Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
22 illum | Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 I s-summit bejn il-mexxejja tal- Unjoni Ewropea u mexxejja Afrikani ġie u mar. M'għandix dubju li llum il-paġni tal- gazzetti se jkunu mimlija b'kummentarji ta' nies intiżi u inqas intiżi fil-politika dwar dan l-avveniment. Se jkun hemm min se jkompli jilmenta li s-somma ta' flus fil-fond imwaqqaf mill-Unjoni hija miżera, li Malta, pe reżempju, se tikkontribwixxi somma iżgħar milli taqla' bil-bejgħ ta' passaport tad-deheb; u se jkun hemm min se jikteb li l-Unjoni Ewropea, għal darba oħra, qiegħda tipprova ssewwi problema umanitarja b'fond ta' flus minflok f 'għajnuna oħra aktar bżonnjuża u xierqa. Bħalma se jkun hemm min se jilmenta li sejrin aktar flus għall-immigranti minflok ma nuru id tal-ħadid u nieħdu ħsieb lilna nfusna qabel tal-oħrajn. Ma rridx ninsa li se jkun hemm min jikkummenta fuq il-monument tal-katina, tal-ħoloq, tal-għoqda jew ta' xi laqam ieħor inqas kumplimentuż skont kif taħsibha dwaru. U dwar il- fatt li ironikament it-traffiku fil-jiem tas-summit mexa ħafna aħjar, anzi t-toroq kienu għaxqa ssuq fihom. U iva, bilħaqq, forsi jkun hemm min jikkummenta fuq l-interpretu fil-ftuħ tas- summit u kif kien ikun aħjar li kieku l-Prim ministru, minflok ma għamel kif jagħmlu l-politiċi b'farka rispett lejn pajjiżhom, tkellem bl-Ingliż (għad-dritt, kif ngħidu aħna...mhux xorta, mhux aħjar la jifhem kulħadd?) U min jaf kemm se jidhru ritratti. Imma ngħid għalija l-isbaħ ritratt u tifkira ta' dan is-summit, l-isbaħ 'inċident' li seħħ, kien dak tal-poeta jħanġar maġenb it-teatru ta' bla saqaf, ibigħ il-passaporti bil-ħames ewro. Dan il-happening (kif kienu jgħidulu fis-snin sittin) ġibed l-attenzjoni ta' ħafna għax fis-sempliċità u s-sarkażmu tiegħu, u fid-dawl ta' dak li kien qiegħed jiġri ftit metri 'l bogħod, fakkar li aħna qegħdin (nippruvaw) ngħixu f 'fortizza, magħluqa b'ħitan għoljin immaġinarji u veri u li din il-mentalità, minbarra li taf issawwar sitwazzjonijiet assurdi bħal dawk li ktibt dwarhom ġimagħtejn ilu, hija, kollox ma' kollox, antiumana. L-azzjoni ta' Antoine Cassar uriet ukoll kemm il- poeta jaf ikun politiku mhux biss b'dak li jikteb imma anki b'dak li jagħmel. Slavenka Drakulic hija kittieba Kroata. Minbarra għadd ta' rumanzi Drakulic kitbet ħafna dwar il-ħajja f 'dak li kien il-blokk komunista u dwar id- diżintegrazzjoni mdemmija tal-Jugoslavja, l-eks pajjiżha. Filwaqt li l-attitudni tagħha lejn il-passat komunista ta' pajjiżha hija waħda negattiva jekk mhux ukoll ostili, Drakulic ma tantx irnexxielha taċċetta n-nazzjonaliżmu perikoluż li ħakem ir-repubbliki eks Jugoslavi, speċjalment dak ta' pajjiżha l-ġdid. U dan wassal biex Drakulic ma tkunx daqstant maħbuba f 'artha. Drakulic qiegħda tikteb ħafna fuq il-kriżi tar- refuġjati li jaslu l-Ewropa u meta jħabbtu l-bieb ta' barra jsibu li dan magħluq bi stanga u l-firrolli. F'artiklu li kitbet dan l-aħħar f 'Jutarnji List, hija tistaqsi għala huma l-istati eks komunisti l-aktar li qegħdin jirreżistu u jopponu kwalunkwe refuġju lil dawk li qegħdin jaslu fil-kontinent. Tosserva, per eżempju, li huma tliet pajjiżi membri eks komunisti – l-Ungerija, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka li qegħdin jirrifjutaw is-sistema ta' kwoti. Fl-istess waqt il-Bulgarija tellgħet ċint mal-fruntiera tagħha mat-Turkija, ir-Rumanija qiegħda toqgħod lura l-istess bħall-Polonja. U s-Slovenja u l-Kroazja qegħdin jilmentaw min-nuqqas ta' spazju li jistgħu joffru lir-refuġjati. Bħal ħafna osservaturi oħrajn, Drakulic hija konxja tar-riżurrezzjoni infeliċi tal-Lemin anki f 'dawn il- pajjiżi li wħud minnhom (per eżempju l-Kroazja) kellhom passat faxxista fl- aħħar gwerra dinjija. Il-punt ta' Drakulic huwa li l-miġja tar-refuġjati taf tibdel l-istatus ta' dawn il-pajjiżi eks komunisti li għadhom sal-lum – tkompli Drakulic – iqisu lilhom infushom bħala vittmi. Drakulic tfakkar li dawn l-istess pajjiżi għandhom kunflitti etniċi interni fuq xiex iħabblu rashom. Imma mbagħad hemm l-element l-ieħor: l-imgħoddi u l-istorja tiegħu. Meta wieħed iqis li wħud minn dawn il-pajjiżi għexu għal żmien twil taħt il-ħakma Ottomana jew iġġieldu din il-qawwa bl-għan meqjus nobbli li jissalvagwardjaw l-Ewropa Nisranija jaf jibda jifhem għala din ir-reżistenza hekk qawwija għall-miġja ta' rifuġjati li huma Musulmani. Dan l-aħħar argument ta' Drakulic jaf jitfa' dawl fuq is-sitwazzjoni lokali wkoll. Meta wieħed jiftakar in- narrattiva li ħafna minna ntemgħu matul is-snin fuq il-bankijiet tal-iskola u mkejjen oħrajn, jara xebh bejn il-mentalità tal-Ewropej tal-Lvant u l-leminin Maltin. Kemm xi kotba tal-Istorja, kemm ħafna mill-poeti u kittieba tagħna (ibda mill- poeta nazzjonali) ħolqu dan il-mit li Malta, bl-Assedju tal-1565 salvat lill-Ewropa minn dak li seta' jwassal fil-jasar taħt il-qawwa Ottomana, anzi Musulmana. Jekk ninsew il-ħwienet tal-ikel irħis Tork li nibtu mal-erbat irjieħ tal-gżira, kważi jibda jinħass diffiċli li ma jarax il-punt ta' dawk li għadhom jemmnu bil-miti minkejja kemm huwa faċli li jitwaqqgħu. Meta dak li jkun jibqa' jħaddan il-mit Romantiku ta' Malta vittma – tal-Għarab, tal-pirati, tat-Torok, tal- Ispanjoli, ta' Napuljun, tan- Nazisti u tal-Faxxisti, biex ma nsemmux ukoll tal-ġuħ u l-faqar – jibda, l-istess bħalma tosserva Drakulic fil- pajjiżi eks komunisti, jħossha bi tqila li jneħħi minn fuqu l-kostum tal-vittma u jagħtih lil ħaddieħor li verament qiegħed jiġi vittimizzat tant li kellu jitlaq daru b'ta' fuqu senduqu. U hawn fejn nara l-paradoss: filwaqt li fl- iskejjel qed nippruvaw nintroduċu materjal li jirrifletti l-mument li qegħdin ngħixu b'referenzi għal forom 'ġodda' ta' familji, fl-istess bankijiet qegħdin niftħu kotba li għadhom inewħu fuq l-identità nazzjonali Maltija li ħafna minnha tistrieħ fuq miti li jippromwovu d-distinzjoni u r-razziżmu. L-Għada tas-Summit Immanuel mIFSuD "L-azzjoni ta' Antoine Cassar uriet ukoll kemm il-poeta jaf ikun politiku mhux biss b'dak li jikteb imma anki b'dak li jagħmel"