Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/591009
Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2015 | illum 19 Naħsdu imma ma rridux ninsew niżirgħu M eta bdiet il-kampanja elettorali Kanadiża f 'Awwissu li għadda, il-Prim Ministru Konservattiv Stephen Harper kien qed jittama li jirbaħ ir-raba' mandat tiegħu. L-akbar partit tal-Oppożizzjoni, il-partit Soċjaldemokratiku, New Democratic Party kien qed jittama li jirbaħ, mentri l-Liberali kienu fix-xifer li jisparixxu mill-orizzont politiku kif ġralhom dawk Brittaniċi. Il-konservatti wegħdu li se jibbilanċjaw il-baġit, u s-soċjaldemokratiċi sabiex jevitaw li jiġu akkużati bħala 'tax-and-spend socialists', qablu magħhom. Kienu biss il-liberali li wegħdu li se jonfqu $46bn f 'perjodu ta' għaxar snin fl- infrastruttura. L-elettorat, li qed iħoss l-effetti ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-prezz taż-żejt, għażel politika alternattiva għal dik ta' l-awsterità li ż-żewġ partiti prinċipali kienu qed joffrulu, u ta rebħa kbira lill-Parti Liberali ta' Justin Trudeau, it-tifel ta' l-eks Prim Ministru ikoniku Kanadiż, Pierre Elliott Trudeau. Riżultat li għandu jiftaħ għajnejn lil ħafna fl-Ewropa. Ftit jiem ilu ttieħed vot fil-House of Commons Ingliż dwar 'fiscal charter' li l-Gvern Konservattiv Ingliż ried jadotta. Din il-karta fiskali timpenja lill-Gvern tar-Renju Unit li jibbilanċja d-dħul u l-ħruġ tiegħu sas-sena 2019-2020. Imbagħad, il-Gvern Ingliż irid jassigura surplus fiskali sakemm iż-żieda tal-Prodott Gross Domestiku ma tkunx anqas minn 1% fis-sena. Il-Ministru tal-Finanzi Ingliż, George Osborne, li huwa wieħed mill-papabbli bħala suċċessur ta' David Cameron, stqarr li l-pajjiż irid jgħix skont il-mezzi tiegħu u dan minħabba li d-dejn nazzjonali tar-Renju Unit hu 80% tal- PGD. Il-Partit Laburista Ingliż issa huwa mmexxi minn figura mix-xellug tiegħu li kienet emarġinata fl-era tan-New Labour, Jeremy Corbyn. Bħala shadow chancellor tal-exchequer, Corbyn għażel deputat li huwa aktar xellugi minnu, John McDonnell. Ftit ġimgħat ilu, McDonnell ta intervista lil The Guardian fejn stqarr li r-Renju Unit dejjem irid jgħix skont il-mezzi tiegħu u li l-Partit Laburista kien se jivvota favur il-karta fiskali l-ġdida ta' George Osborne. McDonnell għamilha ċara li l-Partit Laburista jrid jibbalanċja l-kotba, irid li l-pajjiż jgħix skont il- mezzi u jindirizza d-defiċit. Madankollu, McDonnell tenna li sabiex jilħaq tali għan, il-Partit Laburista kien se jimxi differenti min kif iridu jimxu l-konservattivi: minflok ma jnaqqas l-ispiża, McDonnell sostna li Gvern tal-Labour se jtaffi l-piż fuq min jaqla' ftit jew għandu dħul medju u jistimula t-tkabbir ekonomiku b'li jinvesti fi proġetti ta' infrastruttura. McDonnell donnu ħaseb li jkun possibli li wieħed jagħmel hekk u fl-istess ħin, ma jonfoqx aktar milli jdaħħal. Imma anqas minn tlett ġimgħat wara, McDonnell biddel il-mużika u l-Partit Laburista ddeċieda li jivvota kontra l-karta fiskali. Fil-parlament, McDonnell stqarr li, "Irrid inneħħi l-monopolju li d-defiċit kellu fid- diskussjoni ekonomika fl-aħħar snin. Tassew, id-defiċit huwa ta' importanza vitali imma għandna bżonn bidla kardinali u niftħu d-dibattitu dwar xiex jagħmel ekonomija f 'saħħitha u sinjura li kulħadd jaqsam il-ġid tagħha u jkun fil-paċi u mhux biss il-ftit sinjuri. Ser nindirizzaw id-defiċit imma mhux fuq dahar ta' dawk bi dħul medju, u speċjalment, fuq dahar l-aktar fqar." McDonnell ukoll wera dubju dwar l-iskop veru ta' din il-karta li skontu, mhuwiex ekonomiku imma politiku. Fil-fatt, Osborne fid-diskors tiegħu fil-Parlament tenna li min ma jivvotax favur din il-karta, ikun qiegħed jivvota favur infiq bla rażan u juri irresponsabbiltà fiskali wara snin ta' tkabbir ekonomiku. Osborne saqsa, "jekk l-Ingilterra hiex se tħallas id-djun tagħha, tgħix skond il-mezzi tagħha, tnaqqas id-dejn tagħha sabiex meta jerġa' jfaqqa xi diżastru, tkun ippreparata aħjar? Jew se nerġgħu nkunu ħaljin, nerġgħu nonfqu l-flus li m'għandniex, nisselfu għal dejjem, nipotekaw il-futur tat-tfal bi djun li aħna ma nistgħux inħallsu aħna stess u nikkundannaw lill-Ingilterra għall- futur ta' dejn għoli u tkabbir baxx?" Ir-raġunament ta' Osborne huwa tassew mhux soffistikat. Skont Osborne, il-pajjiż għandu biss jonfoq skont x'jiflaħ jonfoq u ma jgħabbiex ġenerazzjonijiet futuri b'dejn. Kif għidna drabi oħra minn din il-kolonna, dan kien ir-raġunament prevalenti qabel ma faqqgħet id-Dipressjoni l-Kbira fl-1929. Għal bosta snin, il-gvernijiet baqgħu jissikkaw iċ- ċinturin sabiex jibbilanċjaw il-kotba. Imma r-riżultat kien li l-qagħda ekonomika fil-pajjiżi tal-Punent ħżienet aktar. Bir-riżultat, li f 'bosta pajjiżi, twieldu dittaturi kiefra bħan- Nazzisti fil-Ġermanja. Madankollu, fl-Amerika, tela' fil-poter fl-1932 President Demokratiku ġdid, Franklin Delano Roosevelt li nieda programm ta' nfiq pubbliku sabiex l-ekonomija Amerikana terġa' taqbad ir-ritmu. Ispirat mit-tagħlim tal-ekonomista Ingliż, John Maynard Keynes, in-New Deal irnexxielu joħroġ lill-Amerika u l-kumplament tad-dinja mir-riċessjoni. Illum dan kollu qed ninsewh u kif qal McDonnell, kulħadd huwa ffissat dwar id-defiċit bejn id-dħul u l-infiq tal-gvern. L-Ingilterra ma kinetx obbligata tadotta l-karta fiskali għaliex ma tagħmilx parti miż-Żone Ewro, imma adottatha xorta waħda minkejja li hija istintivament ewroxettika. Hawn Malta, is-sena l-oħra adottajna liġi b'għan simili wara li fl-eqqel tal-kriżi tal-ewro, l-pajjiżi taż-Żona Ewro adottaw it-Trattat dwar l-Istabbilità, Koordinazzjoni u Governanza, li tlaqqam il-Patt Fiskali. Trattat li ġie ppreżentat bħala s-soluzzjoni li ż-Żona Ewro, kienet għaddejja minnha. Il-Parlament Malta adotta l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali fl- eqqel tas-sajf tal-2014 fl-indifferenza ġenerali. Fl-artiklu 7, din il-liġi torbot lill-gvern li josserva l-Artikli 3 u 4 tat-Trattat. Imbagħad l-Artiklu 8 (2) jġiegħel lill-gvern jew jibbilanċja l-kotba, jew idaħħal aktar milli jonfoq u dan ħlief f ''ċirkostanzi eċċezzjonali' u s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju ma tkunx mhedda. L-artiklu 10 ta' din il-liġi tippreskrivi li kwalunkwe defiċit ma jkunx aktar minn 0.5% tal- PGD u 1% jekk id-dejn pubbliku jkun anqas minn 60% tal-PGD. Imbagħad, l-Artiklu 9 jordna lill-Gvern li fil-każ li d-dejn pubbliku jkun aktar minn 60% tal-PGD, inaqqas gradwalment d-dejn sakemm ma jaqbiżx 60% tal-PGD. Ħadd ma jista' jgħid li l-Gvern Malti ma ħax dan l-impenn b'serjetà. Jidher li dan l-impenn hu b'konvinzjoni u mhux minħabba xi imposizzjoni minn Brussell. U bħalma fis-snin sebgħin u tmenin, il-kejl tas-suċċess ekonomiku kien il-bilanċ fil-kaxxa ta' Malta u tar- riservi barranin, mentri l-pajjiż kien imġewwaħ mill-investiment kapitali meħtieġ u b'infrastruttura taqa' biċċiet, illum il-kejl sar it-tnaqqis tad-dejn pubbliku. Nhar il-Ġimgħa, il-Eurostat iddikjara li fl-aħħar ta' Ġunju li għadda, id-dejn nazzjonali kien €5.6 bn jew 68.8% tal-PGD, jiġifieri €100m anqas mis-sena ta' qabel. Dan meta l-medja tad-dejn tal-pajjiżi Ewropej kien ta' 87.8% imma xorta aktar mill-objettiv tas-60%. Il-Gvern kien pront laqa' dan ir- riżultat u ddikjara li Malta kellha t-tielet l-aktar tnaqqis fid-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PGD fiż-Żona Ewro fit-tieni kwart tal-2015 wara l-Irlanda u l-Greċja. Il-Ministru tal-Finanzi, Profs. Scicluna nnota li d-dejn pubbliku kien qed jiżdied taħt l-amministrazzjoni preċedenti u beda jonqos wara l-elezzjoni. M'għandix dubju li l-Ministeru tal-Finanzi se juża dawn il-figuri fil-laqgħat li jkollu mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet internazzjonali u tar-'rating agencies' li kemm-il darba ddikjaraw is- sodisfazzjon tagħhom li ġie adottat l-Att dwar ir-Responsabilità Fiskali. Imma żewġ artikli li dehru fil- ħarġa tal-ġimgħa l-oħra ta' The Economist għandhom iġiegħlu l-imħuħ tal-Ministeru tal-Finanzi jirriflettu ftit dwar kemm huwa f 'loku dan l-entużjasmu biex nimxu mat- trattati Ewropej, trattati li Renzi u oħrajn qegħdin jiġu jaqgħu u jqumu minnhom. Fl-artiklu "A dangerous gamble", l-Economist għandu dan xi jgħid dwar il-Karta Fiskali Ingliża, "Fid-deher, tidher raġjonevoli... Imma l-karta għandha żewġ difetti kbar. Fl-ewwel lok, b'differenza ma' impenji preċedenti, l-objettiv ta' surplus fil-baġit jinkludi l-ispiża kapitali (u mhux biss l-ispiża kurrenti fuq il-prodotti u s-servizzi). Sal-2020, l-investiment nett pubbliku bħala proporzjon tal-PGD se jkun terz anqas milli kien fl-2010-11. Madankollu, l-ekonomija Ingliża għanda bżonn iddisprat ta' investiment pubbliku, bi broadband tal-qamel u infrastruttura tat-trasport fqira. Bl-imgħaxijiet tad-dejn pubbliku ferm baxxi, il- Gvern faċilment jista' jiffinanzja tali investimenti. It-tqammil ta' Osborne jista' jkun kontraproduċenti għax se jaffetwa t-tkabbir u jagħsar id-dħul futur mit-taxxa. Fit-tieni lok, huwa perikoluż li wieħed jiffissa regoli stretti finanzjarji fil-klima ekonomika inċerta tal-lum. Mhux għaqli li twiegħed li tnaqqas l-infiq għal ħames snin u tirrinunzja għal stimolu fiskali sakemm it-tkabbir jinżel taħt 1%, u din ir-regola probabbilment tiġi injorata bħalma ġara fil-passat meta ġejna għas-si u għan-no." Artiklu ieħor fl-Economist li għandu jaqra min qiegħed ifassal il-politika ekonomika ta' dan il-gvern jismu "The Other Deficit". L-artiklu janalizza kemm għandhom jinkwetaw l-Ingliżi li defiċit ieħor, din id-darba fil-kont kurrenti tal-pajjiż huwa t-tieni l-akbar tad-dinja. Dan id-defiċit bażikament ikejjel id-dħul u l-ħruġ tal-pajjiż għall- prodotti u servizzi kollha. U m'hemmx dubju li l-politika uffiċjali taffetwa dan id-defiċit b'li per eżempju, tistimula l-esportazzjoni jew tħajjar lill-barranin jinvestu f 'pajjiżna. Sfortunatament, jidher li aħna wkoll iffissati sabiex naqtgħu d-dejn pubbliku u qajla qed nagħtu każ għall-infiq fl-infrastruttura li pajjiżna jeħtieġ u sabiex nimmanifatturaw aktar u nbigħu aktar servizzi. Eżempju ta' dan huma l-miżuri fjakki imħabbra fl-aħħar baġit biex jgħinu s-settur tal-manifattura. U dan fl-isfond ta' spiża pubblika li kibret bla ħtieġa minħabba żieda fil- ħaddiema fis-settur pubbliku kif ukoll spejjeż oħra ferm diskuttibli. Min imexxi għandu dejjem jiftakar li r-riżorsi rridu nibżgħu għalihom u nonfquhom bil-għaqal. Fil-waqt li rridu nwieżnu s-setturi produttivi għandna nikkontrollaw l-ħela u mhux bil-maqlub. Tajjeb li wieħed jaħsad dak li jkun inżera'. Imma min ma jiżrax għall- futur, ikun qiegħed jirriskja bl-ikrah. Joe ellis