Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/591009
14 illum | Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2015 E man Borg twieled ir-Rabat Għawdex, 20 sena ilu. Anke jekk ta' età daqshekk żagħżugħa, Eman għamel impatt qawwi fil-gżira Għawdxija. Hu ko-fundatur tal-Gozo Rugby Club u plejer mal-istess klabb, viċi president tal-Gozo Youth Council, koordinatur tal-GUG fl- MCAST, fundatur u ċermen tal-LGBTI+ Gozo, kordinatur ta' Let's Do It Gozo u preżentatur fuq żewġ stazzjonijiet tar- radju: ir-Radju Lauretana ta' Għajnsielem u Campus FM tal-Università. Ikolli nammetti li ma kienx faċli li tintervista żagħżugħ daqshekk attiv f 'diversi oqsma tal-ħajja. Għax il-fatt li trid tipprova tidħol f 'kull qasam fid- dettal jeħtieġlek ħafna spazju. Iżda bil-mod intelliġenti kif dan iż-żagħżugħ ħassieb kapaċi jinseġ dawn l-oqsma kollha rnexxilu jwassal il-viżjoni tiegħu li jagħti leħen liż-żagħżugħ Għawdxi. L-ewwel diskors waqa' fuq l-LGBTI+ li ħoloq Eman sena ilu f 'Għawdex. Staqsejtu jekk kinitx diffiċli li joħloq assoċjazzjoni għal nies LGBTI+ f 'Għawdex. "Jien ħriġt fil-miftuħ li jien gay tliet snin ilu meta kelli 17-il sena. Għalkemm ma ħriġtx inxejjer xi bandiera li jien gay, indunajt li meta ħriġt fil-miftuħ ma kien hawn l-ebda għaqda. Ħafna gays kienu jmorru Malta biex jgħixu l-ħajja ta' gays għax hawn Għawdex kien hawn komunità magħluqa, u ħafna minnhom kienu jibżgħu. Għalhekk ħdimt biex ftaħt l-għaqda LGBTI+ Gozo meta kelli 19-il sena, u llum kuntent li min hu LGBTI jista' jgħid min hu bla biża'. Wassalt messaġġ li Għawdex m'għadux tal-1950. Anke adulti gays ħarġu fil-beraħ, u llum iħossuhom aħjar u aktar komdi. Jien kelli problema ta' kunfidenza fija nnifsi, fejn kien mertu ta' Ġorġ Mizzi tal-Gozo School of Drama li qalgħali għajnejja minn mal-art u grat ħafna lejh." Mistoqsi għaliex hemm il-plus wara l-kliem LGBTI, Eman qalli li jkun żball jekk l-LGBTIs jemarġinaw ruħhom għalihom, "għalhekk ħassejt li din l-għaqda tilqa fiha lil dawk l-etrosesswali li huma alleati ma' dawk li mhumiex bħalhom, u rnexxielna nagħmlu dan. Fil-fatt norganizzaw seminars u laqgħat għal kulħadd, anke għall-familji u ġenituri tal-LGBTIs biex nedukawhom fil-ħajja tagħna u jkunu parti minn din il-ħajja u jifhmu dak li hu divers. Il-motto tiegħi hu, 'Take the leap and the net will appear.'" Eman qal ukoll li l-fatt li hu jilgħab ir-rugby juri li anke lill-gays ma tistax tagħtihom xi timbru bħala effeminati. Għax la l-etrosesswali u lanqas il-gays ma tista tittimbra fil-ħajja. Bdejna niddiskutu ż-żgħażagħ Għawdxin, u hawn fejn Eman ħareġ il-forte tiegħu, "Għawdex irid ikun il-post fejn iż-żagħżugħ Għawdxi jrabbi l-familja tiegħu. Biex jiġri dan, Għawdex irid joffri xogħol ta' kwalità. Irid jieħu ħsieb li l-opportunitajiet tax-xogħol ikunu fuq il-binarji ta' dak li l-istudent Għawdxi qed jistudja." Mistoqsi jekk il-mina tistax tagħmel differenza f 'Għawdex, Eman qal li hu personali ma jaqbilx mal-mina, "Għandna bżonn aċċessibbiltà llum u mhux għada. Il-prijorità qatt ma kellha tkun il-mina jew pont, iżda l-fibre optic cable biex ikun hawn investiment fl-iGaming fejn l-istudent Għawdxi jeċċella. Amerikan b'konnessjoni ta' internet tajba, għandu aktar aċċess ma' Malta milli Għawdxi ma' Malta. "Il-prijorità trid tkun il-'fast boat ferry service' u ma jqabblux dak li kien jingħata 15-il sena ilu mas-servizz li jista' jsir illum. Il-problema tal-Għawdxi mhux li jaqsam bil-vapur, iżda l-ħin li jitlef biex jasal sa fejn irid jasal minħabba t-traffiku. Jekk ikun hemm 'fast ferry service' lejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema, dan kollu jinbidel." Mistoqsi għaliex hu ma jaqbilx mal-mina, Eman qal li Għawdex b'mina jitlef il-karatteristiċi tiegħu. Mal-gżira Għawdxija, hu qabbel id-diversi gżejjer Griegi li m'għandhomx pontijiet u mini iżda għandhom diversi modi kif jistgħu jaslu fuqhom bil-baħar. "Barra minn hekk, l-istudenti Għawdxin iridu jifhmu li jekk issir il-mina, is-sussidju ta' €1,500 li jingħataw biex ma jaqsmux lejn Għawdex u joqogħdu Malta, ma jibqax jingħatalhom, u anke l-hostel li tant nemmen li għandu jsir għall-Għawdxin, żgur li ma jkunx hemm bżonn isir. Barra hekk nemmen li bi triq taħt il-baħar Għawdex jiġi distrett normali u għalhekk lanqas ministeru ma jkollu bżonn." Staqsejtu jgħidli x'inhi l-viżjoni tiegħu dwar Għawdex, u Eman qalli li Għawdex għandu bżonn branding, "Li tfisser aħna x'se nbigħu. Il-prodott naturali Għawdxi, l-element marittimu u l-agrikoltura. Jien nara lil Għawdex b'mod pittoresk, b'ħajja moderna u fl-istess ħin inżommu t-tradizzjoni." Dwar l-Għawdxi, dan iż- żagħżugħ li tant jemmen fix-xogħol f 'Għawdex għall- Għawdxin qal li kultant jara difett fl-Għawdxi: dak li hu determinat ħafna iżda mbagħad magħluq f 'kaxxa u ma jaħsibx barra l-kaxxa. "Ma rridux nitgħallmu dak li jgħallmuna bl-amment iżda irridu nidibattu. L-iżball tal-Għawdxi hu li jħares bil-perspettiva tal- Malti u mhux bil-perspettiva Ewropea. Għawdex hu differenti minn Malta u għalhekk irridu nitgħallmu nibnu karattru u opinjonijiet differenti mill- Maltin. "Il-fatt li trabbejt minn ommi biss, li jiena Għawdxi li ngħix Malta għal ħafna jiem minħabba l-istudju, u li jien gay għeni biex insawwar il- karattru tiegħi u karattru sod. Bnejt opinjoni tiegħi. Tgħallimt nagħmel riċerka primarja u noħloq opinjoni." Tkellimna dwar il-kuntrasti li jeżistu f 'Għawdex fost iż- żgħażagħ, fejn hemm żgħażagħ li jabbandunaw l-iskola u oħrajn li jispiċċaw 'top of the class' kull fejn imorru jistudjaw. "Iż-żgħażagħ tas-sengħa qed jibqgħu Għawdex u dawn jirnexxilhom anke jibnu negozju tagħhom u jimxu. L-istudent li jagħżel l-iskola, qed jispiċċa Malta u normalment ikun fuq ta' quddiem. Meta jkollu madwar 23 sena jħoss li jrid sfidi akbar, u għalhekk jagħżel li jsib futur barra mill-pajjiż u qatt ma jerġa' jersaq lejn Għawdex. Dan ifisser li Għawdex qed jitlef l-imħuħ." Dan id-diskors iwasslek biex tara lil Eman bħala politiku tal-futur, "Jien politiku tal- politiki u mhux ta' politika partiġġjana. Iżda pajjiżna jekk ma tkunx partiġġjan m'hemmx postok." Qalli wkoll li minn dak li studja, sar jaf li fis-snin ħamsin meta Għawdex kellu partit ta' Għawdex, kellu l-aħjar suċċessi u jemmen li wasal iż-żmien li jinħoloq Partit ta' Għawdex. "Ma nafx jekk jiġri dan inkunx parti minnu, iżda jien il-ħolma tiegħi hi li nagħti leħen liż-żagħżugħ Għawdxi. Iż-żagħżugħ Għawdxi irid jifhimha li ma nistgħux inbiddlu l-passat, iżda l-futur jinsab f 'idejna. Jien inqisni bħala leader u rrid naħdem biex noħloq leaders oħra, għax il-vera leaders mhux dawk li jiġbru s-segwaċi warajhom. B'hekk inkun ħallejt Għawdex aħjar." Iżda jekk iħossux leħen fid-deżert, Eman qalli li le ma jħossux hekk iżda kultant iħossu mitluf dwar liema triq Għawdex għandu jieħu, iżda jaf li bħalu hemm żgħażagħ oħra, fejn hu semma tnejn minnhom, Ryan Mercieca u Marc Schembri li qed jaħdmu qatigħ biex leħen l-Għawdxi jinstema. Eman temm l-intervista b'sentenza li kien qal Voltaire, "I can disapprove of what you say, but I will defend to the death your right to say it." "Li trabbejt m'ommi biss, li jien Għawdxi, u li jien gay għeni biex insawwar karattru aktar sod" illum@mediatoday.com.mt John Busuttil Eman Borg: Irid jara liż-żagħżugħ Għawdxi jrabbi familja f 'Għawdex • Ta' 17-il sena ħareġ fil-pubbliku li hu gay u ta' 19-il sena ħoloq l-LGBTI+ Gozo • Jemmen li Għawdex għandu bżonn partit ġdid, il-Partit ta' Għawdex