Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/580858
18 illum | Il-Ħadd 04 ta' Ottubru 2015 M a nafx fl-iskejjel għadhomx jgħallmu l-istorja tan-nagħaġ ta' Bendu kif kienu jgħallmu lilna. Forsi għadhom. Fil-klassi ta' Miss Buttigieg jew ta' Miss Grima konna nimmaġinaw dan l-irdum għoli għoli u din il- merħla nagħaġ waħda waħda niżlin għal isfel. In-nagħaġ ta' Bendu kellhom jgħallmuna li m'għandniex nagħmlu dak li jagħmel ħaddieħor, li m'għandniex nikkupjaw l-imġiba ta' ħaddieħor. Iżda llum nirrealizza li għall- għalliema tagħna l-istorja ta' Bendu u n-nagħaġ boloh tiegħu kellha tifsira li kienet bażikament tikkontradixxi lilha nfisha. Ma kellniex nimitaw l-imġiba ta' dik in- nagħġa l-ħażina, imma kellna, għall-kuntrarju, noqogħdu mal-merħla u nagħmlu biss is-sewwa, is-sewwa li jagħmel ħaddieħor taħt il-gwida tas- superjuri tagħna: l-għalliema, l-iskola, il-Knisja, il-Gvern. Ħafna mit-tagħlim li konna nirċievu, attwalment, kien jinkoraġġina, anzi kellu l-iskop moħbi iżda primarju, li, appuntu nsiru nagħaġ: mansi, ġwejda, għomja u lesti biss li nimxu mal- bqija tal-merħla. Ma kinitx sistema edukattiva li kienet tinkoraġġixxi l-ħsieb liberu, wisq inqas il-ħsieb kritiku. Il-Ħamis li għadda bdiet sena oħra akkademika fl- università. Waqt iċ-ċerimonja tal-bidu tas-sena, Prof Juanito Camilleri, ir-rettur, fost appelli oħrajn talab lill- istudenti l-ġodda biex jiftħu moħħhom u ma jaċċettawx dak kollu li jingħad. Camilleri sejjaħ lill-istudenti biex jiftħu moħħhom u jkunu kritiċi fil- mixja tagħhom lejn il-kisba tal-verità u s-sewwa permezz tal-għarfien. Appelli simili jsiru ta' spiss lill-istudenti. L-idea progressiva dwar l-edukazzjoni tħares lejn it-tagħlim bħala ċavetta għall-ħsieb kritiku aktar milli bħala istruzzjoni għall- konservazzjoni tal-istrutturi sagri tas-soċjetà. Din l-idea progressiva tara li s-soċjetà, bħala fenomenu organiku, teħtieġ lil min jikkritikaha, min jisfida l-forom tagħha. Għax huwa l-ħsieb kritiku, tisħaq l-idea progressiva, li jsaħħaħ soċjetà billi jżommha dejjem fuq ponot subgħajha u jżommha dejjem tikber u tistagħna. Naturalment biex l-istudenti universitarji jkunu jistħgu jwieġbu għal dawn l-appelli, iridu, qabelxejn, ikunu ilhom esposti għal din l-isfida. Il- ħsieb kritiku jrid jiżviluppa u mhux ikun mistenni li jitfaċċa jum fost l-oħrajn. Sadattant, il-ftuħ tas-sena akkademika f 'Tal-Qroqq kien avveniment immarkat sewwa fuq il-mezzi tax-xandir. Kien hemm, fl-ispeċi ta' fiera tal- istudent, diversi attivitajiet organizzati mill-ħafna għaqdiet studenteski li hemm. Kien hemm xi żjarat ukoll, fosthom minn rappreżentanti differenti tal-partiti. Dawn bilfors li jridu jidhru hemm biex jassiguraw irwħieħhom li n-nagħaġ ma jintilfux f 'xi mogħdija mwarrba fejn jistgħu jiltaqgħu ma' xi sors ta' ħsieb ħieles għal kollox. Sal-elezzjoni għall-kunsilli tal-istudenti, l-appell tar- rettur, b'sogħba kbira, ikun ilu li ntesa, jew aħjar tnessa. Anki l-bidu tas-sena skolastika sar avveniment importanti li l-mezzi tax- xandir jieħdu ħsieb li jħabbru bil-pompa kollha. Fil- bulettini ewlenin jixxandru filmati ta' tfal jitbissmu sejrin l-iskola ferħanin se jtiru u l-ġenituri – jiġifieri l-ommijiet – mal-bieb il-kbir tal-iskola sa xi nofs siegħa wara li dan il-bieb ikun ingħalaq u t-tfal, jew ħafna minnhom, ikun diġà nsewhom. Mal-mezzi tax-xandir hemm, illum il-ġurnata, il- media soċjali: nhar l-ewwel jum tal-iskola, jidhru biżibilju ta' ritratti tat-tfal sejrin jitgħallmu: ritratti bl- uniformi fis-salott huma u ħerġin, quddiem il-bieb tad- dar, huma u mixjin, quddiem il-bieb tal-iskola, fil-kuritur, quddiem il-klassi, ġol-klassi. Fis-soċjetà tagħna, l-ewwel jum tal-iskola jimmarka mument importanti fil-ħajja ta' dak li jkun; huwa tarġa jew skaluna, tragward li ħafna minna jiftakru b'nostalġija, bħalma jagħmel Jusuf Islam. M'għandniex xi ngħidu, huwa avveniment sfruttat sew mis-suq, issa li l-'back to school' sar sors tajjeb ta' dħul u qligħ. Lit-tfal irridu ngħallmuhom ukoll ir-riti tas-suq u l-konsumeriżmu. Fid-diskors tiegħu, ir-rettur tal-università, biex nerġgħu mmorru lura għaliha, semma wkoll it-theddida tal-ksenofobija. Aktarx li bħala forma ta' biża', u biża' bbażat fuq idea żbaljati u miti minflok fatti, il-xenofobija tiġi interpretata bħala injoranza li trid tingħeleb bl-għerf, bil-ftuħ tal-imħuħ permezz tal-għarfien. Kont ktibt li fil-fehma tiegħi grupp jeħodha kontra ieħor għal żewġ raġunijiet: jew minħabba l-biża' – appuntu l-ksenofobija – jew minħabba l-mibegħda. Hawn nies li ġenwinement jibżgħu mill-barrani; li ġenwinement jemmnu li l-barrani jista' jhedded il-pajjiż u t-tradizzjonijiet tiegħu; li ġenwinement jemmnu li nies ta' reliġjonijiet differenti jistgħu, b'xi mod li lanqas għalihom m'huwa ċar, jimmina l-prattika reliġjuża 'nattiva'. U ħafna minn dawn tismagħhom jgħidu: 'Jien m'iniex razzist imma ...' Jien nemmen li dawn in-nies ġenwinement jemmnu li m'humiex razzisti. Imma mbagħad hemm il-grupp l-ieħor, magħmul minn nies li ma jibżgħux mill-barrani daqskemm jobogħduh, u jobogħduh b'passjoni kbira. Tinduna mit-ton li jużaw meta jitkellmu jew jgħajtu fit- toroq wara l-istrixxuni jew fuq il-megaphones; tinduna minn dak li jgħidu; tinduna mir-rabja u l-qilla li jesprimu huma u jippruvaw iwasslu l-messaġġ tagħhom, messaġġ li jkompli jbeżża' u jnibbet il-miti fl-imħuħ tan-nies tal-ewwel grupp. U dawn dak li jridu: li jbeżżgħu dejjem aktar lill-beżżiegħa. Tarahom lil dawn in-nies, b'kapaċità kbira, jgħattu l-mibegħda b'kostum li jista' jidher nobbli, bħalma tidher l-imħabba lejn il-patrija, it-tixjir tal-bandiera nazzjonali, ir-referenzi nieqsa minn perspettiva kritika ta' għanjiet u poeżiji li nkitbu f 'ċirkustanzi oħrajn. U allura iva, wieħed jittama li l-università jkollha l-ħila tirribatti l-mibegħda biex tiftaħ l-imħuħ u tiġġieled kontra l-biża'. BENDU GĦANDU MERĦLA NAGĦAĠ Immanuel mIFSuD "Tarahom lil dawn in-nies, b'kapaċità kbira, jgħattu l-mibegħda b'kostum li jista' jidher nobbli, bħalma tidher l-imħabba lejn il- patrija" Ħafna mit-tagħlim li konna nirċievu, attwalment kellu l-iskop moħbi, li, appuntu nsiru nagħaġ: mansi, ġwejda, għomja u lesti biss li nimxu mal-bqija tal-merħla