Illum previous editions

ILLUM 29 Novembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/608325

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 39

18 illum | Il-Ħadd 29 ta' Novembru 2015 Din il-ġimgħa kellhom isiru bosta attivatijiet taċ-CHOGM f 'Għawdex. Fost l-oħrajn, in-nisa tal-mexxejja tal-Commonwealth kellhom joqogħdu f 'lukanda ta' lussu f 'Għawdex u kellhom iduru bosta postijiet. Madankollu, ftit riħ qawwi l-Ħamis filgħodu ħarbat dawn il-pjanijiet peress li l-vapur ma ħadimx bejn il-gżejjer u kollox ġie kkanċellat. Tassew li fortunatament illum huma verament rari l-okkażjonijiet meta s-servizz tal-vapur ma jaħdimx minħabba problemi tal-baħar. Wara x-xogħlijiet li saru ċ-Ċirkewwa li prattikament issa sar port għall-irjieħ kollha, il-problema li baqa' hi meta jonfoħ riħ qawwi mil-Lbiċ, ħaġa li medjament tiġri darba kull tlett snin. U mid-dehra dak li ġara nhar il-Ħamis, meta s-servizz tal-vapur ġie sospiż għal xi ħin. Probabbilment, ħafna mill-qarrejja x'aktarx ma jaraw xejn ta' barra minn hawn li ma jaħdimx il-vapur bejn il-gżejjer darba f 'mitt qamar. Li ma jirrealizzawx huwa li dan joħloq inkonvenjent lil bosta li jridu jaqsmu bil-fors bħal min irid jaqbad ajruplan jew ikollu appuntament urġenti l-isptar. Illum, il-vapur hu l-uniku mezz kif wieħed jaqsam minn gżira għall-oħra u meta ma jaħdimx, Għawdex ikun totalment iżolat. U din mhux kwistjoni biss ta' inkonvenjent rari. Anki meta s-servizz jaħdem regolarment, xorta jista' jkun hemm kumplikazzjonijiet li jirrendu t-traġitt ħafna itwal min- nofs siegħa li suppost jieħu. Jista' jkollok kju twil ta' traffiku min-naħa għall-oħra u jkollok tistenna bil- bosta qabel ma taqsam. Jew jista' jkun li l-vapur li tkun ippjanajt li taqbad ma jgħabbikx għaliex ikun imtela. Jista' jkun li jkun hemm xi ħsara f 'xi vapur. U jista' jkun ukoll li minħabba l-maltemp, il-vapur jieħu traġitt itwal u jgħaddi minn wara Kemmuna. Minkejja l-progress li sar u l-investiment qawwi li sar fl- infrastruttura, investiment li ċertament ta l-frott tiegħu u tejjeb it-traġitt, xorta s-sitwazzjoni attwali għadha problematika u ħafna drabi hija suġġetta għall-imprevedibbli. Mill-ġdid, jista' jkun xi qarrejja jgħidu li anke s-sitwazzjoni tat- traffiku fil-pajjiż hija imprevedibbli u mhux faċli tippjana bl-eżatt x'ħin wieħed se jasal fejn jixtieq. Dan hu kollu minnu, imma m'hemmx paragun bejn l-inċertezza li toħloq is-sitwazzjoni kaotika tat-traffiku f 'Malta, u dik tal-qsim bejn il-gżejjer. Wieħed irid jiftakar li meta wieħed jirnexxielu jasal iċ-Ċirkewwa, xorta mbagħad ser ikun suġġett għall- inċertezzi tat-traffiku f 'Malta. Diffiċli li xi ħadd li jgħix f 'Malta jifhem jew japprezza l-problemi u l-inkonvenjent ta' min jgħix f 'Għawdex kuljum. Bażikament kull aspett tal-ħajja li jkollu x'jaqsam b'xi mod jew ieħor ma' Malta, jikkumplika ruħu. Jekk wieħed irid imur Malta għax-xogħol jew għall- istudju jew għal xi ħtieġa oħra, il-ħin meħtieġ sabiex tasal fejn trid tasal aktar milli ser jirdoppja minn min jgħix il-Mellieħa. U dan jekk kollox jimxi ħarir għax jekk le, tista' ddum ferm aktar jew anke lanqas biss jirnexxilek tasal. Jiena nħobb ngħid li l-popolazzjoni ta' komunità hija t-termometru tal-istat tas-saħħa tagħha. U minn hawnhekk, mill-ewwel tinduna li Għawdex għandu problemi serji. Mentri l-popolazzjoni ta' Malta żdiedet minn 404,962 fl-2005 għal 425,384 fl-2013 dik t'Għawdex baqgħet stabbli u żdiedet biss minn 31,053 għal 31,446. U bosta jsostnu li din l-istatistika tostor problemi ferm aktar serji u li l-popolazzjoni effettiva ta' Għawdex hija ferm anqas billi bosta persuni effettivament jirrisjedu f 'Malta jew anke barra minn Malta u jgħixu f 'Għawdex sporadikament. Indikazzjoni ta' fuq fuq turi li mentri kull xahar jiżżewġu medja ta' bejn tnax u erbatax-il koppja, ftit aktar minn nofshom jispiċċaw jirrisjedu f 'Malta. U din it-tendenza x'aktarx ser tkompli taċċentwa ruħha peress li l-pubblikazzjoni eċċellenti ta' statistika li għadu kemm ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, 'Gozo in Figures 2015' turi li l-istudenti Għawdxin fl-Università żdiedu minn 706 fl-2010/11għal 878 fl-2014/15. Illum, Għawdex għandu proporzjon ogħla ta' gradwati minn Malta (10.4 kull elf kontra 8.2) imma jekk dawn il-gradwati ma jsibux opportunitajiet ta' xogħol adegwati f 'Għawdex, huwa naturali li dawn imorru jaħdmu u jgħixu x'imkien ieħor. U għalkemm l-istatistika uffiċjali ma tindikax kemm hu n-numru ta' gradwati li spiċċaw jgħixu f 'Malta, huwa ferm evidenti li n-numru hu pjuttost għoli. Tisma b'bosta każijiet ta' familji li wliedhom kollha jispiċċaw jgħixu Malta. Dan qed ifisser ukoll li bosta drabi anke l-ġenituri qed jispiċċaw iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom f 'Malta ħalli jkunu qrib l-għeżież tagħhom. Dan l-iżvojtar demografiku qed ikollu effett devastanti fuq l-ekonomija Għawdxija. Dan l-aħħar qrajt kumment tal-ekonomista Tito Boeri li jmexxi l-istitut Taljan tal-pensjonijiet, l-INPS, dwar il-fatt li bosta pensjonanti Taljani qed imorru jgħixu l-Portugall jew ir- Rumanija peress li mhumiex jifilħu jgħixu l-Italja bil-pensjoni baxxa li jirċievu. Boeri qal li dan qed ikollu effett ferm negattiv fuq il-livell ta' konsum fl-Italja. U l-istess qed jiġri f 'Għawdex: jekk tmien koppji minn erbatax qed jagħżlu li jmorru jgħixu Malta, dan ifisser domanda għal tmien appartamenti jew djar fix- xahar anqas f 'Għawdex, konsum ta' 16-il ruħ anqas kull xahar, jew kważi 200 ruħ fis-sena anqas. Bir-riżultat li qed jonqos il-konsum f 'Għawdex u qed isir anqas vijabbli li wieħed jiġġestixxi negozju f 'Għawdex. L-effett kumulattiv hu li anqas negozji jiftħu u jħaddmu anqas nies f 'Għawdex. Skont l-istatistika uffiċjali, il- Prodott Gross Domestiku f 'Malta żdied minn €5.8b fl-2009 għal €7.14b fl-2013, żieda ta' 23% mentri dik t'Għawdex fl-istess perjodu żdiedet minn €325.6m għal €385.82m, żieda ta' 18.5%. Għal xi raġuni li ma fhimtx, il-figura ras imb'ras tal-PGD ma ngħatatx imma wieħed jista' jikkalkula li dik ta' Malta żdiedet approssimattivament minn €15,000 għal €18,000 mentri dik t'Għawdex żdiedet minn €10,200 għal €12,000. Il-medja tal-PGD Għawdxi ras imb'ras baqa' 70% dak ta' Malta u huwa ċar li d-divarju ekonomiku żgur li ma naqasx. L-ekonomija Maltija qiegħda konsistentement tikber aktar minn dik Għawdxija u dan qed jitfa' lil Għawdex f 'ċirku vizzjuż fejn jagħmel anqas sens li wieħed jinvesti f 'Għawdex bir- riżultat li aktar Għawdxin jispiċċaw jaħdmu barra minn Għawdex. Wieħed jista' jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni meta anke l-istess Għawdxin qed jippreferu li jinvestu f 'Malta u mhux f 'Għawdex. Min għandu idea ta' x'qed jiġri, jaf x'qed ngħid. Iċ-ċavetta sabiex wieħed joħroġ minn dan iċ-ċirku vizzjuż hu l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol f 'Għawdex. Huwa tassew drammatiku li l-wasla tal-internet u tal-ekonomija diġitali iżola aktar lil Għawdex meta fit-teorija kellu jirrendiha aktar aċċessibli u appettibli għall-investiment barrani. Imma tmexxija fqira li kienet aktar tikkonċentra fuq l-interessi klijentari milli fuq il-progress makro-ekonomiku tal-gzira ġab dan id-diżastru li issa qed naffaċjaw. Ma nifhimx għala kellna nistennew dan iż-żmien kollu sabiex ninvestu f 'linja tal-fibro-ottika meta jidher li lanqas m'aħna ser inkunu kapaċi nonfqu l-fondi Ewropej kollha allokati għall- perjodu 2007-2013. F'dan l-isfond ta' swied il-qalb, l-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ t'Għawdex li tniedi studju dwar il-fattibilità ta' konnessjoni fissa bejn il-gzejjer hija tassew ta' min ifaħħarha. Ta' min ifaħħarha doppjament għaliex fin-nuqqas ta' tmexxija minn min istituzzjonalment għandu l-obbligu li jippromwovi l-progress ekonomiku f 'Għawdex, hija s-soċjetà ċivili li mliet il-vojt u ħadet l-inizjattiva. Il-ġimgħa l-oħra attendejt presentazzjoni li ta l-ekonomista Gordon Cordina dwar l-istudju li wettaq. Nistieden lil kulħadd jaqra dan l-istudju onlajn, għax fl-opinjoni tiegħi jagħmel każ ineċċepibbli favur il-bini ta' mina meta mqabbel ma' possibiltajiet oħra bħalma huma l-bini ta' pont jew li nkomplu bħalma aħna fil-preżent. Cordina jistma li abażi tal- informazzjoni li ġabar minn proġetti simili ta' mini li twettqu fin-Norveġja, il-bini ta' mina hija fattibli anke jekk it-tariffi jibqgħu kif inhuma dawk tal-vapuri fil- preżent. U dan mingħajr ma tingħata l-ebda għajnuna finanzjarja da parti tal-istat. Cordina kkalkula ukoll li mina tfisser benefiċji ekonomiċi fl-ammont ta' €31m jew €1,000 għal kull resident fis-sena fuq is- sitwazzjoni attwali, total ta' €618.7m f 'perjodu ta' għoxrin sena. Tistona, kif irrimarkat din il- gazzetta l-ġimgħa l-oħra, l-assenza totali tal-Ministeru t'Għawdex kemm fiżikament waqt il-presentazzjoni kif ukoll fil-preparazzjoni ta' dan l-istudju. Mhuwiex aċċettabli li ministeru li suppost qiegħed hemm biex jippromwovi l-ġid t'Għawdex m'għandu x'jaqsam xejn ma' din l-inizjattiva. Issa li jidher li hemm kunsens politiku dwar il-ħtieġa ta' konnessjoni fissa, jeħtieġ li dan il-proġett jiġi promoss attivament mill-gvern u dan ir-rwol naturalment kellu jaqa' fuq ħoġor il-Ministeru t'Għawdex. Imma taħt dan il- gvern, jidher ċar li dan il-ministeru progressivament qed isir dejjem aktar irrilevanti. Hu x'inhu l-każ, il-gravità tas- sitwazzjoni titlob impenn serju u urġenti sabiex tiġi sorvolata darba għal dejjem il-problema tal- konnettività bejn il-gzejjer. Għawdex mhux se jitlef il-karatteristiċi uniċi b'din il-mina kif isostnu xi wħud, imma jibqa' komunità ħajja b'ekonomija dejjem aktar vibranti li tikkontribwixxi għall-ġid nazzjonali. Jeħtieġ li min għandu r-riedni f 'idejh, isuq iż-żiemel fejn għandu jmur u mhux iħallieh jiekol il-ħaxix f 'xi għalqa kemm kemm jibqa' ħaj. Fin-nuqqas, l-agunija ta' din il-gzira se titwal u ser teħżien. Joe ellis Opinjoni Problemi ta' gżira kwalunkwe "Jinħoloq inkonvenjent lil bosta li jridu jaqsmu bil-fors bħal min irid jaqbad ajruplan jew ikollu appuntament urġenti l-isptar"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 Novembru 2015