Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 | illum 21 I l-Valletta Summit għadda imma l-konkluzjonijiet u s-soluzzjonijiet possibbli li ġew identifikati, jista' jkollhom impatt fit-tul jekk jiġu implimentati kif suppost. Hemm affarijiet fejn nemmen li sar progress u oqsma oħra fejn nemmen li fadal x'isir. Hemm tlett punti ġenerali li fl-opinjoni tiegħi spikkaw matul dan is-summit. L-ewwel: Malta wriet lill-pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani li mhux sempliċiment kapaċi torganizza tajjeb summit ta' relevanza globali imma wkoll li f 'Malta iż- żewġ kontinenti setgħu isibu interlokutur ġenwin li verament irid jġib lil kullħadd flimkien. It-tieni: Malta wriet li għandha tmexxija politika serja u li moħħha f 'riżultati tanġibbli. Tmexxija ippersonifikata fil-Prim Ministru li minflok irrassennja ruħu li issa għadda s-summit, eżatt fi tmiemu intrabat li nkunu aħna stess li sena oħra fil-Presidenza tal-2017 naraw kemm l-Ewropa u l-Afrika wettqu minn dak li wegħdu lil xulxin. It-tielet: Illum dan il- pajjiż għandu l-aktar Gvern Ewropeista li jiftaħar b'din l-Unjoni mhux fl-apiċe tagħha imma fl-iktar mument dgħajjef. Filwaqt li ħafna rewwħu l-idea tal-kriżi tal- migrazzjoni bħala l-irdum li fih se taqa' u tiġġarraf l-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru l-Ħamis ippreżenta l-UE mill-ġdid bħala role-model. Dan meta quddiem il-midja internazzjonali Joseph Muscat qal li l-Unjoni Ewropea hija l-unika grupp ta' pajjiżi li qed tindirizza l-kwistjoni direttament kif xehed dan is-summit li sar għall-ewwel darba. Indur għal-konklużjonijiet. Sittax-il azzjoni taħt ħames prijoritajiet Prijorità numru wieħed iffukat fuq l-iżvilupp tal- pajjiżi li minnhom joriġinaw u jgħaddu l-immigranti lejn l-Ewropa. Id-delegazzjonijiet kollha qablu li jkun hemm proġetti li jwasslu għal iktar impjiegi għaż-żgħażagħ fil-Lvant, il-Punent u t-Tramuntana tal-Afrika anke taħt sistemi eżistenti tal-Unjoni Afrikana, b'enfasi fuq l-imprenditorjat u l-IT. Punt t'azzjoni kien iddedikat speċifikament għal għajnuna diretta lejn iż-żoni l-aktar fqar u vulenrabbli. Element ieħor kien biex l-Afrika tibbenifika bl-aqwa mod mill-flus li ħaddiema Afrikani fl-Ewropa jibagħtu lura lil nieshom. Dawk rappreżentati fil-Valletta Summit qablu li l-privat jidħol biex jgħin filwaqt li banek ċentrali u kummerċjali, Ministeri tal-Finanzi u istituzzjonijiet oħra jsaħħu r-rendiment tagħhom f 'dan il- qasam. Importanza partikolari bil-konribut tal-privat lill- qasam agrikolu. Għal dan kollu se jintuża t-Trust Fund għall-Afrika li sal-llum ilahhaq kważi €2 biljun. Scholarships taħt l-Erasmus+ għal studenti Afrikani u opportunitajiet għal-lecturers ser jiżdiedu. Inizjattiva ġdida hija wkoll għal proġett pilota ta' migrazzjoni legali fejn xi pajjiżi Ewropej jaċċettaw li jieħdu nies minn numru ta' pajjiżi Afrikani għal skopijiet ta' studju, riċerka jew xogħol. Dan mingħajr ebda impożizzjoni fuq il-jedd ta' kull pajjiż għall- politika tal-visas tiegħu. Indipendentement, kien maqbul li jkun hemm sforz biex titnaqqas il-burokrazija fil-ħruġ tal-visas. It-tielet prijorità kienet l-għajnuna lir-refuġjati u immigranti interni fl-Afrika stess, lil dawk f 'kampijiet ta' refuġju u lill-komunitajiet li qed jilqgħuhom. Il-Valletta Summit qabel li sa nofs l-2016 ikun hemm proġetti attivi f 'dan is-sens fl-Afrika ta' Fuq u l-Horn of Africa. Ser jkun qed jittejjeb ukoll il-proċess ta' aplikazzjoni għar-refuġju f 'dawn iż-żoni u li jkun hemm proġetti biex jimmotivaw lir-refuġjati u biex jgħinu lil dawk li qed jospitawhom biex ilaħħqu mal-pressjoni li tinħoloq. Id-delegazzjonijiet tas- summit taw prijorità qawwija wkoll lill-ġlieda kontra t-traffikanti. Intrabtu li jtejbu l-politiki tagħhom dwar it- traffikanti tal-immigranti, li jkun hemm single national contact points, li jsaħħu l-istituzzjonijiet u jgħamlu kampanji ta' informazzjoni dwar kif joperaw dawn il-kriminali fuq ix-xandir nazzjonali. Fl-aħħar nett prijorità oħra kienet ir-ritorn ta' dawk ċ-ċittadini Afrikani li daħlu b'mod irregolari u ma jikkwalifikawx għal refuġju fl-Ewropa. Għalkemm is-summit ma qabilx dwar il-ħolqien ta' dokument ġdid bħall-passaport li jkun jista' jintuża biex dawn in-nies jintbagħtu lura, xorta kien hemm pass 'il quddiem. Dan billi delegazzjonijiet Afrikani se jiġu fl-Ewropa biex jagħmlu verifiki diretti ma' min ma jkollux dokumenti. Dawn il- missjonijiet ser jsiru fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Dan is-summit kien dwar l-immigrazzjoni u l-Afrika aktar milli l-kwistjonijiet interni tal-Ewropa dwar is-suġġett. Bħala persuna li matul dawn ix-xhur ħdimt direttament fuq dan il-qasam nħoss li filwaqt li jrid isir ferm iktar fuq ir-ritorn, fl-istess waqt iż-żjarat mid- delegazzjonijiet Afrikani jistgħu diġà jibdew iċaqalqu l-affarijiet. L-istess kif nemmen li l-ħidma konġunta kontra t-traffikanti minn Niġer jista' jkun eżerċizzju li nitgħallmu minnu wkoll. Fl-aħħar nett ma nistax ma naqbilx mal-isforz għal imbuttatura lill-ekonomija Afrikana u għal rwol akbar għaż-żgħażagħ. Wara eluf ta' ħajjiet mitlufa u wara deċenju ta' kliem fieragħ, dawn iż-żewġ kontinenti ġirien fl-aħħar ħadu l-ewwel pass, u ħaduh f 'Malta. Għalhekk li naqbel mal-Prim Ministru li f 'dan is-summit żrajna ż-żerriegħa għal xi ħaġa li tista' tikber ħafna fuq tul ta' żmien. Nittama li d-djalogu li nbeda f 'dawn il-jumejn ma jkunx biss avveniment ta' darba imma proċess kontinwu biex jinstabu s-soluzzjonijiet bżonnjużi. Miriam Dalli hija Membru tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi Malta protagonista f 'soluzzjoni għall-migrazzjoni Opinjoni miriam dalli "Illum dan il- pajjiż għandu l-aktar Gvern Ewropeista li jiftaħar b'din l-Unjoni mhux fl-apiċe tagħha imma fl-iktar mument dgħajjef " "Wara eluf ta' ħajjiet mitlufa u wara deċenju ta' kliem fieragħ, dawn iż-żewġ kontinenti ġirien, fl-aħħar ħadu l-ewwel pass, u ħaduħ f 'Malta"