell nazzjonali. Dan diġà għamiltu qabel ma dħalt fil-politika, meta kont president tal-għaqda tal-istudenti Għawdxin u b'determinazzjoni, flimkien ma' sħabi wasalna sabiex ksibna drittijiet li qalulna li huma impossibli jew żejda. Fosthom, id-dritt li student Għawdxi jagħmlu l-eżamjiet f 'Għawdex u d-dritt li studenti Għawdxin ikollhom rotta tat-trasport pubbliku li taqdi l-bżonnijiet tagħhom. Dan seħħ ukoll meta flimkien ma' żgħażagħ Għawdxin waqqafna l-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin. Ilum, bħala kandidat tal- Partit Nazzjonalista, għadni nwassal il-vuċi u l-aġenda tal- Għawdxin fuq livell nazzjonali permezz ta' programm tar- radju u diskussjoni u features fuq programm televiżiv u kif għamilt fil-passat, qed nagħmel fil-preżent anke fil-futur se nkompli nkun il-vuċi tal- Għawdxin fuq livell nazzjonali. Ilum il-ġurnata, aktar minn qatt qabel hemm bżonn ta' Ministru ta' Għawdex u l-Għawdxin. Ryan Mercieca huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex Ryan meRcieca "Faċli għall- politikant Għawdxi jinsa l-aġenda u l-bżonnijiet ta' Għawdex meta jkun ma' sħabu l-politikanti Maltin biex jakkwista xi ħaġa personali"