Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/591009
20 illum | Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2015 Il-Punt #LEvjolenzadomestika J ekk bħala ġurnal qed nieħdu pożizzjoni favur dawk li huma żvantaġġjati u emarġinati fis-soċjetà tagħna, mela nkunu mill-aktar superfiċjali jekk l-argument tagħna jibda u jispiċċa biss fuq l-aspett materjali, fuq il-flus u fuq il- bżonn li min hu materjalment fqir jingħata l-għajnuna. Għax jekk il-flus huma meħtieġa biex persuna tgħix b'aktar dinjità, daqshekk ieħor jeħtieġ niftakru li hawn irġiel u nisa, għalkemm hemm ħafna iktar nisa, li d-dinjità tagħhom iħossu li ilhom li tilfuha hekk kif jinsabu maqbudin f 'morsa ta' vjolenza u ċirku vizzjuż ta' logħba ta' poter li qed tgħakkishom, tifnihom u ħafna drabi tbenġilhom ukoll. Il-vjolenza domestika hija pjaga li jeħtieġ li nieqfulha darba għal dejjem. M'hemm l-ebda skuża, l-ebda raġuni u l-ebda sitwazzjoni li tista' b'xi mod tiġġustifika l-vjolenza, kemm psikoloġika kif ukoll fiżika, fuq persuna li fir- relazzjoni hija mġiegħla tħossha debboli jew vulnerabbli. L-ebda raġuni ma tista qatt tiġġustifika s-serq sfaċċat tal- kuntentizza ta' persuna minn xi ħadd li qed ifittex li jimponi l-poter psikoloġiku tiegħu fuq ħaddieħor. L-ebda sitwazzjoni m'għandha qatt tiġġustifika l-idea li persuna hija proprjetà tiegħek u tista tagħmel biha li trid. Għalhekk qed nieħu l-opportunità ta' dan l-ispazju biex inħeġġeġ lil dawk il- vittmi ta' vjolenza domestika biex irabbu l-kuraġġ u jitolbu l-għajnuna, għax fil-fatt, il-ħajja mingħajr l-agressur hija ħajja ħafna aħjar. Iżda biex ifittxu l-għajnuna jrid ikun hemm xibka ta' lqugħ b'saħħitha li tifhem u li twieżen. L-għajnuna u l-kompassjoni lejn vittmi ta' vjolenza domestika għandha tibda mill-għassa tal-Pulizija tal-lokal, tibqa' sejra sal-Parlament, li jirrinforza u jara li hemm regoli u deterrenti b'saħħithom biżżejjed u tieqaf fil-Qrati tal-ġustizzja fejn il- penali għal dawk li jgħassru lil persuna oħra jkunu ħorox. Irid ikun hemm mekkaniżmu sħiħ li jaħdem f 'armonija kompleta u li ma jarax l-uċuħ, iżda li jiġġudika l-att kodard ta' min jaħseb li jista' jilgħab b'ħajjet ħaddieħor kif irid. B'hekk biss, bħala pajjiż u b'mod kollettiv inkunu qed nuru lill-vittmi li qed ibatu bejn il- ħitan ta' djarhom u li tilfu l-vuċi tagħhom, għax itteħditilhom, li dan il-pajjiż mhux qed jinsihom, mhux qed jagħtihom il-ġenb. B'hekk biss, bl-isforzi tal-politiċi u anke tagħna li qegħdin fil-midja nkunu qed nuru li l-vjolenza domestika mhix xi ħaġa personali imma xi ħaġa li tikkonċerna lilna lkoll. Meta nwieżnu lil dik il-mara, jew f 'xi każi lil dak ir-raġel, li tinsab bla vuċi u li tħoss li m'għandhiex għażla oħra ħlief li ssofri fis-silenzju nkunu qed nuru li aħna soċjetà li verament taf tħenn, li verament taf twieżen u li verament taf tikkonċerna lilha nnifisha mill- kalvarju inaċettabbli li għaddej membru tagħha. Meta aħna fil- midja, bħala persuni li xogħolna huwa li nkunu vejikolu tal- aħbar, inkunu assertivi u f 'isem kull vittma ngħidu "le għall- vjolenza domestika" nkunu qed nirrendu lilna nfusna relevanti u essenzjali. Daddy, papà and me Il-ġimgħa l-oħra irraportajna kif inħoloq grupp biex jopponi t-tqassim ta' materjal bħall-ktieb 'Daddy, papà and me' fl-iskejjel tal-Istat. Dan il-ktieb juri kif apparti familji magħmulin mill-papà u l-mamà, hemm familji oħrajn magħmulin minn persuni tal-istess sess. Naturalment, dan il-materjal qajjem għagħa sħiħa u bosta persuni, immexxija minn Ivan Grech Mintoff bdew kampanja kontra l-"indutrinazzjoni" tat- tfal fuq suġġetti ta' ġeneru. Din tajba imma! Ma rridx li tinduttrinali lit-tfal biex inkun nista' ninduttrinahom jien, kif irrid u skont it-twemmin tiegħi. Tajba din, kotba li sempliċiment qed juru realtà li għada pitgħada it-tfal se jiltaqgħu magħha, naħbuhom għax huma oxxeni, imma mbagħad kotba oħrajn totalment irrelevanti u li frankament m'huma xejn ħlief indutrinazzjoni, li jgħallmuk kif tgħid is-Salve Regina bl- amment, inħalluhom. Il-mistoqsijiet tiegħi huma, għalfejn id-differenza tbeżża lil xi wħud tant? Għalfejn is- sesswalità ta' xi wħud hija tant ta' thedida għal uħud? Kemm se jdumu ċerti nies jitrattaw ir- realtà omosesswali bħala waħda li għandha tiġi għall-għarfien tat-tfal meta jikbru "għax inkella nfixkluhom?" X'hemm xi tfixkel billi tinforma li mhux kollox uniformi, li mhux kollox abjad u iswed, li mhux kulħadd eterosesswali? Taf x'ifixkel moħħ it-tfal, speċjalment dawk li huma omosesswali? Li tibnilhom stampa ta' ħajja u futur uniku fejn raġel bilfors isir iħobb jew iħossu attirat lejn mara u mara bilfors issir tħobb jew tħossha attirata lejn raġel, biex imbagħad jikbru, jindunaw li huma differenti u jibda l-inkwiet. Imbagħad jibdew il-ħsibijiet, jibdew it-trawmi, jibda l-ibbuljar, jibda x-xokk, tibda s-sensazzjoni li int differenti minn ħaddieħor u differenti mill-'Peter and Jane' ta' fuq il-kotba, jibda l-proċess ta' self-denial u nsomma jiskatta proċess sħiħ emozzjonali li għal min hu b'saħħtu, jasal fi tmiemu, imma sfortunatament għal dawk li huma dgħajfin jista jwassal għal-traġedja. M'hemm xejn skandaluż li ninfurmaw lit-tfal bir-realtà. Li hemm skandaluż huwa li l-Ministru tal-Edukazzjoni kellu jerġa' lura u jiddikjara li dawn il-kotba mhux se jitqassmu fl-iskejjel. U li hemm iktar skandaluż huwa li llum, fl-2015, il-Ministru kellu jassigura lill-ġenituri li l-għan tal-kotba mhux li jbiddel lit-tfal tagħhom f 'persuni gay u leżbjani. Daħħalna l-liġijiet u qegħdin fuq quddiem fid-drittijiet ta' persuni LGBTIQ, imma fil-verità, għandna mili 'l bogħod mill-vera tolleranza u għarfien dwar dak kollu li huwa differenti. Albert Gauci Cunningham huwa l-editur tal-gazzetta ILLUM Albert GAuci cunninGhAm "Meta nwieżnu lil dik il-mara li tinsab bla vuċi u li tħoss li m'għandhiex għażla oħra ħlief li ssofri fis-silenzju, inkunu qed nuru li aħna soċjetà li verament taf tħenn" "Li hemm iktar skandaluż huwa li llum, fl-2015, il-Ministru kellu jassigura lill-ġenituri li l-għan tal-kotba mhux li jbiddel lit-tfal tagħhom f 'persuni gay u leżbjani"