Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/594534
Il-Ħadd 01 ta' Novembru 2015 | illum 23 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-linja nazzjonali għandha bżonn sieħeb F il-Parlament Malti ġimgħa ilu, minn naħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, saret mistoqsija fis-sens illi ladarba l-Airmalta qed tipproġetta li t-telf tal- kumpanija jinżel mis-€16-il miljun li hu preżentament għal €4 miljuni s-sena d-dieħla, allura xi skop jifdal illi l-Airmalta ssib sieħeb strateġiku li jixtri parti jew il-maġġoranza tal-ishma tal- linja nazzjonali. M'hemmx dubju illi l-linja tal-ħsieb tal-MP Robert Arrigo kien illi ladarba l-Airmalta kapaċi tfendi waħedha, mela allura wieħed għandu jikkunsidra li jħalli lill-istess linja nazzjonali tkompli tfendi għal rasha u tibqa' f 'idejn il- Gvern Malti. Għalkemm l-ILLUM jista' jaqbel ma' din il-linja ta' ħsieb f 'setturi vitali u neċessarji bħal m'huma l-edukazzjoni u servizzi mogħtijin mill-Isptar Ġenerali, u f 'setturi oħrajn fejn s'issa jidher li sehem il-privat ma tantx ġab xi riżultati tajbin, bħat-trasport pubbliku, f 'dan il-każ ma' jaqbilx. Għalfejn? Għax alleanza strateġika ma' linja tal-ajru oħra ta' ċerta kobor u statura fis-suq ma tridx tkun ikkunsidrata biss minn lenti purament finanzjarja. Bil-kompetizzjoni f 'dan is- suq jikber mal-ġurnata, il-fatt li l-linja nazzjonali tal-ajru waqgħet tant lura jfisser li tilfet eluf kbar ta' passiġġieri li llum, meta jsiefru, ftit li xejn jikkunsidraw illi jagħmlu dan mal-Airmalta. Sieħeb strateġiku jista', l-ewwel u qabel kollox, jkabbar l-itinerarju tal- kumpanija b'tali mod illi jinfetħu swieq kompletament ġodda mhux biss għall- klijenti Maltin, iżda wkoll għal miljuni kbar ta' nies, lil hinn mill-kontinent Ewropew, li jistgħu qatt ma semgħu b'pajjiżna. Tiftakru meta l-PN kien jgħid illi jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea, s-suq Malti jsir parti minn suq ħafna ikbar ta' miljuni kbar ta' nies? Dak l-argument kien jagħmel sens ekonomiku u r-riżultati tad-deċiżjoni tal- poplu li jgħid IVA u jsegwi l-viżjoni tal-PN, ħalliet u għadha qed tħalli l-frott. Għalhekk insibuha naqra stramba illi argument bħal dan kellu jiġi mill- bankijiet Nazzjonalisti, għax għalkemm fuq skala iżgħar, minħabba li tirrivolvi madwar kumpanija mhux pajjiż, sieħeb strateġiku ta' portata u suċċess fil-qasam, jista' jdaħħal lill-Airmalta, u sussegwentement lill- pajjiżna, f 'suq ħafna ikbar, bl- opportunitajiet kollha li dan iġib miegħu. Biex l-Airmalta tibqa' kompettitiva jeħtieġ ikollha pjan viżjonarju li jmur lil hinn minn Londra, Lourdes u Ruma. Veru li dawn il-bliet u oħrajn għadhom popolari fis-suq Malti, imma s-suq illum qed jinbidel. Illum dak is-settur tal-poplu Malti li jsiefer beda jħares lilhinn mill- Ewropa, lil hinn mis-soltu destinazzjonijiet, kif beda jħares u ilu jħares dak it- turist Ċiniż u Amerikan, li minkejja li għalih Malta tista' tkun il-gżira ideali, għadu mhux qed jersaq 'l hawn. L-Air Malta waħedha, żgur u mhux forsi, mhux se tilħaq dawn il-pajjiżi u mhux se tkun tiflaħ tiffinanzja rotot jew ajruplani kbar li jmorru New York jew Shanghai. Għalhekk jeħtieġ li l-linja nazzjonali tal-ajru ssib sieħeb strateġiku. Vera li nkunu qed nbigħu parti mill-assi tagħna, imma ċerti li f 'dan il-każ, dejjem jekk il-proċess isir b'reqqa kbira u b'rispett sħiħ lejn il-ħaddiema tal- Airmalta, ikollna riżultat li jfisser illi l-linja nazzjonali tikber u tissaħħaħ u ssaħħaħ magħha lis-settur turistiku u id il-konsumatur Malti fl- għażliet tiegħu. Naturalment hemm l-element kardinali tal- ħaddiema. Hawnhekk l-affarijiet jistgħu ma jkunux daqstant pożittivi daqskemm huma għall-passiġġier, jista' jkun li b'sieħeb strateġiku jkun hemm bżonn li jsiru ċerti sagrifiċċji li ma jogħġbux lil kulħadd u jitneħħew kumditajiet li għalkemm hemm min dara bihom, m'għadhomx jagħmlu sens fid-dinja tal-lum. Dan il-ġurnal iħeġġeġ lill-Gvern biex fil-proċess kollu jirrispetta lill-ħaddiema u jassigura, flimkien mal- unjins, li dawk li jagħtu sigħat sħaħ minn ħajjithom għas-suċċess tal-linja nazzjonali jkunu mħarsa. Inħeġġu lill-Gvern ukoll illi filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità meħtieġa fin-negozjati jżomm dejjem lir-rappreżentanti tal- ħaddiema infurmati dwar il-proċess. Minn naħa l-oħra imma l-ILLUM tħeġġeġ lill- PN biex minflok juża tattiċi skreditati illi kien uża l-Partit Laburista biex beżża' kemm felaħ qabel ma dħalna fl-UE, jirrealizza li sieħeb strateġiku għall-Airmalta jista' jiftaħ il-bibien beraħ għal era ġdida u ta' suċċess għall-Airmalta. Jew hekk, jew il-linja nazzjonali tal-ajru li aħna tant kburin biha verament issir dak l-għasfur taċ-ċomb li kienu bassru li kellha tkun il-PN lura fiż-żmien.