Illum previous editions

ILLUM 22 Novembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/604905

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 39

18 illum | Il-Ħadd 22 ta' Novembru 2015 Q egħdin ngħixu fi żminijiet xejn trankwilli. L-esperti tat-terroriżmu ilhom jibżgħu li ser isseħ attakk bħal dak ta' Pariġi t'għaxart ijiem ilu. Fil-fatt, kien hemm attakk terroristiku simili f 'Mumbai, il-kapitali finanzjarja tal-Indja, f 'Novembru 2008. Għaxar membri Pakistani t'għaqda militanti Iżlamika kienu wettqu serje ta' tnax-il attakk koordinat matul erbat ijiem, bejn is-26 u d-29 ta' Novembru 2008 u ħallew 164 ruħ mejta u mill- anqas 308 feruti. Minn dakinhar, dejjem kien hemm il-biża' li attakk simili jseħħ f 'xi belt fl-Ewropa jew fl-Amerika. U dan li appuntu ġara għaxart ijiem ilu meta gruppi armati fetħu n-nar fuq nies li kienu għall-affari tagħhom jiddevertu wara ġimgħa xogħol f 'erba' postijiet differenti. Attakkaw ristoranti, kafejiet u sala tal-kunċerti. Fis-sala Bataclan, waqt kunċert tal-mużika rock, seħħ l-akbar numru ta' mwiet meta t-terroristi bdew jisparaw bl-addoċċ fuq l-udjenza u ħallew 89 ruħ mejta. Imma probabbilment kienu qed jimmiraw li joħolqu aktar straġi u jiżirgħu aktar imwiet meta terrorista kamikaże pprova jidħol fi Stade de France waqt il-logħba tal-futbol bejn il-Ġermanja u Franza li kien qiegħed jassisti għaliha wkoll il- president Hollande. Il-ħsieb tat-terrorista kien li jisplodi ruħu f 'nofs il-miġemgħa fl-istadium u joħloq ħafna mwiet quddiem l-istess għajnejn tal-president Hollande. Fortunament, dan id-disinn kodard ġie frustrat mill-aġenti tas-sigurtà barra l-istadju li spiċċa jisplodi ruħu meta l-partita kienet diġà bdiet. Traġedja akbar ġiet evitata, imma b'kollox mietu 130 ruħ fl-attentati ta' Pariġi mentri bosta mijiet sfaw feruti, b'għexieren minnhom serjament. Kieku ma kienx għall-effiċjenza tas-servizzi sanitarji Pariġini, żgur li n-numru ta' mwiet kien ikun ferm akbar. Dan l-attentat sar ftit wara li ajruplan Russu twaqqa' permezz ta' bomba fl-ajru tas-Sinaj bil-mewt ta' 224 ruħ. Fiż-żewġ każijiet, l-Istat Iżlamiku assuma r-responsabilità tal-attentati. Għalkemm fil-bidu, ir-Russja ma riedetx tirrikonoxxi l-fatt li l-ajruplan twaqqa' b'azzjoni terroristika, dan ġie rikonoxxut din il-ġimgħa stess mill- kap tas-servizzi sigrieti Russi. Skond l-Istat Iżlamiku, l-attentat sar permezz ta' bomba li tpoġġiet f 'bott tal-minerali li b'xi mod iddaħħal fl-ajruplan. Il- president Putin ħalef vendetta u ordna lill-forzi speċjali tiegħu biex jaqbdu lil min wettaq dan l-attentat imdemmi. Ir-reazzjoni Franċiża għall-attentati ta' Pariġi ma damitx ma waslet. Hollande indirizza lill-poplu Franċiż meta l-istess attentati kienu għaddejin u reġa' indirizzahom l-għada. Hollande ma jagħtikx l-impressjoni li huwa xi bniedem tal-ġlied u s'issa kellu approval ratings ferm baxxi u dan anke minħabba l-kriżi ekonomika. Madankollu, wara l-massakru ta' Charlie Hebdo u f 'dawn l-aħħar jiem, irnexxielu jsib ir-reġistru ġust. Mhux biss jidher u jinstema' presidenzjali, imma wkoll bħala l-mexxej tal-Franċiżi kollha fi żminijiet diffiċli. Fuq kollox qed jokkupa t-terren li solitament jokkupaw il-partiti tal-lemin bl-enfasi fuq kwistjonijiet ta' ordni u sigurtà li ovvjament saru ferm fattwali. Ħalef vendetta u immedjatament ordna aktar sforzi militari Franċiżi biex jiddegradaw l-Istat Iżlamiku fit-territorju li qed jokkupa. Fuq kollox, invoka klawsola fit-trattat ta' Lisbona biex jitlob l-għajnuna tal-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea u ppromwova riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li għaddiet unanimament u li ħeġġet lill-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom kontra l-Istat Iżlamiku. Quddiem il-gravità tas-sitwazzjoni, il-gvern Franċiż adotta miżura tassew eċċezzjonali meta pproklama stat ta' emerġenza għal tlett xhur. Imma Hollande fid-diskorsi tiegħu dejjem għamilha ċara li l-ġlieda kontra t-terroriżmu trid issir fl-ambitu tal-istat tad-dritt. Dan huwa ferm importanti: il-gvern Franċiż m'għandu l-ebda intenzjoni li jadotta poteri li mhumiex strettament meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u m'għandu l-ebda ħsieb li jirrestrinġi l-libertajiet personali ħlief sakemm hu tassew meħtieġ. F'dan is-sens, ir-risposta Franċiża kienet tassew mqita u dinjituża: ma kien hemmx sejħiet pubbliċi għall- miżuri drakonjani sabiex jirrispondu għat-theddida Ġiħadista. L-enfasi kien fuq aktar riżorsi għall-forzi tas-sigurtà sabiex jilqgħu għal din it-theddida. Kien hemm ukoll bosta mistoqsijiet għala s-servizzi sigrieti u l-forzi tas-sigurtà ma kellhom l-ebda ħjiel ta' dan l-attakk. Il-verità hi li kemm fi Franza kif ukoll f 'pajjiżi oħra Ewropej, regolarment jiġu evitati attakki terroristiċi: ftit ġranet biss qabel il-pulizija Taljana arrestat bosta persuni u akkużathom li kkomplottaw atti terroristiċi. Imma n-numru ta' Ġiħadisti jiġri mas-saqajn tant kemm hu kbir li huwa inevitabbli li attentat ta' dan it-tip ser iseħħ. Il-belt ta' Pariġi ċertament għadha taħt xokk. Barra l-attentati, kien hemm ukoll operazzjoni kbira tal-forzi tas-sigurtà nhar l-Erbgħa fil-għodu fis-subborg ta' Saint Denis, ftit il-bogħod mill-istadju. F'appartament, sabu wieħed mill- imħuħ ta' din l-operazzjoni terroristika, Abdelhamid Abaaoud ta' orġini Belġo-Marokkina li kien maħsub li qiegħed is-Sirja jimmilita fi ħdan l-Istat Iżlamiku. Wara assedju ta' bosta sigħat li fih il-pulizija sparaw aktar minn 5,000 tir, il-pulizija arrestaw sebat irġiel u mara li b'xi mod għenu lit-terroristi filwaqt li tliet Ġiħadisti spiċċaw mejta, inkluż Abaaoud u terrorista ieħor li apparentement sploda ruħu għalkemm jista' jkun li tar bl-isplussivi fuqu wara li sparawlu l-pulizija. Madankollu, il-Franċiżi rreaġixxew għall-avvenimenti movimentati u mdemmin ta' din il-ġimgħa b'sens ta' sfida għat-terroristi tal-Istat Iżlamiku. Għamlu minn kollox biex juru lid-dinja li xejn mhu ser itellfilhom il-joie de vivre tradizzjonali tagħhom. Grupp t'artisti nidew appell lill-Pariġini fuq il-medja soċjali taħt il-hashtag #21h20 sabiex kulħadd iqum bil-wieqfa fil-ħin eżatt ta' 9.20 p.m., ġimgħa eżatt wara l-mument tal-ewwel attakk barra l-Stade de France. L-artisti sostnew li l-aħjar mod kif jirbħu lill-Istat Iżlamiku hu billi jirriklamaw il-pjazez u l-bankini fejn bosta spiċċaw maqtula. Ħeġġew lill-pubbliku biex "(j)agħmel il-ħsejjes u d-dwal sabiex l-Istat Iżlamiku jifhem li tilef." U ħafna hekk għamlu billi fil- ħin eżatt fetħu r-radju, kantaw, safru, ċapċpu, xegħlu xemgħat ta' tifkira u anke għollew tazza inbid jew xampanja għall-valuri sekulari tar-Repubblika. Il-Pariġini riedu juru li l-ebda strateġija tat-tensjoni mhi ser tintimidahom u ġġagħlhom jirrinunzjaw għal-libertajiet u l-pjaċiri tagħhom. Kif poġġietha tant sew ir-rivista kontroversjali u satirika Charlie Hebdo fl-aħħar ħarġa tagħha, "Huma għandhom l-armi... Ejjew Ninkuwhom...Aħna għandna x-Xampanja." Din kienet reazzjoni bla preċedent imma reazzjoni ta' poplu kburi u dinjutuż. Ċertament, dawn l-attentati ser jistiednu li ssir rikonsiderazzjoni tal-arranġamenti tas-sigurtà fiż-żona Schengen. Wieħed madankollu m'għandhux igħaġġel u jitlob l-abolizzjoni ta' dina ż-żona minħabba dawn l-attentati. Iż-żona Schengen hija waħda mill-akbar suċċessi tal- integrazzjoni ewropea u għalkemm, wieħed jistenna li ser ikun aktar kontrolli fuq min jivvjaġġa minn pajjiż għal ieħor, wieħed ma jistenniex li nerġgħu niġu fiż-żmien meta kien ikollna nuru l-passaport kull meta mmorru minn pajjiż għal ieħor. Theddid ser ikun hemm dejjem imma li hu ċertament meħtieġ hu li jkun hemm aktar kontrolli effikaċi fuq il-fruntieri esterni. M'huwiex ċar per eżempju kif Abaaoud reġa daħal fl-Ewropa mingħajr ħadd ma nduna. Il-probabilità hi li uża xi passaport ta' xi ġiħadista ieħor jew xi passaport falz. Ma ninsewx ukoll li anke f 'pajjiżi li m'humiex fiż-żona Schengen saru attentati terroristiċi bħalma rajna fl- Ingilterra u fin-Norveġja. Konsiderazzjoni għandha tingħata anke għala dan l-attentat u ieħor ta' din il-ġimgħa f 'Mali saru issa. Jidher ċar li l-Istat Iżlamiku huwa tassew vulnerabbli: il-ġimgħa l-oħra l-armata Sirjana rnexxielha tneħħi l-assedju ta' bażi tal-ajru ħdejn Aleppo li kien ilu sejjer fuq sena mentri l-Kurdi u l-Yażidi, megħjunin mill-attakki mill-ajru tal-Amerikani u l-alleati tagħha, ħelsu l-belt ta' Sinjar li kienet ilha f 'idejn l-Istat Iżlamiku sa minn Awwissu 2014. Din il-belt tinsab eżatt fuq it- triq li tgħaqqad lil Raqqa, il-kapitali tal-Kaliffat ma' Mosul, it-tieni l-akbar belt iraqina li meta waqgħet f 'idejn l-Istat Iżlamiku s-sena l-oħra għolliet l-Istat Iżlamiku għall-prominenza kbira. M'hux ta' b'xejn li l-mexxej ta' l-Istat Iżlamiku ħabbar il-waqfien tal-Kaliffat, gvern iżlamiku bħalma kien jeżisti fl-ewwel perjodu tal-Iżlam, mill-pulptu tal-moskea ta' Mosul b'Rolex f 'idejh. Il-waqa' ta' Sinjar ihedded il-linja ta' provvisti tal-Iżlamisti lil Mosul li tista' taqa' f 'idejn l-armata iraqina, jekk jirnexxielha torganizza ruħha mentri l-Kurdi huma biss tletin kilometru 'l bogħod minn Raqqa. Il-momentum issa ċertament m'huwiex favur l-Istat Iżlamiku li kellu bżonn dawn l-operazzjonijiet sensazzjonali sabiex igħolli l-moral fost dawk il-ġellieda. Dawn marru jiġġieldu fi ħdanu mill-erbat irjieħ tad-dinja imma bosta minnhom illum m'humiex daqshekk qalbhom qawwija li l-Kaliffat ser jibqa' fuq saqajh u qed jippruvaw jaħarbu 'l hemm. Imma b'dawn l-atti terroristiċi, l-Istat Iżlamiku possibilment wettaq żball strateġiku kbir għax ġab lil Franza u lir-Russja fuq l-istess linja li adottat l-Amerija s-sena l-oħra. U lkoll qegħdin jattakkawhom bla ħniena mill-ajru mentri l-Kurdi, ribelli oħra sirjani u anke l-armata iraqina dejjem inaqqrulhom mit-territorju li okkupaw b'tant ħeffa s-sena l-oħra. Din m'hix l-ewwel theddida li l-Ewropa kellha mit-terroriżmu : fi żmieni, rajna l-Brigate Rosse, il-Baader Meinhof, l-IRA, l-ETA u dana barra organizzazzjonijiet kriminali u ta' natura mafjuża. Kollox juri li anke dina t-theddida sejra tintrebaħ bħal ta' qabilha. L-importanti hu li r-rebħa ssir fl-ambitu tal-istat tad-dritt għax dan li jagħmel lill-Ewropa tassew kbira, għala bosta jridu jgħixu fiha u għala l-ġiħadisti jridu jkisruha. Altru li m'hux ser jirnexxielhom. Problemi hawn bil-bosta imma kollha jiġu ssuperati fir- rispett tad-drittijiet tal-bniedem li hija l-aktar ħaġa li tagħġen il-ħajja fl-Ewropa ta' wara t-tieni gwerra u li jekk nitilfuha, inkunu verament tlifna ħafna. Joe ellis Opinjoni Huma għandhom l-armi... aħna għandna x-Xampanja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 Novembru 2015